X’inhuma l-flus?

24 ta’ Novembru 2015 (aġġornat 20 taĠunju 2017)

Il-karti u l-muniti tal-euro huma flus iżda anki l-bilanċ ta’ kont bankarju huwa flus. X’inhuma l-flus tassew? Kif jinħolqu u x’sehem għandu l-BĊE f’dan?

Il-flus jinbidlu maż-żminijiet

In-natura tal-flus evolviet matul iż-żmien. Il-flus bikrin x’aktarx kienu prodotti essenzjali – oġġetti magħmulin minn xi ħaġa li kellha valur fis-suq, bħal munita tad-deheb. Iktar ’il quddiem, il-flus rappreżentattivi kienu jikkonsistu f’karti tal-flus li setgħu jissarrfu ma’ kwantità ta’ deheb jew fidda. L-ekonomiji moderni, fosthom iż-żona tal-euro, huma msejsin fuq flus tal-karti “inkonvertibbli”. Dawn ikunu flus li jiġu ddikjarati valuta legali u jinħarġu minn bank ċentrali iżda, bil-maqlub tal-flus rappreżentattivi, ma jistgħux jiġu kkonvertiti, ngħidu aħna, f’piż fiss ta’ deheb. M’għandhomx valur intrinsiku – il-karta li tintuża għall-flus fil-prinċipju m’għandhiex valur – madankollu xorta jiġu aċċettati bi tpartit għal prodotti u servizzi għaliex in-nies ikollhom fiduċja li l-bank ċentrali se jżomm il-valur tal-flus stabbli għal ċertu żmien. Jekk il-banek ma jirnexxilhomx jagħmlu dan, il-karti tal-flus jitilfu l-aċċettazzjoni ġenerali bħala mezz ta’ tpartit kif ukoll il-ġibda tagħhom bħala ħażna ta’ valur.

Il-flus tal-lum ma jeżistux biss bħala rappreżentazzjoni fiżika. Jeżistu wkoll f’kont bankarju fis-sura ta’ entrata ta’ kompjuter u jistgħu jinħażnu fis-sura ta’ kont tat-tfaddil. Hekk, il-flus diġitali jew elettroniċi huma valur monetarju maħżun f’kard imħallsa bil-quddiem jew fi smartphone. Id-debiti diretti, il-ħlasijiet bl-internet u t-trasferimenti bil-kards ilkoll huma forom ta’ pagamenti li ma jużawx flus kontanti. (Hemm ukoll muniti diġitali deċentralizzati iżjed reċenti jew skemi ta’ muniti virtwali bħal Bitcoin li jeżistu mingħajr punt ċentrali ta’ kontroll bħal bank ċentrali. Dawn ma jitqisux bħala flus minn perspettiva legali).

In-natura tal-flus matul iż-żmien

Flus f’għamla ta’ prodotti essenzjali 

Flus rappreżentattivi

Flus inkonvertibbli

Minkejja ż-żieda kbira fil-ħlasijiet elettroniċi, il-flus kontanti xorta għadhom popolari. Fiż-żona tal-euro, il-kontanti jintużaw fi proporzjon kbir ferm tal-ħlasijiet kollha li jsiru u li jkunu taħt l-€20. Il-valur tal-flus kontanti huwa ggarantit mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, li flimkien jagħmlu l-Eurosistema.

L-użu tal-flus u kif il-BĊE jżomm kont tagħhom

Il-flus, hi x’inhi l-forma tagħhom, għandhom tliet funzjonijiet differenti. Huma mezz ta’ tpartit, jiġifieri mezz ta’ ħlas b’valur li kulħadd jafda fih. Il-flus huma wkoll unità tal-kontabilità li tippermetti li l-prodotti u s-servizzi jkollhom prezz. Huma wkoll maħżen ta’ valur. Mhux il-karti tal-euro kollha fiċ-ċirkolazzjoni attwalment ikunu fiċ-ċirkolazzjoni, jiġifieri jintużaw biex jiġu pproċessati ħlasijiet. Ngħidu aħna, ħafna mill-karti tal-€50 li huma fiċ-ċirkolazzjoni jinsabu maħżuna.

Il-funzjonijiet tal-flus

Mezz ta’ skambju
għax-xiri ta’ oġġetti

Unità tal-kontabilità
għall-iffissar tal-prezzijiet

Maħżen ta’ valur
għat-tfaddil

Il-banek ċentrali normalment jiddefinixxu u jimmonitorjaw bosta aggregati monetarji. Mill-iżviluppi li jseħħu f’dawn l-aggregati, nistgħu niġbru tagħrif siewi dwar il-flus u l-prezzijiet. Bosta aggregati huma meħtieġa minħabba li ħafna assi finanzjarji differenti huma sostitwibbli u n-natura u l-karatteristiċi tal-assi finanzjarji, it-tranżazzjonijiet u l-mezzi tal-ħlas jinbidlu maż-żmien. L-Eurosistema ddefiniet x’inhu aggregat monetarju ristrett (M1), “intermedju” (M2) u wiesa’ (M3) għall-użu fl-analiżi monetarja tal-BĊE. Il-BĊE josserva l-iżviluppi f’dawn l-aggregati, flimkien ma’ ħafna informazzjoni u analiżi oħra, bħala parti mill-istrateġija tiegħu tal-politika monetarja.

Kif jinħolqu l-flus?

Il-BĊE jaġixxi ta’ bank għall-banek kummerċjali u b’hekk jinfluwenza wkoll il-fluss tal-flus u l-kreditu fl-ekonomija biex jasal għal prezzijiet stabbli. Il-banek kummerċjali, min-naħa tagħhom, jistgħu jissellfu flus fis-sura ta’ riżervi tal-bank ċentrali mill-BĊE, x’aktarx biex jagħmlu tajjeb għal ħtiġijiet ta’ likwidità għal żmien qasir. L-għodda ewlenija tal-BĊE biex jikkontrolla l-kwantità ta’ flus “esterni”, u għalhekk id-domanda għal riżervi tal-bank ċentrali mill-banek kummerċjali, hija li jistabbilixxi rati tal-imgħax għal żmien qasir ferm – “il-kost tal-flus”.

Ħolqien ta’ flus fiż-żona tal-euro

Bank Ċentrali Ewropew

  Banek kummerċjali

     Nies u negozji

Il-banek kummerċjali jistgħu joħolqu wkoll dawk magħrufin bħala flus “interni” – jiġifieri depożiti bankarji, u dan jiġri kull darba li joħorġu self ġdid. Id-differenza bejn flus esterni u interni hija li tal-ewwel huma attiv għall-ekonomija kollha kemm hi, iżda mhuma passiv għal ħadd. Il-flus interni, min-naħa l-oħra, jgħidulhom hekk għaliex huma ggarantiti bi kreditu privat: jekk jitħallsu l-klejms kollha miżmumin mill-banek ma’ debituri privati, il-flus interni li jkunu nħolqu jerġgħu lura għal żero. Għalhekk, din hija forma ta’ flus li tinħoloq – u tista’ tiġi rriversjata – fi ħdan l-ekonomija privata.

X’inhi l-iskema “tal-istampar tal-flus” tal-BĊE li sikwit naqraw fuqha?

Fil-prattika, huma l-banek ċentrali nazzjonali biss li fiżikament joħorġu l-karti tal-euro. “L-istampar tal-flus” huwa t-terminu popolari għall-programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE, forma ta’ llaxkar kwantitattiv jew “quantitative easing”. Meta jixtri assi mis-suq finanzjarju, il-BĊE joħloq riżervi addizzjonali tal-bank ċentrali li jistgħu jgħinu biex jonqsu, b’diversi mezzi, ir-rati tal-imgħax li jsibu ma’ wiċċhom l-individwi u l-kumpaniji. Dan jagħmlu biex isostni l-ekonomija u jżomm il-valur tal-flus stabbli meta ma jkunx hemm minn fejn inaqqas ir-rati tal-imgħax direttament. F’dan il-proċess, il-BĊE fir-realtà ma jistampax karti tal-flus biex jakkwista l-assi iżda joħloq il-flus b’mod elettroniku, u dawn jiġu kkreditati lill-bejjiegħ jew lill-intermedjarju, ngħidu aħna, bank kummerċjali. Il-bejjiegħ imbagħad jista’ juża l-likwidità addizzjonali biex jixtri assi oħra jew, fil-każ ta’ bank kummerċjali, biex jestendi l-kreditu fl-ekonomija reali. Ix-xiri jgħin biex jitjiebu l-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, billi n-negozjanti u l-individwi jkunu jistgħu jissellfu bl-irħis sabiex jinvestu u jonfqu aktar. L-għan aħħari huwa li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura għal livelli qrib iżda taħt 2%, skont il-mandat tal-BĊE dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet.