Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 20 ta’ Ottubru 2016

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Qegħdin inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li x-xiri ta’ b’kemm jiswew €80 biljun f’assi kull xahar huwa maħsub li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Marzu 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu fir-rigward tal-inflazzjoni.

It-tagħrif li sar disponibbli mil-laqgħa tal-bidu ta’ Settembru ’l hawn jikkonferma rkupru moderat iżda stabbli tal-ekonomija taż-żona tal-euro u żieda gradwali fl-inflazzjoni, u dan jaqbel mal-aspettattivi preċedenti tagħna. L-ekonomija taż-żona tal-euro baqgħet soda quddiem l-effetti negattivi tal-inċertezza ekonomika u politika globali, imsaħħa mill-miżuri komprensivi li ħadna fil-politika monetarja u li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-finanzjament ikunu favorevoli ferm għall-kumpaniji u l-individwi. B’mod ġenerali, madankollu, is-sitwazzjoni ta’ bażi tibqa’ suġġetta għal riskji b’xejra ta’ tnaqqis.

Għall-ġejjieni, aħna ntennu l-impenn tagħna li nżommu grad konsiderevoli ta’ rikonċiljazzjoni monetarja li huwa meħtieġ biex jassigura li l-inflazzjoni tikkonverġi b’mod sostnut lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmienu medju. Għal dan il-għan se nkomplu nieħdu passi billi nużaw l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tagħna, jekk dan ikun ġustifikat. F’Diċembru l-evalwazzjoni tal-Kunsill Governattiv se tibbenefika mit-tbassir makroekeonomiku ġdid tal-esperti tal-Eurosistema li jestendi sal-2019 u mill-ħidma tal-kumitati tal-Eurosistema fuq l-għażliet li jiżguraw li l-programm tagħna tal-akkwisti jiġi implimentat bla xkiel sa Marzu 2017, jew wara, jekk ikun hemm bżonn.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali fiż-żona tal-euro żdied b’0.3% fuq bażi trimestrali fit-tieni trimestru tal-2016, wara li kien żdied b’0.5% fl-ewwel trimestru. L-aħħar dejta u riżultati tal-istħarriġ jindikaw li t-tkabbir kompla jiżdied fit-tielet trimestru tal-2016, bejn wieħed u ieħor bl-istess ritmu tat-tieni trimestru. Għall-ġejjieni iżjed imbiegħed, nistennew li l-espansjoni ekonomika tkompli miexja b’ritmu moderat iżda stabbli. Id-domanda domestika għandha tiġi megħjuna mit-trażmissjoni fl-ekonomija reali tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja. Il-kundizzjonijiet favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabbiltà korporattiva qegħdin ikomplu jħeġġu rkupru fl-investiment. Barra dan, il-prezzijiet taż-żejt relattivament baxxi u ż-żieda sostnuta fl-impjiegi, li qegħdin jibbenefikaw ukoll mir-riformi strutturali tal-imgħoddi, jissupplimentaw id-dħul reali disponibbli tal-individwi u l-konsum privat. Barra minn hekk, l-orjentament fiskali fiż-żona tal-euro se jkun ġeneralment newtrali fl-2017. Madankollu, l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro huwa mistenni jiddgħajjef minn domanda barranija li għadha mrażżna, mill-aġġustamenti meħtieġa fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi u mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Ir-riskji għall-prospetti tat-tkabbir fiż-żona tal-euro xaqilbu lejn tnaqqis, l-iżjed minħabba l-ambjent estern.

Skont l-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro kienet 0.4% f’Settembru 2016, żieda minn 0.2% f’Awwissu. Dan minħabba li l-inflazzjoni annwali tal-enerġija kompliet tiżdied, filwaqt li s’issa għad m’hemm ebda sinjal ta’ xi xejra konvinċenti ta’ żieda fl-inflazzjoni ta’ bażi. Għall-ġejjieni, skont il-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, ir-rati tal-inflazzjoni aktarx jibdew jogħlew fix-xahrejn li ġejjin, l-iżjed minħabba l-effetti ta’ bażi fir-rata annwali ta’ bidla tal-prezzijiet tal-enerġija. Bl-għajnuna tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja u l-irkupru ekonomiku mistenni, ir-rati tal-inflazzjoni għandhom ikomplu jiżdiedu fl-2017 u l-2018.

Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqa’ jiżdied b’ritmu qawwi f’Awwissu 2016 u r-rata tat-tkabbir annwali tiegħu kienet ta’ 5.1%, wara 4.9% f’Lulju. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien megħjun fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 8.9% f’Awwissu, wara 8.4% f’Lulju.

L-iżviluppi fis-self imxew max-xejra tal-irkupru gradwali osservata sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali ta’ bidla tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kienet ta’ 1.9% f’Awwissu 2016. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi wkoll baqgħet stabbli, 1.8% f’Awwissu. Għalkemm l-iżviluppi fil-kreditu tal-banek ikomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju, il-miżuri tal-politika monetarja stabbiliti minn Ġunju 2014 qegħdin jgħinu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi kif ukoll il-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

L-istħarriġ fuq is-self bankarju fiż-żona tal-euro għat-tielet trimestru tal-2016 jindika li komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda għas-self lis-settur privat mhux finanzjarju. Barra dan, il-banek komplew jirrappurtaw li l-programm tal-BĊE għall-akkwist ta’ assi u r-rata negattiva tal-faċilità tad-depożitu taw sehemhom biex it-termini u l-kundizzjonijiet għas-self saru iżjed favorevoli.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm l-ammont sostanzjali ferm ta’ sostenn monetarju meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura għal livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% mingħajr dewmien żejjed.

Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra rikonċiljatorja tagħha ssostni l-attività ekonomika. Kif ilu jisħaq il-Kunsill Governattiv, u kif ilu jidwi bil-qawwa wkoll fid-diskussjonijiet Ewropej u internazzjonali, oqsma oħra tal-politika jridu jagħtu sehemhom b’mod iżjed deċiżiv, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja. Ir-ritmu tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali jeħtieġ jitħaffef b’mod sostanzjali biex jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fiż-żona tal-euro. Ir-riformi strutturali huma meħtieġa fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. L-attenzjoni għandha tintefa’ fuq azzjonijiet li jkabbru l-produttività u jtejbu l-klima tan-negozju, inkluż il-provediment ta’ infrastruttura pubblika adegwata, għax dawn huma essenzjali biex jikber l-investiment u jitkattar il-ħolqien tal-impjiegi. It-titjib fl-inizjattivi attwali tal-investiment, fosthom l-estensjoni tal-pjan Juncker, il-progress lejn l-unjoni tas-swieq tal-kapital u r-riformi li għandhom itejbu r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv ukoll se jagħtu sehemhom b’mod pożittiv għal dan il-għan. F’ambjent ta’ politika monetarja rikonċiljatorja, l-implimentazzjoni mgħaġġla u effikaċi tar-riformi strutturali mhijiex se twassal biss biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fiż-żona tal-euro iżda wkoll biex iż-żona tal-euro tkun tiflaħ iżjed għall-iskossi globali. Il-politika fiskali għandha ssostni wkoll l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir maż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ kruċjali biex tiżgura fiduċja fil-qafas fiskali. Fl-istess waqt, il-pajjiżi kollha għandhom iħabirku biex ikollhom politika fiskali li tgħin it-tkabbir.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja