Xʼinhu l-programm estiż taʼ xiri taʼ assi?

22 ta' Jannar 2015

Kif jistaʼ l-programm taʼ xiri taʼ assi jgħin lill-BĊE jissodisfa l-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet?

Il-BĊE jħaddan definizzjoni simmetrika tal-istabbiltà tal-prezzijiet – l-inflazzjoni għolja hija perikoluża għall-ekonomija daqs id-deflazzjoni. Fil-perjodu attwali ta' tkabbir dgħajjef u inflazzjoni baxxa, l-istrument tar-rata tal-imgħax waħdu ma kienx biżżejjed biex l-inflazzjoni toqrob lejn 2%. Sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu, il-BĊE jeħtieġlu juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

Jistaʼ l-programm taʼ xiri taʼ assi jgħin lill-BĊE jkattar it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa?

Il-BĊE għandu mandat ċar: iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Dan il-programm se jgħin biex l-inflazzjoni terġa' lura għal livelli li jaqblu mal-għan tal-BĊE. Se jgħin ukoll biex in-negozji fl-Ewropa kollha jkollhom aċċess aħjar għall-kreditu, isaħħu l-investiment, joħolqu l-impjiegi u b'hekk isostnu t-tkabbir ekonomiku ġenerali, li hija kundizzjoni ewlenija biex l-inflazzjoni terġa' lura u tistabbilizza ruħha f'livelli qrib 2%. Bla ħsara għall-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet, dawn huma wkoll għanijiet importanti li għalihom jikkontribwixxi l-BĊE skont it-Trattat.

Il-programm taʼ xiri taʼ assi huwa skont il-liġi?

Iva. Il-BĊE jimplimenta l-politika monetarja taż-żona tal-euro. Huwa jissodisfa l-mandat tal-istabbiltà tal-prezzijiet permezz tal-istrumenti ddefiniti fit-Trattati. Ix-xiri outright (xiri definittiv jew dirett) ta' strumenti negozjabbli huwa msemmi espliċitament bħala strument tal-politika monetarja (fl-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ). Dan jinkludi l-possibbiltà ta' xiri ta' strumenti bħal bonds tal-gvern, sakemm dawn jinxtraw minn investituri fis-suq sekondarju u mhux mis-suq primarju, jiġifieri mhux direttament mill-Istati Membri.

Il-programm taʼ xiri taʼ assi huwa finanzjament monetarju?

Il-BĊE josserva strettament il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju billi ma jixtrix mis-suq primarju. Il-BĊE jixtri l-bonds biss wara li l-prezz tas-suq ikun diġà ġie stabbilit. Dan jiżgura li l-BĊE ma jinfluwenzax il-prezz tar-riskju tas-suq.

Il-BĊE huwa l-uniku bank ċentrali li jagħmel operazzjonijiet taʼ xiri taʼ assi?

Ħafna banek ċentrali użaw ix-xiri outright bħala parti mill-politika monetarja tagħhom, u dan huwa magħruf bħala “quantitative easing” jew QE. Dan it-tip ta' xiri ntuża fost oħrajn mill-Federal Reserve Board, il-Bank of England u l-Bank of Japan. L-operazzjonijiet tas-suq miftuħ huma strument ewlieni tal-banek ċentrali, anki fi żminijiet normali. Ix-xiri outright isir utli meta r-rati tal-imgħax tal-politika monetarja ma jkunux jistgħu jitnaqqsu aktar. Dan jista' jgħin biex il-banek ċentrali jissodisfaw il-mandat tagħhom, li fil-każ tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet biex hekk isostni t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

Il-programm taʼ xiri taʼ assi joħloq riskju taʼ inflazzjoni għolja?

Il-BĊE ssodisfa b'mod konsistenti l-mandat tiegħu li jżomm l-inflazzjoni taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. B'hekk, il-BĊE ssalvagwarda s-saħħa tal-flus għaċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro. Bħalissa, iż-żona tal-euro għaddejja minn perjodu estensiv ta' tkabbir baxx u inflazzjoni dgħajfa ħafna. Jekk il-likwidità tal-banek ċentrali tiżdied, din x'aktarx li ma twassalx għal rati għoljin ta' inflazzjoni. Meta l-inflazzjoni tibda tielgħa, il-BĊE jissikka l-politika monetarja biex jikkontrolla l-pressjonijiet inflazzjonarji u jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-qosor, il-BĊE għandu l-mandat u l-istrumenti biex jieħu ħsieb ir-riskji inflazzjonarji malli dawn ifiġġu fil-ġejjieni – kif ukoll storja sħiħa li turi kif irnexxielu jagħmel dan fl-imgħoddi.

Il-BĊE se jsir “bad bank ”?

Sa minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja tal-2008 il-BĊE bosta drabi adotta politika xejn konvenzjonali u ġie kkritikat u mwissi minn ħafna esperti li kien se jġarrab telf kbir. Il-fatti juru li, sa minn meta twaqqaf, il-BĊE baqa' jagħmel qligħ. Dan il-qligħ għaddieh lura, permezz tal-banek ċentrali nazzjonali, liċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro. Il-BĊE se jaġixxi bil-prudenza kif għamel fl-imgħoddi.

Iżda l-programm il-ġdid ma jgħabbix lill-banek ċentrali nazzjonali bit-telf? Kif inhu kompatibbli dan maʼ politika monetarja unika?

Huwa minnu li fil-programm il-ġdid xi riskji mhumiex se jinqasmu fi ħdan l-Eurosistema iżda se jidħlu għalihom il-banek ċentrali nazzjonali individwali. Il-BĊE josserva l-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-riskji u għalhekk 20% tax-xiri jidħol fir-reġim tal-kondiviżjoni sħiħa tar-riskji. Iżda d-deċiżjoni ttaffi wkoll it-tħassib dwar il-potenzjal ta' konsegwenzi fiskali aċċidentali.

Il-Kunsill Governattiv, skont l-Istatut tas-SEBĊ, huwa dak li jiddeċiedi kif u kemm mit-telf imġarrab mill-banek ċentrali nazzjonali jinqasam fi ħdan l-Eurosistema. Il-mekkaniżmi interni tal-kondiviżjoni tat-telf bl-ebda mod ma jimminaw l-uniċità tal-politika monetarja tagħna. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha u l-BĊE jipparteċipaw fix-xiri tal-assi. Hemm ammont globali u x-xiri jiġi kkoordinat ċentralment mill-BĊE. Ix-xiri jiġi kkalibrat biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro kollha kemm hi, u jqis l-istruttura istituzzjonali unika taż-żona tal-euro, fejn munita komuni u politika monetarja unika jeżistu flimkien ma' 19-il politika fiskali u ekonomika nazzjonali. Preċiżament minħabba li dan l-arranġament iqis l-istruttura istituzzjonali tagħna – għaliex huwa mfassal għal miżura speċifika – li jiżgura l-ogħla livell ta' effikaċja.

Il-programm taʼ xiri taʼ assi għandu l-għan li jgħin pajjiżi speċifiċi?

Il-programm huwa mfassal biex ireġġa' l-inflazzjoni u l-aspettattivi dwarha lura għal livelli eqreb lejn l-għan tal-BĊE fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. Ma jnaqqasx id-dejn ta' pajjiżi partikolari.