Iż-żona tal-euro mqabbla

25 ta' Awissu 2017 (aġġornat fis-16 ta' Jannar 2019)

L-euro jwassal għal benefiċċji tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Bħala bank ċentrali għaż-żona tal-euro, il-BĊE jissorvelja l-munita li tgħaqqad flimkien iżjed minn 340 miljun ruħ li jitkellmu iżjed minn 24 lingwa differenti.

Bħala unjoni monetarja ta' 19-il pajjiż membru, iż-żona tal-euro hi struttura unika. Iżda ż-żona tal-euro kif titqabbel fuq livell internazzjonali? Kif taħdem ekonomikament? U dan xi jfisser għaċ-ċittadini Ewropej?

Kemm jgħixu nies fiż-żona tal-euro?

B'iżjed minn 340 miljun resident, iż-żona tal-euro hi d-dar ta' madwar 5% tal-popolazzjoni dinjija. Dan hu ogħla mill-għadd ta' residenti tal-Istati Uniti.

Popolazzjoni taż-żona tal-euro

Popolazzjoni taż-żona tal-euro Popolazzjoni taż-żona tal-euro

Dan ifisser ukoll li ż-żona tal-euro hi waħda mill-ikbar ekonomiji tad-dinja. Minn meta twaqqfet iż-żona tal-euro, issieħbu magħha seba' pajjiżi membri ġodda, u mistennija jissieħbu oħrajn ukoll.

Kif tiffunzjona ż-żona tal-euro fuq livell ekonomiku?

Il-popolazzjoni taż-żona tal-euro hi produttiva ħafna. Bħal f'ekonomiji oħra żviluppati sew, is-settur tas-servizzi għandu l-ikbar sehem tal-produzzjoni; warajh hemm is-settur industrijali u settur agrikolu relattivament żgħir.

L-ikbar ekonomiji dinjin skont il-PDG per capita

L-ikbar ekonomiji dinjin skont il-PDG per capita

Sorsi: Kalkoli tal-Eurostat, tal-Bank Dinji, tal-BĊE.
Nota: 2016; id-dejta għall-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina tinqaleb f'parità tal-poter tal-akkwist (PPPs) skont l-OECD.

Il-produzzjoni ekonomika qawwija tagħha tagħmel liż-żona tal-euro waħda mill-ikbar ekonomiji tad-dinja. F'termini ta' prodott domestiku gross (PDG) per capita, iż-żona tal-euro tikklassifika fit-tieni post fost l-ekonomiji ewlenin tad-dinja, u dan jirrifletti l-istandard għoli tal-għajxien li jgawdu ċ-ċittadini tagħha.

Xi ngħidu dwar il-kummerċ internazzjonali?

Bħala ekonomija industrijalizzata sew, iż-żona tal-euro tesporta proporzjon sinifikanti ta' prodotti u servizzi lejn is-swieq dinjin. Ħafna mill-prodotti manifatturati taż-żona tal-euro, bħalma huma makkinarju, prodotti farmaċewtiċi, karozzi u ajruplani, huma magħrufa internazzjonalment.

Prodotti u servizzi esportati bħala perċentwal tal-PDG

Esportazzjoni ta' prodotti u servizzi bħala perċentwal tal-PDG

Sorsi: Dejta tal-BĊE, OECD, FMI.
Żona tal-euro: abbażi ta' tranżazzjonijiet barra ż-żona tal-euro.

Iż-żona tal-euro żammet u anke tejbet il-pożizzjoni ewlenija tagħha fil-kummerċ internazzjonali minn meta twaqqfet fl-1999. Is-sħab kummerċjali ewlenin tagħha huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u ċ-Ċina, waqt li l-kummerċ mas-swieq emerġenti qiegħed dejjem jiżdied.

Iż-żona tal-euro hi ekonomija miftuħa meta mqabbla ma' ekonomiji kbar oħra. Il-livell ta' kummerċ miftuħ tagħha żdied notevolment mill-2004, primarjament bħala riżultat ta' żieda fil-kummerċ ma' Stati Membri ġodda tal-UE u ċ-Ċina. Iż-żona tal-euro tinsab fil-qalba ta' ħafna katini tal-produzzjoni internazzjonali.

Livelli għoljin ta' esportazzjoni għandhom effett pożittiv fuq l-impjieg, it-tkabbir ekonomiku u l-investiment fiż-żona tal-euro, li min-naħa tagħhom imbagħad isostnu l-prosperità ġenerali taċ-ċittadini tagħha.

Kif inhu meqjus l-euro?

L-euro jgawdi livell għoli ta' fiduċja kemm internament kif ukoll f'pajjiżi barra ż-żona tal-euro. Fil-ħarifa 2018 l-appoġġ pubbliku għall-euro kien ta' 75% fiż-żona tal-euro, skont l-istħarriġ tal-Eurobarometer, stħarriġ tal-opinjoni pubblika li tagħmel darbtejn fis-sena l-Kummissjoni Ewropea.

Internazzjonalment, l-euro jikklassifika fit-tieni post kemm f'termini tal-muniti li jiġu negozjati l-iżjed kif ukoll f'termini tal-muniti ta’ riżerva l-iżjed importanti. Dan jirrifletti livell għoli ta' fiduċja li għandhom l-investituri fid-dinja kollha fl-istabbiltà u l-qawwa tal-ekonomija taż-żona tal-euro.

Iż-żona tal-euro kienet u għadha forza ewlenija fl-ekonomija globali. Dan hu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tagħha u jagħti liż-żona tal-euro vuċi iżjed qawwija fl-ekonomija globali.

U naturalment, iċ-ċittadini taż-żona tal-euro jistgħu jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri fi ħdan iż-żona tal-munita unika mingħajr ma jkollhom isarrfu l-flus. Jistgħu wkoll iqabblu l-prezzijiet taż-żona tal-euro kollha biex isibu l-iżjed prodotti rħas.

Aġġornament: Din l-ispjegazzjoni ġiet aġġornata fis-16 ta' Jannar 2019 biex tirrifletti r-riżultati tal-istħarriġ tal-Eurobarometer tal-ħarifa 2018