Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2017

Politika monetarja

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet fuq il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fl-10 ta’ April 2017, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jattribwixxi l-kompitu lill-BĊE li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFUE u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport fuq il-konformità għas-sena 2016. Tagħrif ieħor fuq dan jinsab f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2016 tal-BĊE li ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE fl-10 ta’ April 2017.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport tal-BĊE għall-2017 fuq l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa”

Fis-6 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv ħa nota li l-ħdax-il edizzjoni tar-rapport tal-BĊE fuq l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa” se tiġi pubblikata fid-19 ta’ Mejju 2017 fl-okkażjoni tal-konferenza konġunta tal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea fuq l-integrazzjoni u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fl-Ewropa. Ir-rapport jippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro kif ukoll l-attivitajiet tal-Eurosistema biex din l-integrazzjoni tkompli tissaħħaħ, u jiġbor fih ukoll bosta artikli speċjali.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rendikonti finanzjarji T2S tal-2015

Fl-24 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv approva r-rendikonti finanzjarji tat-Target2-Securities għall-2015. Ir-rendikonti finanzjarji T2S tal-2015 jinsabu fil-websajt tal-BĊE flimkien mar-rapport annwali T2S tal-2016.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar self marbut mal-kambju fil-Polonja

Fl-24 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/9 wara talba mill-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-identifikazzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi għall-finijiet tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni fil-Ġermanja

Fis-6 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/10 wara talba mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-emendi għal-liġi finanzjarja superviżorja fil-Ġermanja

Fis-7 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/11 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-provediment ta’ assigurazzjoni għall-għargħar fl-Irlanda

Fis-7 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/12 wara talba tal-President tal-Kumitat Konġunt għall-Finanzi, Nefqa Pubblika u Riformi tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż u l-Prim Ministru tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-twessigħ tal-ambitu tad-dejta li tinsab fir-reġistru tal-kreditu fil-Latvja

Fit-12 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/13 wara talba minn Latvijas Banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar għodod makroprudenzjali addizzjonali fl-Isvezja

Fl-20 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/14 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Isvezja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Att fuq is-Servizzi ta’ Ħlas, is-Servizzi ta’ Ħruġ ta’ Flus Elettroniċi u s-Sistemi ta’ Ħlas fis-Slovenja

Fl-24 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/15 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Statistika

Rapport annwali 2016 fuq il-miżuri ta’ tħejjija għall-AnaCredit

Fid-29 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport annwali progressiv 2016 li sar mill-Kumitat tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali fuq il-miżuri ta’ tħejjija dwar il-qafas fit-tul tal-ġbir ta’ dejta tal-kreditu granulari għall-proġett tas-settijiet analitiċi ta’ dejta tal-kreditu (AnaCredit).

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

Fil-31 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/8 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u se tiġi pubblikata fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2017

Fl-24 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/11 dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2017. Id-Deċiżjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Linja Gwida u Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti

Fl-4 ta’ April 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jadotta Linja Gwida u Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet li jinsabu fil-liġi tal-Unjoni għal dawk li huma istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Il-Linja Gwida u r-Rakkomandazzjoni, flimkien mal-istqarrija bi tweġibiet għall-kummenti mibgħutin matul il-konsultazzjoni pubblika, jinsabu fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Kuntatti midja