Ħames affarijiet li għandek tkun taf fuq il-BĊE

10 ta' Lulju 2015

1. Aħna istituzzjoni Ewropea li taħdem għal 340 miljun ċittadin

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa l-bank ċentrali għall-euro, il-munita ta’ 19-il pajjiż Ewropew. Twaqqaf fl-1998 u jinsab fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja. Illum huwa istituzzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-għan ewlieni tal-BĊE huwa li jżomm il-prezzijiet stabbli fil-pajjiżi li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom. Dan jagħmlu billi jfassal u jħaddem il-politika monetarja fi ħdan l-Eurosistema, li tiġbor fiha l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tad-19-il pajjiż taż-żona tal-euro.

Id-deċiżjonijiet tal-BĊE jolqtu direttament l-ekonomija taż-żona tal-euro, jiġifieri jolqtu l-ħajja tat-340 miljun ruħ li joqogħdu hemm.

2. L-għan tagħna huwa li l-prezzijiet fiż-żona tal-euro jkunu stabbli

L-għan ewlieni tal-BĊE huwa l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dan ifisser li l-bank ċentrali jipprova jżomm ir-rata li biha jogħlew il-prezzijiet (inflazzjoni) taħt iżda qrib 2% għal żmien medju, li huwa livell aċċettabbli ta’ inflazzjoni. B’hekk il-prezzijiet ma jogħlewx f’daqqa, u dak li tfaddal maż-żmien ma jispiċċax fix-xejn. Il-prezzijiet lanqas ma jistaġnaw f’livell li jistgħu jibdew jonqsu (deflazzjoni) u n-nies joqogħdu jaħsbuha qabel ma jixtru. Dan iwassal biex l-ekonomija teħel, jintilfu l-impjiegi u l-prezzijiet jonqsu drastikament, mingħajr tama ta’ rkupru.

Prezzijiet stabbli huma importanti biex in-nies u d-ditti kummerċjali jħossuhom fiduċjużi meta jippjanaw biex jinvestu għall-ġejjieni.

Bħal banek ċentrali oħra, il-BĊE normalment jinfluwenza l-prezzijiet billi jistabbilixxi r-rata tal-imgħax għal żmien qasir li biha jislef il-flus lill-banek kummerċjali. Meta jibdel din ir-rata tal-imgħax, il-BĊE jfittex li jinfluwenza l-ammont u l-kost tal-kreditu li jgħaddi permezz tal-banek lill-kumpaniji u l-individwi, i.e. lill-ekonomija l-wiesgħa. Meta l-attività ekonomika tonqos u l-inflazzjoni tkun iżjed baxxa mill-għan tal-BĊE, rata tal-imgħax baxxa (“politika monetarja laxka”) tħeġġeġ il-fluss tal-kreditu billi traħħsu, u dan jistimola d-domanda fl-ekonomija kollha u, maż-żmien, l-inflazzjoni terġa’ toqrob lejn l-għan tal-BĊE. Meta l-ekonomija tikber malajr wisq u l-inflazzjoni tkun ogħla mill-għan, rata tal-imgħax għolja (“politika monetarja stretta”) ikollha l-effett oppost: l-ispiża tas-self togħla u b’hekk l-ekonomija u r-rata li biha jogħlew il-prezzijiet ikunu jistgħu jonqsu.

Fil-kriżi finanzjarja, li ġabet magħha tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika u inflazzjoni dgħajfa ħafna, il-BĊE u banek ċentrali oħra fid-dinja ħaddmu wkoll politika monetarja “straordinarja” jew “mhux konvenzjonali”, kif inhi magħrufa mal-ekonomisti. Eżempju tagħha huwa l-programm ta’ xiri ta’ assi. Meta r-rati tal-imgħax għal żmien qasir diġà jkunu baxxi ħafna jew negattivi, bank ċentrali jista’ jipprova jkompli jillaxka l-politika monetarja billi jnaqqas ir-rati tal-imgħax fit-tul permezz tax-xiri ta’ assi bħal bonds sovrani. It-tnaqqis tar-rati tal-imgħax fit-tul jagħfas biex jonqos il-kost tal-kreditu għall-individwi u l-kumpaniji. Barra minn hekk, jinħolqu flus biex il-banek ċentrali jixtru l-bonds u dawn il-flus jintużaw mill-istituzzjonijiet li jbigħu l-bonds biex jixtru assi oħra. B’hekk, il-prezz ta’ dawn l-assi jogħla, il-ġid tal-investituri li jkunu sidien tagħhom jikber u l-inċentivi biex jonfqu jissaħħu. Dan, imbagħad, jista’ jreġġa’ l-ekonomija lura għat-triq tat-tkabbir sostenibbli u għal rata tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-għan tal-BĊE.

3. Nagħtu sehemna għal iżjed sigurtà fis-settur bankarju

Minn Novembru 2014, il-BĊE ħa f’idejh ukoll il-kompitu tas-superviżjoni diretta tal-ikbar banek fiż-żona tal-euro. Flimkien mas-superviżuri nazzjonali fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-BĊE jeżamina kif il-banek imexxu l-attivitajiet tagħhom. Jista’ jawtorizza u jirtira liċenzji bankarji kif ukoll jidentifika u jindirizza riskji potenzjali minn kmieni.

Is-superviżjoni bankarja tal-BĊE tfittex tiżgura li r-regoli jiġu applikati bl-istess mod fl-Ewropa kollha. Billi hemm rabta qawwija bejn il-banek fl-Ewropa, is-settur bankarju jsir aktar stabbli bis-saħħa tas-superviżjoni armonizzata u għalhekk aktar affidabbli għaċ-ċittadini u l-kumpaniji.

4. Aħna istituzzjoni indipendenti u responsabbli

Il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bħala istituzzjoni sopranazzjonali, il-BĊE jaġixxi fl-interess tal-Ewropa kollha u bħala bank ċentrali huwa indipendenti minn kull influwenza politika jew kummerċjali. Dan huwa importanti billi l-istorja turi li bank ċentrali li jobdi ordnijiet politiċi jista’ “jinsa” l-għan tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Madankollu, il-BĊE jrid jagħti rendikont. Isiru laqgħat pubbliċi regolari bejn rappreżentanti tal-BĊE, fosthom il-President, u membri tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-BĊE kien tal-ewwel li daħħal il-prattika fost il-banek ċentrali l-kbar li jlaqqgħu konferenzi stampa regolari eżatt wara li jieħdu deċiżjonijiet tal-politika monetarja.

Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi fil-Kunsill Governattiv, li huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-BĊE, mis-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE flimkien ma’ 19-il gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali (li minnhom 15 ikollhom dritt għall-vot, b’sistema ta’ rotazzjoni).

5. Aħna nagħmlu l-flus għaż-żona tal-euro

Il-karti tal-flus jiġu stampati f’diversi postijiet fiż-żona tal-euro, bis-sorveljanza tal-BĊE. Kull waħda ġġib il-firma tal-President tal-BĊE – sinjal ta’ kburija bil-ħidma tagħna li tgħaqqadna lkoll flimkien. L-euro huwa wieħed mis-simboli l-iżjed tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Iħaffef il-kummerċ u n-negozju bejn il-fruntieri u jissimplifika bil-kbir l-ivvjaġġar u l-ħajja ta’ kuljum fiż-żona tal-euro.