X'inhuma l-ħlasijiet istantanji?

26 ta' Settembru 2016 (aġġornat fis-26 ta' Ġunju 2018)

Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ messaġġi istantanji, u madankollu ġieli ndumu ġurnata sħiħa biex inlestu ħlas elettroniku. U jekk nagħmlu ħlas elettroniku fi tmiem il-ġimgħa jew fil-btajjel bankarji, dan jista' lanqas biss jibda l-vjaġġ tiegħu lejn ir-riċevitur sal-jum tax-xogħol li jmiss.

Bi ħlasijiet istantanji, il-flus ikunu disponibbli f'sekondi fil-kont tar-riċevitur, 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. F'ċerti pajjiżi dan diġà huwa possibbli. Imma għandu jkun possibbli f'kull pajjiż Ewropew, mhux biss għall-ħlasijiet bl-euro li tagħmel lil persuna jew negozju fl-istess pajjiż tiegħek, iżda wkoll lil dawk f'pajjiż Ewropew ieħor. Biex dan isir realtà, il-fornituri Ewropej tas-servizzi tal-ħlas qablu dwar sett komuni ta' regoli u standards għal ħlasijiet instantanji, imsejħa l-iskema ta' trasferiment ta' kreditu instantanju tas-SEPA.

Is-SEPA tfisser Single Euro Payments Area (Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro): l-għan tas-SEPA huwa li jagħmilha possibbli għalina li nagħmlu ħlasijiet bl-euro lil kull min jinsab, ikun fejn ikun, fl-Ewropa b'mod faċli, sigur u effiċjenti daqslikieku ġewwa pajjiżna stess – kemm jekk permezz ta' debitu dirett, karta ta' debitu jew trasferiment bankarju.

X’inhuma l-benefiċċji tal-ħlasijiet istantanji?

Bi ħlasijiet istantanji, tista' tibgħat u tirċievi ħlasijiet elettroniċi f'euro f'kull ħin u kullimkien. F'ċerti pajjiżi, inti tista' diġà tibgħat ħlasijiet instantanji permezz tat-telefown ċellulari, u jkollok l-istess esperjenza f'termini ta' veloċità u konvenjenza bħal fil-każ ta' flus kontanti, pereżempju meta taqsam kont ta' pranzu ma' kollegi jew tislef xi flus lil xi ħabib jew qarib.

Fil-kummerċ elettroniku, il-ħlasijiet instantanji jeliminaw ir-riskju għan-negozjanti onlajn li ma jitħallsux, billi r-rilaxx ta' oġġetti u servizzi jistgħu jiġu ssinkronizzati faċilment mal-ħlas. Għal ħlasijiet minn negozju għal negozju, il-ħlasijiet instantanji jtejbu l-likwidità, jagħmluha iktar faċli biex jiġu amministrati l-fondi, inaqqsu l-ħlasijiet tardivi u jħaffu l-ħlas tal-fatturi.

Il-ħlasijiet istantanji jistgħu jkunu wkoll mezz għall-inklużjoni finanzjarja. Skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom dritt jiftħu kont ta’ ħlas bażiku irrispettivament mill-qagħda finanzjarja tagħhom jew il-post fejn joqogħdu. Il-possibbiltà li tibgħat u tirċievi ħlasijiet istantanji minn telefown ċellulari tista' tkun inċentiv għan-nies jew biex ikollhom aċċess għal servizzi finanzjarji għall-ewwel darba, jew biex jużawhom aktar spiss.

Meta nista' nuża l-ħlasijiet istantanji?

Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas mhumiex obbligati joffru ħlasijiet immedjati lill-klijenti tagħhom. Il-BĊE ħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas biex jagħmlu disponibbli soluzzjonijiet ta' ħlas istantanju f'euro lill-klijenti tagħhom minn Novembru 2017. Uħud għamlu dan u oħrajn qed jippjanaw li jagħmlu dan aktar tard. L-esperjenza minn pajjiżi li diġà qed jużaw ħlasijiet istantanji, bħad-Danimarka, l-Isvezja u r-Renju Unit, turi li malajr saru popolari ħafna.

X'inhu r-rwol tal-BĊE?

Il-BĊE huwa interessat fil-ħlasijiet istantanji għaliex aħna responsabbli għas-sigurtà u l-effiċjenza tal-ħlasijiet elettroniċi bl-euro.

Sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni fil-ħlasijiet, aħna naħdmu mal-industrija finanzjarja biex naqblu fuq ir-regoli u standards komuni u nneħħu kull ostakolu li jibqa' għal ħlasijiet ġewwa l-pajjiżi kollha tal-UE. Il-BĊE jippresjedi wkoll grupp – jismu Euro Retail Payments Board – (Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro) li jiġbor flimkien rappreżentanti ta' fornituri u utenti ta' servizzi ta' ħlas, li jaħdmu flimkien biex is-suq tal-pagamenti fl-UE jkun aktar integrat, innovattiv u kompetittiv. Il-Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut tal-Euro mexxa 'l quddiem ix-xogħol fuq il-ħlasijiet instantanji panEwropej u qed jissorvelja l-progress hekk kif dawn jintużaw iktar.

Biex ikun aktar faċli għal aktar fornituri ta' servizz ta' ħlas biex joffru ħlasijiet istantanji, il-BĊE qed jiżviluppa servizz ġdid li jippermettilhom jirregolaw il-ħlasijiet minnufih, b'mod sigur erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Is-servizz TARGET instant payment settlement (TIPS) (Pagament u Saldu Istantanju) se jitnieda f'Novembru 2018 u għandu jipprovdi inċentiv addizzjonali lill-fornituri tas-servizz ta' ħlas biex joffru ħlasijiet istantanji għaliex se jagħmilha aktar faċli għalihom li jilħqu lill-klijenti ta' fornituri oħra ta' servizzi tal-ħlas madwar l-Ewropa, u biex dan isir bi prezz baxx. B'riżultat ta' dan, il-ħlasijiet istantanji għandhom dalwaqt isiru komuni madwar l-Ewropa. Segwi dan l-ispazju.

Tgħallem iktar dwar dan il-proġett: TARGET instant payment settlement (TIPS)