Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhi l-likwidità eċċessiva?

28 ta’ Diċembru 2017 (L-aħħar aġġornament fil-31 ta' Ottubru 2023)

Xi għodod tal-politika monetarja jinjettaw il-flus fis-sistema bankarja. Dan jista’ jwassal għal aktar flus disponibbli milli l-banek jeħtieġu strettament. Aħna nsejħu dawn il-flus “likwidità eċċessiva”. Ejja nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn xi tfisser u minn fejn tiġi l-likwidità eċċessiva.

L-ewwel nett, x’inhi l-likwidità u minn fejn tiġi?

“Likwidità” tirreferi għall-flus miżmuma mill-banek kummerċjali. Xi likwidità tinżamm bħala flus kontanti fil-kmamar tas-sigurtà tal-banek stess iżda hija prinċipalment flus li jżommu f’kontijiet mal-bank ċentrali. Dawn il-fondi likwidi li l-banek kummerċjali jżommu ma’ bank ċentrali spiss jissejħu “riżervi tal-bank ċentrali”.

Bank ċentrali jipprovdi l-likwidità l-aktar permezz tal- operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu. Fi ħdan il-BĊE, dawn huma l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament u x-xiri ta’ assi tagħna.

Għal xiex tintuża l-likwidità?

Il-banek jużaw din il-likwidità biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom għal żmien qasir bħall-ħlasiiet u l-ġbid ta’ flus mill-klijenti. Huma jużawha wkoll biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi stabbiliti mill-banek ċentrali.

Għall-banek ċentrali, il-likwidità li jipprovdu — speċifikament kemm minnha u b’liema kost — hija mod importanti kif jiġu influwenzati l-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju u kif tiġi trażmessa l-politika monetarja.

Jekk ikun hemm inqas likwidità disponibbli jew tkun aktar għalja, din tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-banek dwar kemm, u b’liema kundizzjonijiet, huma jisilfu u jissellfu. L-esperti jirreferu għal dan bħala ssikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament.

U b’kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u b’rati tal-imgħax ogħla, in-nies u n-negozji jsibuha bi tqila biex jissellfu u b’hekk jikkunsmaw jew jinvestu inqas. B’riżultat ta’ dan, l-ekonomija tibred u l-inflazzjoni tonqos.

Il-kuntrarju huwa minnu wkoll. Meta jkun hemm aktar likwidità disponibbli bi spiża aktar baxxa għall-banek, in-nies u n-negozji jkunu aktar lesti li jissellfu. Dan l-iffaċilitar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jistimula s-self mill-banek u jagħti spinta lill-ekonomija.

Allura, jekk dik hija l-likwidità, x’inhi l-likwidità eċċessiva?

Il-likwidità eċċessiva hija l-flus fis-sistema bankarja li jifdal wara li l-banek kummerċjali jkunu ssodisfaw rekwiżiti speċifiċi biex iżommu livelli minimi ta’ riżervi. Il-banek jridu jżommu dawn ir-riżervi minimi biex ikopru ċerti obbligazzjonijiet, prinċipalment id-depożiti tal-klijenti. Huma jżommu dawn il-fondi fil-kont kurrenti tagħhom mal-bank ċentrali nazzjonali tagħhom.

Din il-likwidità eċċessiva tista’ ddur fis-sistema bankarja hekk kif il-banek jagħmlu tranżazzjonijiet ma’ xulxin.

Għaliex hemm likwidità eċċessiva fis-sistema bankarja?

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 kienet mument ta’ bidla kbira. Qabel il-kriżi, il-BĊE kien jistma kemm hemm bżonn ta’ likwidità fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi u mbagħad jagħmel l-ammont ta’ flus rilevanti disponibbli għall-banek. Dan kien isir permezz ta’ self offrut b’operazzjonijiet regolari ta’ rifinanzjament. Il-banek imbagħad kienu jagħmlu offerti għas-self bħal f’irkant. Jekk l-offerti li jkun għamel bank jirnexxu, dan jista’ jkopri l-ħtiġijiet tiegħu jew jislef il-flus lil banek oħra f’dak li jissejjaħ “self interbankarju”.

Iżda wara l-kollass ta’ Lehman Brothers, kien hemm tendenza li l-banek jafdaw lil xulxin dejjem inqas. U huma essenzjalment waqfu jisilfu l-flus lil xulxin. Fi klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja bħal din, kienu inklinati li jduru lejn il-bank ċentrali bħala l-uniku sors affidabbli ta’ likwidità, u b’hekk bdew jagħmlu offerti aktar aggressivi fl-irkanti ta’ rifinanzjament tal-BĊE u fil-proċess jgħollu r-rati tal-imgħax fuq is-self. Għalhekk, f’dan il-punt, il-BĊE qeleb għal sistema fejn beda jipprovdi l-ammont ta’ likwidità li kienu jeħtieġu l-banek b’rata fissa (magħrufa bħala “allokazzjoni sħiħa b’rata fissa”). Naturalment, il-banek min-naħa tagħhom kellhom jipprovdu biżżejjed kollateral bħala garanzija kontra l-ammont li kienu qed jitolbu.

Taħt din is-sistema l-ġdida, il-banek bdew iħossu li jkun aħjar li jitolbu ftit aktar likwidità milli jkollhom bżonn. Aktar u aktar banek bdew “jaħżnu” l-likwidità biss biex ikunu fiċ-ċert. U s-sistema bankarja kollha kemm hi spiċċat titlob aktar likwidità milli kien strettament meħtieġ biex tissodisfa l-obbligi fuq żmien qasir u r-rekwiżiti tar-riżervi minimi. Dan ħoloq likwidità eċċessiva fis-sistema bankarja.

Il-banek kummerċjali jistgħu jiddepożitaw il-likwidità eċċessiva tagħhom mal-bank ċentrali, jew f’kont kurrenti jew fil-faċilità ta’ depożitu tal-bank ċentrali. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddeċiedi dwar ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, li hija waħda mit-tliet rati tal-politika tiegħu. Ir-rata tal-imgħax imħallsa fuq il-bilanċi tal-kont kurrenti hija żero.

Allura fejn ninsabu issa b’din il-likwidità eċċessiva?

Il-banek xorta jistgħu jiksbu l-likwidità kollha li jeħtieġu taħt is-sistema tagħna ta’ allokazzjoni sħiħa b’rata fissa, li għadha fis-seħħ.

Għal perijodu, l-ammont ta’ likwidità eċċessiva fis-sistema bankarja kompla jiżdied, minħabba x-xiri ta’ assi tal-BĊE u operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal.

Il-programmi ta’ xiri offrew aktar illaxkar monetarju fi żmien meta r-rati tal-imgħax ma setgħux jitnaqqsu aktar. Iżda minn Novembru 2022 hemm inqas u inqas likwidità eċċessiva. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-banek qed iħallsu lura gradwalment il-fondi mislufa fl-operazzjonijiet immirati tagħna ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal. Raġuni oħra hija li l-Eurosistema ilha tnaqqas l-investimenti tal-portafolli ta’ titoli tal-politika monetarja tagħha sa minn Marzu 2023.