Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

It-tibdil fil-klima u r-reviżjoni tal-istrateġija

L-indirizzar tat-tibdil fil-klima huwa sfida globali u prijorità għall-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-gvernijiet għandhom iservu ta’ mexxejja, il-BĊE għandu wkoll interess qawwi li jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. It-tibdil fil-klima jaffettwa kif il-prezzijiet tal-affarijiet jinbidlu permezz tal-impatt tiegħu fuq l-ekonomija. Aħna impenjajna ruħna għal pjan ta’ azzjoni ambizzjuż biex inqisu r-riskji tat-tibdil fil-klima fil-politika monetarja tagħna.

Għaliex it-tibdil fil-klima kien parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jeħtieġ azzjoni urġenti

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-akbar sfidi li qed naffaċċjaw illum. Jaffettwana lkoll u jeħtieġ azzjoni urġenti. Iż-żieda fit-temperaturi u t-temp estrem diġà jfixklu ħafna ħajjitna u l-ekonomiji tagħna. Il-problemi maħluqa mit-tibdil fil-klima se jmorru għall-agħar biss jekk ma nindirizzawhomx issa, flimkien.

Il-gvernijiet għandhom jieħdu t-tmexxija

Ilkoll kemm aħna għandna rwol x’naqdu biex nieħdu ħsieb it-tibdil fil-klima, iżda l-gvernijiet għandhom ikunu minn ta’ quddiem għaliex huma primarjament responsabbli għall-politika dwar il-klima u għandhom l-iktar għodod effettivi.

Għandna bżonn ngħinu fejn nistgħu

Aħna fil-BĊE għandna wkoll interess qawwi li ngħinu nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Dan għaliex ir-riskji tal-klima jaffettwaw kif naħdmu biex inżommu l-prezzijiet stabbli.

It-tibdil fil-klima kif jaffettwa xogħolna?

It-tibdil fil-klima jagħmel il-politika monetarja aktar diffiċli

L-avvenimenti estremi tat-temp jagħmlu l-ekonomija tagħna inqas prevedibbli. Jeffettwaw kemm jiġi prodott u kemm iqumu l-affarijiet. Pereżempju, nixfa twila ħafna tista’ tirrovina diversi ħsad. Meta jkun hemm inqas ikel disponibbli, il-prezzijiet tal-ikel jogħlew. Hekk kif dawn l-avvenimenti jsiru aktar frekwenti, dawn joħolqu aktar inċertezza. Dan imbagħad jagħmilhielna aktar diffiċli biex inqisu liema xokkijiet għall-ekonomija tagħna jeħtieġu bidliet fil-politika monetarja tagħna, u liema le.

It-tibdil fil-klima huwa sfida fit-tul

Filwaqt li normalment niffukaw fuq kif il-prezzijiet se jiżviluppaw matul is-snin li ġejjin, irridu nikkunsidraw ukoll li t-tibdil fil-klima huwa sfida ħafna aktar fit-tul. Il-politiki mfassla biex jinkoraġġixxu attivitajiet aktar ekoloġiċi fl-ekonomija tagħna jaffettwaw ukoll kemm jiswew l-affarijiet. Pereżempju, it-taxxi fuq il-faħam, iż-żejt u l-gass jistgħu jagħmlu l-enerġija ġġenerata minn dawn ir-riżorsi aktar għaljin. Il-gvernijiet jistgħu jagħżlu wkoll li jappoġġjaw teknoloġiji aktar sostenibbli u tipi ta’ enerġija iktar ekoloġiċi, li jistgħu jfixklu xi industriji u reġjuni aktar minn oħrajn u fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw il-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna.

It-tibdil fil-klima jaffettwa wkoll is-sistema finanzjarja tagħna

Ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u bankarji tagħna. Pereżempju, assi meqjusa bħala siewja llum jistgħu jkunu jiswew ħafna inqas għada. Pereżempju kumpanija tal-enerġija li tħaffer għaż-żejt biex tissupplixxi lill-klijenti tagħha. F’ekonomija aktar ekoloġika fejn it-tħaffir huwa pprojbit, il-kumpanija tal-enerġija tkun tiswa ħafna inqas. Jekk il-valur tal-ishma tagħha jaqa’, kumpaniji oħra u banek li għandhom dawk l-ishma jistgħu wkoll isibu ruħhom f’diffikultà. Avvenimenti bħal dawn jistgħu jbeżżgħu s-swieq u l-instabbiltà tista’ tinfirex. In-nies jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom. L-infiq u l-investiment jistgħu jonqsu. Dan kollu jista’ jagħmel ħsara kbira lill-ekonomija u jrendi l-kompitu tagħna li nżommu l-prezzijiet aktar stabbli ferm itqal.

Kif nistgħu nikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima?

Aħna impenjati għal pjan ta’ azzjoni ambizzjuż relatat mal-klima

Jeħtieġ li nqisu r-riskji tat-tibdil fil-klima meta nieħdu d-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja tagħna. Dan jgħinna nieħdu deċiżjonijiet aħjar. Imma dan huwa impenn kbir. Mhux ser iseħħ mil-lum għal għada. Huwa għalhekk li qed nimpenjaw ruħna għal pjan ta’ azzjoni wiesa’ u kuraġġuż biex niffokaw l-isforzi tagħna fuq oqsma ewlenin biex ngħinu nindirizzaw it-tibdil fil-klima.

X’ser nagħmlu?

L-ewwel, jeħtieġ li nifhmu aħjar kif eżatt ir-riskji tat-tibdil fil-klima jaffettwaw l-ekonomija. Għal dan l-għan qed niġbru informazzjoni u dejta. Se niżguraw li r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima huma parti mill-analiżi regolari tagħna tal-ekonomija u jidħlu fil-mudelli li nużaw biex jgħinuna nifhmu kif taħdem l-ekonomija. It-tieni, se nippromwovu l-għarfien u t-trasparenza dwar ir-riskji tat-tibdil fil-klima. Bħala bank ċentrali, aħna qegħdin f'pożizzjoni tajba biex nagħmlu dan għaliex aħna ninteraġixxu regolarment mal-banek permezz tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tagħna. Pereżempju, qed nesploraw kif ir-regoli tagħna jistgħu jinkoraġġixxu lill-banek biex ikunu aktar miftuħa dwar ir-riskji tat-tibdil fil-klima relatati mal-assi li għandhom u biex jgħidulna dwar dawn ir-riskji b’mod konsistenti. It-tielet, se naħdmu fuq il-ħila tagħna biex niġġudikaw aħjar ir-riskji klimatiċi għall-politika monetarja tagħna stess u l-operazzjonijiet ta’ investiment. Hemm aspetti oħrajn ukoll. Tista’ taqra aktar dwar il-pjan ta’ azzjoni tagħna fl-istqarrija għall-istampa tagħna dwar it-tibdil fil-klima.

ARA WKOLL

Sib aktar dwar il-pjan ta’ azzjoni tagħna relatat mal-klima

It-tibdil fil-klima fl-istrateġija l-ġdida tagħna

Aħna fil-BĊE qed nagħmlu l-parti tagħna biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima fi ħdan il-mandat tagħna. Iddeċidejna dwar pjan ta’ azzjoni bi pjan direzzjonali ambizzjuż biex ninkorporaw kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas ta’ politika tagħna.

Stqarrija għall-istampa
KOMPLI AQRA
It-tibdil fil-klima u l-politika monetarja fiż-żona tal-euro
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?