Kif jaħdem il-programm tal-BĊE għax-xiri ta’ assi?

22 ta' Jannar 2016(aġġornat fit-28 ta' Frar 2019)

Għaliex neħtieġu programm ta’ xiri ta’ assi?

Fi żminijiet normali tal-ekonomija, il-BĊE jiggwida kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, l-iżviluppi makroekonomiċi u l-inflazzjoni billi jistabbilixxi r-rati tal-imgħax ewlenin għal żmien qasir. Iżda minħabba l-kriżi finanzjarja globali, ir-rati tal-imgħax ewlenin qorbu lejn il-limitu effettiv l-iktar baxx tagħhom, jiġifieri waslu sal-punt li, jekk tbaxxihom iżjed, ftit li xejn ikollhom effett. Għalhekk, il-BĊE kellu jirrikorri għal miżuri straordinarji biex jindirizza r-riskji ta’ perijodu ta’ inflazzjoni baxxa li ilu għaddej żmien twil wisq u jreġġa’ lura l-inflazzjoni lejn livelli taħt, iżda qrib, 2% għal żmien medju, skont id-definizzjoni ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tal-Kunsill Governattiv. Il-programm tax-xiri ta’ assi hu wieħed mill-miżuri straordinarji li l-BĊE qiegħed juża għal dan il-għan. Ix-xiri nett f’dan il-programm intemm f’Diċembru 2018, iżda l-programm għadu għaddej billi l-ħlasijiet ewlenin mit-titoli li jimmaturaw u li nxtraw f’dan il-programm qed jerġgħu jiġu investiti kollha.

Kif jaħdem il-programm ta’ xiri ta’ assi?

Permezz tal-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP) il-BĊE xtara firxa ta’ assi, fosthom bonds tal-gvern, titoli maħruġin minn istituzzjonijiet sopranazzjonali Ewropej, bonds korporattivi, titoli koperti b’assi u bonds garantiti, b’rata li tvarja minn €15-il biljun għal €80 biljun kull xahar. Dan ix-xiri jinfluwenza l-kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, it-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni bi tliet mezzi ewlenin:

Trażmissjoni diretta

Meta l-BĊE jixtri assi mis-settur privat, bħal titoli koperti b’assi u bonds garantiti, li huma marbutin mas-self li l-banek jgħaddu lill-individwi u l-kumpaniji fl-ekonomija reali, iż-żieda fid-domanda għal dawn l-assi tgħolli l-prezzijiet tagħhom. B’hekk il-banek jitħajru joħorġu iżjed self, li mbagħad jistgħu jużaw biex joħolqu u jbigħu iżjed titoli koperti b’assi jew bonds garantiti. Iż-żieda fil-provvista tas-self għandha t-tendenza li tbaxxi r-rati tas-self bankarju għall-kumpaniji u l-individwi, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali.

Ribilanċjament tal-portafolli

Il-BĊE xtara assi tas-settur privat u s-settur pubbliku mingħand investituri bħal fondi tal-pensjoni, banek u individwi. Dawn l-investituri jistgħu jagħżlu li jaċċettaw il-fondi li jirċievu bi skambju ma' assi mibjugħa lill-BĊE u jinvestuhom f’assi oħra. Billi jżid id-domanda għall-assi b’mod ġenerali, dan il-mekkaniżmu ta’ ribilanċjament tal-portafolli jgħolli l-prezzijiet u jbaxxi r-redditi, anke għal assi li ma jkunux fil-mira diretta tal-APP. Dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż (ir-rata tal-imgħax effettiva tas-suq) għall-kumpaniji li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu finanzjament fis-swieq tal-kapital. Fl-istess ħin, il-pressjoni tar-redditi fuq it-titoli tħeġġeġ lill-banek isellfu lill-kumpaniji u lill-individwi. Iż-żieda fil-provvista ta’ self bankarju lill-ekonomija reali x’aktarx tbaxxi l-ispejjeż tas-self għall-individwi u l-kumpaniji. Jekk, min-naħa l-oħra, l-investituri jużaw il-fondi żejda biex jixtru assi b’redditu ogħla barra ż-żona tal-euro, dan jista’ jwassal ukoll għal rata tal-kambju tal-euro iżjed baxxa, b’tendenza li togħla l-inflazzjoni.

Kemm it-trażmissjoni diretta kif ukoll ir-bilanċjament tal-portafolli jtejbu l-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali għall-kumpaniji u l-individwi fiż-żona tal-euro. Ix-xiri ta’ assi jista’ jistimola l-investiment u l-konsum billi jitnaqsu l-ispejjeż tal-finanzjament. Domanda iżjed dinamika mill-kumpaniji u l-individwi eventwalment tagħti sehemha biex l-inflazzjoni terġa’ lura lejn livelli taħt, iżda qrib, 2% għal żmien medju.

Effett indikattiv

Fl-aħħar nett, ix-xiri ta’ assi jindika lis-suq li l-bank ċentrali jkun se jżomm ir-rati tal-imgħax ewlenin baxxi għal perijodu estiż ta’ żmien. L-effett indikattiv inaqqas il-volatilità u l-inċertezza fis-suq fir-rigward tal-iżviluppi fir-rati tal-imgħax għall-ġejjieni. Dan hu importanti għaliex jinfluwenza diversi deċiżjonijiet marbutin mal-investiment. Pereżempju, ir-rati tal-imgħax imposti fuq self fit-tul jibqgħu iżjed baxxi billi l-banek jantiċipaw perijodu twil ta’ rati tal-imgħax baxxi.

Il-programm tal-BĊE għax-xiri ta’ assi jenfasizza l-impenn li jwettaq il-mandat tiegħu billi juża dawn il-mezzi biex jindirizza b’mod attiv ir-riskji ta’ perijodu ta’ inflazzjoni baxxa li jdum ikarkar iżżejjed. Iservi biex iserraħ moħħ l-investituri li l-inflazzjoni se tkun f’livelli li jkunu taħt, iżda qrib, 2% għal żmien medju - kundizzjoni ewlenija għal tkabbir sostnut f’ambjent ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Aġġornament: Din l-ispjegazzjoni ġiet aġġornata fl-1 ta’ April 2016, fl-1 ta’ April 2017 u fid-9 ta’ Marzu 2018 ħalli tirrifletti d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv biex ibiddel il-volum tax-xiri ta' kull xahar fil-programm ta’ xiri ta' assi, u għal darb’oħra fit-28 ta’ Frar 2019 biex jirrifletti t-tmiem tax-xiri nett ta’ assi u l-bidu tal-fażi ta' ri-investiment.