Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-produttività, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku

Il-mod kif l-ekonomija tagħna tikber u tiġġenera opportunitajiet ġodda maż-żmien jiddependi parzjalment minn kemm in-nies joħorġu b’ideat kbar u modi ġodda u aktar intelliġenti ta’ kif isiru l-affarijiet. Biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar il-politika monetarja, jeħtieġ li nifhmu aħjar kif l-innovazzjoni, il-progress teknoloġiku u l-produttività jaffettwaw il-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna.

Għaliex il-produttività, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku kienu parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

Nifhmu kif tikber l-ekonomija

Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Biex nagħmlu dan tajjeb, irridu nifhmu kif taħdem u tikber l-ekonomija tagħna maż-żmien. L-ekonomija tal-lum hija ħafna aktar avvanzata meta mqabbla ma’ dik li n-nanniet tagħna kienu jafu meta kienu għadhom żgħar. It-telegrafu u t-tajprajters ta’ dari ċedew għall-ismartphones u l-paġni web, pereżempju. Kull ġenerazzjoni toħroġ b’ideat kbar, u modi ġodda ta’ kif tagħmel l-affarijiet, li jtejbu l-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna.

L-importanza tal-produttività

Kelma waħda li tgħinna nifhmu din il-bidla kollha hi l-produttività. Fi ftit kliem, tiddeskrivi kemm għandna bżonn nagħmlu sforz biex noħolqu jew nipproduċu xi ħaġa. Dan jista’ jfisser kwalunkwe ħaġa minn kemm jirrexxielna naħdmu llum, għal kemm il-magni tal-fabbrika jistgħu jipproduċu prodotti lesti. Jekk il-produttività tikber, dan ifisser li qed nagħmlu l-affarijiet aħjar. Ideat innovattivi u teknoloġiji ġodda jinsabu fil-qalba ta’ dan il-proċess.

Aħna nieħdu deċiżjonijiet bl-ekonomija f’moħħna

Kemm l-ekonomija tagħna tista’ tikber maż-żmien jiddependi ħafna fuq żewġ affarijiet: kemm tikber il-popolazzjoni tagħna u kemm tiżdied il-produttività b’rata mgħaġġla. Peress li aħna nieħdu deċiżjonijiet bl-ekonomija f’moħħna, il-Kunsill Governattiv iddiskuta l-produttività, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku bħala parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tiegħu.

Il-produttività, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku kif jaffettwaw il-politika monetarja tagħna?

Bidliet kbar fl-ekonomija

Il-popolazzjoni tagħna mhix qed tikber daqskemm kienet qabel. Dan ifisser li s-soċjetà tagħna jeħtieġ li ssir aktar produttiva biex l-ekonomija tagħna tikber aktar. Dan il-kompitu huwa importanti għaliex kien hemm bidliet kbar fl-ekonomija li għamlu x-xogħol tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli aktar diffiċli.

Pereżempju, in-nies qed jgħixu iktar fit-tul u qed ifaddlu aktar, sabiex ikunu jistgħu jgħixu komdi meta jirtiraw. Mill-kriżi finanzjarja ’l hawn, in-nies jippreferu jinvestu f’assi sikuri aktar milli f’dawk riskjużi. L-ekonomiji m’għadhomx jikbru b’rata daqshekk mgħaġġla daqs qabel, u dan jagħmel lin-negozji inqas ottimisti dwar il-futur, u għalhekk jinvestu inqas.

Tnaqqis fir-“rata naturali tal-imgħax”

Dawn il-bidliet mhumiex fil-kontroll tal-banek ċentrali. Iżda dawn wasslu, flimkien ma’ bidliet oħra, għal tnaqqis fl-hekk imsejħa “rata naturali tal-imgħax”. Din hi r-rata tal-imgħax li biha l-ekonomija timxi bla xkiel u l-inflazzjoni – ir-rata li biha l-prezzijiet ġenerali għall-prodotti u s-servizzi jinbidlu maż-żmien – tibqa’ stabbli. Jekk il-banek ċentrali jżidu r-rati tal-imgħax tagħhom ’il fuq mir-rata naturali, jitnaqqas it-tkabbir fl-ekonomija u hemm tendenza li l-inflazzjoni tonqos. Jekk il-banek ċentrali jnaqqsu r-rati tal-imgħax tagħhom ’il fuq mir-rata naturali, għandhom it-tendenza li jżidu t-tkabbir fl-ekonomija u l-inflazzjoni.

Minħabba li hemm limitu għal kemm jistgħu jinżlu r-rati tal-imgħax baxxi, tnaqqis fir-rata naturali tal-imgħax ifisser li l-banek ċentrali għandhom inqas spazju biex jistimulaw l-ekonomiji tagħhom billi jużaw biss il-politika tar-rati tal-imgħax. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex aħna, bħal banek ċentrali oħra madwar id-dinja, introduċejna strumenti ġodda tal-politika monetarja. Huma jgħinuna nżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Iżda aktar tkabbir tal-produttività jistgħu jagħtu spinta lir-rata naturali ta’ imgħax. Dan, min-naħa tiegħu, jagħti lill-banek ċentrali aktar spazju biex isaħħu l-ekonomiji tagħhom billi jużaw il-politika tagħhom dwar ir-rati tal-imgħax filwaqt li jżommu l-inflazzjoni kkontrollata.

Min jew x’jistaʼ jżid it-tkabbir tal-produttività?

Il-gvernijiet tagħna jistgħu jinfluwenzaw kemm aħna produttivi permezz tad-deċiżjonijiet li jieħdu. Pereżempju, jistgħu jonfqu l-flus fuq l-investiment f’teknoloġiji ġodda li se jagħmluha aktar faċli biex jiġu prodotti l-oġġetti jew biex jaħdmu b’mod aktar effettiv. Dawn jistgħu jappoġġjaw l-edukazzjoni u jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp, jew jgħaddu liġijiet ġodda li jagħmluha aktar faċli għan-nies biex jagħmlu negozju jew jistabbilixxu kumpaniji. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jtejbu l-produttività fl-ekonomija u jgħinuha tikber maż-żmien.

KOMPLI AQRA
Fatturi ewlenin wara x-xejriet tal-produttività fil-pajjiżi tal-UE
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?