Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)?

28 ta' Lulju 2021

Il-pandemija tal-koronavirus għamlet ħsara lill-ekonomiji madwar id-dinja. Ħafna negozji kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba restrizzjonijiet. In-nies tilfu l-impjieg tagħhom u l-prospetti għall-futur kienu inċerti ħafna. Biex jiġġieled l-impatt fuq l-ekonomija taż-żona tal-euro, il-Bank Ċentrali Ewropew beda l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija, jew PEPP, f’Marzu 2020.

Il-PEPP jgħin lin-nies u lid-ditti jiksbu aċċess għal fondi bl-irħis li jeħtieġu biex jegħlbu l-kriżi. Dan il-programm temporanju jikkumplimenta l-miżuri l-oħra tagħna ta’ politika monetarja, bħall-programmi l-oħra ta’ xiri ta’ assi u l- operazzjonijiet ta’ self immirati tagħna.

Iżda kif jaħdem preċiżament il-PEPP?

Il-PEPP jippermetti lill-BĊE jixtri tipi differenti ta’ assi fis-swieq finanzjarji. Permezz ta’ dan, il-prezzijiet ta’ dawk l-assi jogħlew u, b’estensjoni, ir-rati tal-imgħax tas-suq jinżlu. Dan kollu jappoġġja l-ekonomija billi jagħmel is-self irħas għan-nies, in-negozji u l-gvernijiet. Dan jagħmilha wkoll faċli għall-mutwatarji biex iħallsu d-djun tagħhom. Dan jgħin biex jinżammu s-self, l-infiq u l-investiment minkejja l-kriżi tal-pandemija. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jagħti spinta lit-tkabbir u jġib l-inflazzjoni lura għal-livelli qrib, iżda taħt, it-2% matul terminu medju, jiġifieri skont l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Din il-grafika turi kif dan il-proċess ġeneralment jaħdem.

B’mod ġenerali, il-PEPP inħoloq biex jimmaniġġja l-pandemija tal-koronavirus u l-inċertezza dwar meta u fejn il-konsegwenzi tagħha se jkunu l-agħar. Huwa stabbilizza b’suċċess is-swieq finanzjarji u impedixxa t-taqlib fir-rebbiegħa tal-2020 milli jinbidel fi kriżi finanzjarja sħiħa b’konsegwenzi saħansitra aktar serji għall-Ewropej.

Meta mqabbel mal-programmi l-oħra tagħna ta’ xiri ta’ assi, il-PEPP huwa speċjali għar-raġunijiet li ġejjin:

Huwa flessibbli

Din hija l-aktar karatteristika importanti tal-PEPP. Dan ifisser li nkunu flessibbli meta nixtru, x’tip ta’ assi nixtru, u f’liema pajjiżi nixtru. Dan jippermettilna niffukaw ix-xiri tagħna sabiex jippreserva kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għan-nies fiż-żona tal-euro. U, b’mod importanti, li jkun hemm reazzjoni malajr għal kwalunkwe bidla finanzjarja jew ekonomika.

Huwa skalabbli

Inizjalment allokajna EUR 750 biljun għax-xiri ta’ assi tal-PEPP. Dan żdied b’EUR 600 biljun oħra f’Ġunju 2020 u għal darb’oħra b’EUR 500 biljun f’Diċembru 2020, għal total ġdid ta’ EUR 1.85 triljun. Madankollu, l-ammont totali jista’ jiżdied jew jitnaqqas kif meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli.

Huwa trasparenti

Aħna nippubblikaw ħafna data dwar ix-xiri ta’ assi biex il-programm isir kemm jista’ jkun trasparenti. Kull ġimgħa nippubblikaw l-ammont ta’ titoli li xtrajna taħt il-PEPP u l-APP. Nippubblikaw ukoll ix-xiri nett ta’ kull xahar tagħna. Barra minn hekk, kull xahrejn nagħtu informazzjoni aktar dettaljata dwar ix-xiri mis-settur pubbliku u privat taħt il-PEPP.

Huwa temporanju

Il-PEPP huwa speċifikament maħsub biex jiġġieled l-impatt tal-kriżi tal-koronavirus fuq l-ekonomija taż-żona tal-euro. Aħna ser inwettqu x-xiri nett ta’ assi sa mill-anqas sal-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat