European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’sehem għandhom ir-rati tal-kambju?

28 ta' Ġunju 2016

X’inhi r-rata tal-kambju?

Ir-rata tal-kambju hija r-rata li biha munita tista’ tissarraf f’munita oħra. Ngħidu aħna, bħalissa €1 jsarraf $1.13. Din ir-rata tinbidel kontinwament fis-swieq tal-kambju globali fejn jiġu negozjati kull xorta ta’ muniti. L-euro huwa fost l-iżjed muniti li jiġu negozjati, flimkien mad-dollaru Amerikan, il-yen Ġappuniż u l-lira sterlina.

Il-BĊE jipprovdi rati tal-kambju?

Kuljum għall-ħabta tal-16:00 CET il-BĊE jippubblika r-rati tal-kambju ta’ referenza tal-euro għal 31 munita differenti. Dawn ir-rati ta’ referenza huma maħsuba biss għal finijiet ta’ tagħrif. Hekk, ir-rati sikwit jintużaw minn kumpaniji u mill-pubbliku għal rendikonti finanzjarji annwali, prospetti tat-taxxa, rapporti tal-istatistika u analiżi ekonomika. Ir-rati tal-31 munita mal-euro huma medja tar-rati tax-xiri u l-bejgħ u mhux bilfors jirriflettu r-rati li bihom ikunu saru t-tranżazzjonijiet attwali fis-suq. Meta ssarraf munita f’oħra, ir-rata li tintuża tittieħed mir-rati tas-suq f’ħin reali.

Il-BĊE jippubblika wkoll rata tal-kambju effettiva nominali tal-euro li tkun ibbażata fuq medja peżata tar-rati tal-kambju bilaterali tal-euro mal-muniti ta’ 19 mis-sħab tan-negozju taż-żona tal-euro. Din ir-rata tindika jekk l-ispiża biex issarraf munita barranija f’euro tkunx qiegħda togħla jew torħos bħala medja.

Kif jolqtu l-politika monetarja r-rati tal-kambju?

Ir-rata tal-kambju mhijiex waħda mill-għanijiet tal-politika tal-BĊE. Dan ifisser li l-BĊE ma jippruvax jinfluwenza r-rata tal-kambju permezz tal-operazzjonijiet tiegħu tal-politika monetarja. Il-grupp G20 tal-akbar ekonomiji dinjin intrabat li ma jagħmilx żvalutazzjonijiet kompetittivi u li ma jużax ir-rati tal-kambju għal finijiet kompetittivi, filwaqt li jirreżisti kull forma ta’ protezzjoniżmu.

Madankollu, ir-rati tal-kambju għandhom implikazzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u t-tkabbir. Hekk, ir-rati tal-kambju jaffettwaw il-prezzijiet fil-kummerċ internazzjonali. Meta tista’ tikseb iżjed dollari Amerikani għal kull €1, fi kliem ieħor meta l-euro japprezza, il-prodotti Amerikani jorħsu għan-nies fiż-żona tal-euro. Għaldaqstant, il-prezzijiet tal-importazzjoni jorħsu. Dan ikollu impatt dirett fuq l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro, permezz tal-prezzijiet tal-oġġetti importati għall-konsum, kif ukoll impatt indirett permezz tal-prezzijiet tal-materja prima importata u l-prodotti intermedji li jintużaw għall-produzzjoni.

Il-BĊE jeħtieġlu jgħasses bir-reqqa għal dawn l-iżviluppi meta jistabbilixxi l-politika monetarja biex iwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-inflazzjoni taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.