European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu l-ANFA?

Aġġornat fl-24 ta’ Frar 2023 (ippubblikat għall-ewwel darba fil-5 ta’ Frar 2016)

L-Agreement on Net Financial Assets [Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti]ANFA huwa ftehim bejn il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li flimkien jiffurmaw l-Eurosistema. Il-ftehim jistabbilixxi regoli u limiti għaż-żamma ta’ assi finanzjarji li huma relatati mal-kompiti nazzjonali tal-banek ċentrali nazzjonali. Dawn l-assi finanzjarji tal-banek ċentrali nazzjonali jinkludu, pereżempju, il-kontroparti tar-riżervi tal-kapital u tal-kontabilità tagħhom jew ma’ obbligazzjonijiet speċifiċi oħra, mar-riżervi barranin u l-fondi tal-pensjoni jew assi tal-impjegati miżmumin għall-finijiet tal-investiment ġenerali.

Iż-żamma ta’ assi finanzjarji li mhumiex relatati mal-politika monetarja hija parti integrali mill-funzjonijiet imwettqin mill-banek ċentrali fl-Ewropa, u ġejja minn qabel il-ħolqien tal-euro. Meta twaqqfet l-unjoni monetarja, il-gvernijiet iddeċidew li jimmutwalizzaw biss il-funzjonijiet u l-kompiti ta’ bank ċentrali meħtieġa biex titmexxa politika monetarja unika għaż-żona tal-euro kollha. Fl-istess ħin iddeċidew li jżommu l-banek ċentrali nazzjonali bħala istituzzjonijiet indipendenti li jistgħu jkomplu jwettqu l-kompiti nazzjonali sakemm dawn ma jfixklux il-politika monetarja unika.

Fi kliem ieħor, il-banek ċentrali nazzjonali huma istituzzjonijiet finanzjarjament indipendenti li jwettqu kemm kompiti tal-politika monetarja relatati mas-sehem ewlieni tal-Eurosistema li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet kif ukoll kompiti nazzjonali. L-ANFA twaqqaf biex jiġi ffissat limitu globali għall-ammont nett totali ta’ assi finanzjarji relatati ma’ kompiti nazzjonali mhux tal-politika monetarja, b’mod li ma jfixkilx il-politika monetarja.

L-aktar emendi reċenti għall-ANFA ġew approvati mill-Kunsill Governattiv f'Diċembru 2022 bil-ħsieb li tiżdied l-effiċjenza tal-proċessi relatati, filwaqt li s-sustanza tal-ftehim fil-biċċa l-kbira tagħha tħalliet l-istess.

Kif jaħdem l-ANFA?

Għaliex il-banek ċentrali nazzjonali jżommu assi finanzjarji li mhumiex relatati mal-politika monetarja?

Kull bank ċentrali jżomm assi li mhumiex relatati mal-politika monetarja. Il-politika monetarja hija stabbilita b'mod ċentrali mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Meta twaqqfet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-gvernijiet stabbilew fit-Trattat Ewropew li l-kompiti relatati mal-politika monetarja kellhom jiġu trasferiti fil-livell Ewropew. Lil hinn mill-politika monetarja, il-banek ċentrali nazzjonali kellhom, u qegħdin, jitħallew iwettqu kompiti nazzjonali. Dan il-prinċipju huwa stipulat fl-Artiklu 14.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Fil-prattika, il-banek ċentrali nazzjonali bħalissa għandhom assi mhux relatati mal-politika monetarja jew it-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-kambju tal-Eurosistema, bħal: 

  • riżervi f'deheb u munita barranija;
  • portafoll ta’ investimenti, eż. fondi tal-pensjoni tal-persunal
  • assi miżmuma bħala kontropożizzjonijiet għal depożiti minn klijenti, eż. banek ċentrali jew gvernijiet barranin. 

Fl-istess ħin, il-banek ċentrali nazzjonali jżommu wkoll obbligazzjonijiet li mhumiex relatati mal-politika monetarja, fosthom id-depożiti msemmijin iktar ’il fuq minn banek ċentrali barranin jew gvernijiet. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu dawn il-kompiti nazzjonali sakemm l-azzjonijiet tagħhom ma jfixklux l-għanijiet u l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), l-aktar il-politika monetarja. L-istess, il-BĊE jżomm portafoll tal-fondi proprji relatat mar-riżervi tiegħu tal-kapital u tal-kontabilità, kif ukoll portafoll tal-fondi tal-pensjoni tal-istaff.

Il-banek ċentrali nazzjonali diġà kienu jżommu l-portafolli msemmijin hawn fuq qabel ma ssieħbu fl-Eurosistema, u l-introjtu minnhom kien jikkontribwixxi għad-dħul finanzjarju tagħhom. Meta twaqqfet iż-żona tal-euro, ġie nnutat li dawn il-portafolli setgħu jikkontribwixxu biex jissodisfaw id-domanda tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro għal-likwidità, billi kellhom jitqiesu fil-kalibrazzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja. Dan ma kellux ikun problema minn perspettiva tal-politika monetarja billi dawn il-portafolli kienu se jibqgħu jiġu amministrati mill-banek ċentrali nazzjonali, lil hinn mill-operazzjonijiet tal-politika monetarja, u setgħu jitħallew jikbru maż-żmien bl-istess rata (jew rata iktar baxxa) tad-domanda għall-karti tal-flus u r-rekwiżiti tar-riżervi tas-sistema bankarja. Il-Kunsill Governattiv qies ukoll li, jekk il-portafolli mhux tal-politika monetarja, nieqsa l-obbligazzjonijiet mhux tal-politika monetarja, kellhom jikbru aktar mid-domanda għal-likwidità għal perijodu estensiv ta’ żmien, dan seta’ jkun ta’ riskju għall-politika monetarja. L-ANFA ġie stabbilit biex jiġġestixxi u jillimita dan it-tkabbir.

X’inhuma assi finanzjarji netti (NFA)?

Hemm pożizzjonijiet li mhumiex direttament relatati mal-politika monetarja kemm min-naħa tal-assi kif ukoll min-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ ta’ bank ċentrali. Id-differenza bejn iż-żewġ settijiet ta’ pożizzjonijiet tiġi definita bħala assi finanzjarji netti jew NFA (net financial assets). Dan il-kunċett huwa deskritt hawn taħt, bl-użu tal-karta tal-bilanċ tar-rapport finanzjarju tal-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar 2023 kif ippubblikata fis-sit web tal-BĊE. Definizzjoni preċiża tinsab fl-Anness I tal-ANFA.

It-tabella turi li l-NFA jinkludu, fuq in-naħa tal-attiv, is-somma tal-partiti 1 sa 4, 5.6, 6, 7.2, 8 u 9 tal-karta tal-bilanċ. Fuq in-naħa tal-passiv jinkludu l-partiti 2.5 u 3 sa 12. Jekk tnaqqas is-somma ta’ dawn l-obbligazzjonijiet mis-somma tal-assi msemmijin aktar ’il fuq (jiġifieri is-sezzjonijiet rispettivi enfasizzati bl-oranġjo iktar ‘l isfel) ikollok l-assi finanzjarji netti.

X’inhu l-valur tal-assi finanzjarji netti tal-Eurosistema?

Mill-1 ta’ Jannar 2023, l-assi finanzjarji netti tal-Eurosistema kienu ta’ -€669 biljun, bl-assi finanzjarji netti tal-Eurosistema annwali medji fl-2022 kienu ta’ -€730 biljun, wara tnaqqis kontinwu mill-2014. Din iċ-ċifra negattiva ġejja l-aktar min-naħa tal-obbligazzjonijiet dejjem tiżdied tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema li aktar milli tikkumpensa żviluppi pożittivi rilevanti fuq in-naħa tal-assi, kif spjegat hawn fuq. Bħala paragun, il-karti tal-flus u r-rekwiżiti ta’ riżerva minima żdiedu b'rata medja ta' 6.7% kull sena mill-2002.

Development of average annual NFA versus banknotes and minimum reserve requirements (MRR) (in € million)

X’inhu l-ANFA?

ANFA hija taqsira għal Agreement on Net Financial Assets (“Ftehim fuq l-Assi Finanzjarji Netti”). Dan huwa ftehim bejn il-bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u l-BĊE, li flimkien jiffurmaw l-Eurosistema. Il-ftehim jistabbilixxi regoli għall-kalkolu tal-limiti għal investimenti li huma relatati mal-kompiti nazzjonali tal-banek ċentrali nazzjonali.

Għaliex huwa meħtieġ li l-NFA jiġu limitati?

L-ANFA jillimita l-ammonti ta’ NFA li l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jżommu. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jkollu kontroll sħiħ fuq id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, u b’hekk ikun jista’ jimplimenta l-politika monetarja b’mod effettiv. Qabel il-kriżi tal-2007-08, l-aktar mod effettiv biex tiġi implimentata l-politika monetarja kien li jiġi żgurat li l-banek kellhom jitolbu għal likwidità mill-Eurosistema. Nuqqas ta’ likwidità vis-à-vis l-Eurosistema, magħruf ukoll bħala “defiċit tal-likwidità”, kien il-bażi tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja. L-ANFA kien jipproteġi dan id-defiċit tal-likwidità. Meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, il-banek kellha tingħatalhom iżjed likwidità milli kellhom bżonn fir-realtà biex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tar-riżervi. Minflok ma topera b’defiċit tal-likwidità, is-sistema bankarja issa qiegħda topera b’likwidità eċċessiva. F’dan l-ambjent, l-ANFA m’għadux jipproteġi d-defiċit tal-likwidità, imma jiżgura li l-likwidità eċċessiva ma taqbiżx il-livell li l-Kunsill Governattiv iqis xieraq għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

Tassew li l-ANFA jfisser li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom permess jistampaw flus kemm iridu?

Le, bil-maqlub. L-ANFA jistabbilixxi limitu għall-ogħla ammont ta’ assi finanzjarji netti li bank ċentrali nazzjonali jista’ jkollu sabiex jiżgura li t-tibdil fl-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji li mhumiex relatati mal-politika monetarja ma jfixkilx il-politika monetarja tal-Eurosistema.

X’inhu li jinfluwenza l-ogħla ammont ta’ NFA skont l-ANFA?

Iż-żieda fil-valur totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u l-ammont ta’ riżervi minimi li l-banek iridu jżommu fil-bank ċentrali joħolqu ħtieġa għal-likwidità li tiġi sodisfatta mill-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali. Meta jiġi stabbilit il-volum minimu għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja, jiġi stabbilit limitu massimu għall-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali bħala residwu. Jekk l-għan tal-Kunsill Governattiv huwa surplus ta’ likwidità, l-ANFA jillimita l-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali u jiżgura li s-surplus tal-likwidità ma jaqbiżx ċertu livell.

Għaliex l-ANFA jillimita l-assi finanzjarji netti tal-banek ċentrali nazzjonali u mhux l-assi finanzjarji grossi?

Biex il-politika monetarja tiġi implimentata b’mod effiċjenti, l-ammont ta’ likwidità pprovdut mill-operazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-politika monetarja jrid jiġi kkontrollat. L-assi fil-karta tal-bilanċ ta’ bank ċentrali joħolqu flus jew likwidità tal-bank ċentrali. L-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ jiġbdu l-likwidità. Sabiex titkejjel il-likwidità globali pprovduta mill-operazzjonijiet mhux tal-politika monetarja ta’ bank ċentrali, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha mhux relatati mal-politika monetarja huma nnettjati.

Kif jiġi kkalkolat l-ogħla ammont ta’ NFA?

Il-kalibrazzjoni tal-intitolamenti tal-NFA ssir mill-inqas kull tliet snin, għalkemm il-kalibrazzjonijiet ad hoc jistgħu jitwettqu fuq talba ta’ kwalunkwe parti għall-ftehim. Għal kull kalibrazzjoni, il-Kunsill Governattiv jistabbilixxi l-parametri meħtieġa tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi l-livell xieraq ta’ likwidità tal-Eurosistema, jistabbilixxi l-proporzjon tar-riżerva minima u jiddetermina d-daqs tal-portafolli diretti tal-politika monetarja biex tinkiseb l-implimentazzjoni l-aktar effettiva tal-politika monetarja tiegħu. Barra dan, il-Kunsill Governattiv iqis l-iżviluppi fl-ammont ta’ karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. L-ammont massimu ġdid tal-NFA aggregat tal-Eurosistema huwa residwu tal-fatturi msemmija hawn fuq.

Kif jiġi allokat l-ogħla ammont ta’ NFA tal-Eurosistema lill-banek ċentrali nazzjonali?

Meta jiġi stabbilit l-ogħla limitu tal-NFA għall-Eurosistema kollha, dan jiġi allokat skont is-sehem ta’ kull bank ċentrali nazzjonali mill-kapital tal-BĊE, filwaqt li titqies ukoll il-pożizzjoni storika tal-bidu ta’ kull bank ċentrali nazzjonali, sabiex jiġu stabbiliti l-intitolamenti ta’ NFA tal-banek ċentrali nazzjonali għas-sena ta’ wara. Dan l-intitolament imbagħad japplika sal-kalibrazzjoni li jmiss, li ssir mhux aktar tard minn tliet snin wara.

Matul il-proċess ta’ kalibrazzjoni, jekk bank ċentrali nazzjonali ma jippjanax li juża l-intitolament tiegħu fl-intier tiegħu, l-ANFA jipprovdi l-għażla li l-parti mhux użata tiġi allokata mill-ġdid temporanjament lil banek ċentrali nazzjonali oħra li jridu jżommu limitu massimu ogħla ta’ NFA. Il-parti mhux użata titqassam mill-ġdid permezz ta’ mekkaniżmu ċentrali definit fl-ANFA. L-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jibqgħu taħt l-ogħla limiti tal-NFA tagħhom abbażi ta’ medja annwali. 

X’inhu l-impatt tal-waivers?

Il-waivers jistgħu jinfluwenzaw it-tqassim tal-ogħla ammont ta’ NFA fl-Eurosistema. Madankollu, dawn ma jżidux il-limitu massimu fuq l-investimenti totali tal-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Il-waivers jiddefinixxu l-intitolament minimu ta’ NFA li jista’ jżomm kull bank ċentrali nazzjonali. Fi kliem ieħor, kull bank ċentrali nazzjonali għandu l-jedd iżomm proporzjon mill-ogħla ammont ta’ NFA tal-Eurosistema, abbażi tas-sehem tal-bank ċentrali nazzjonali fl-iskema tal-kapital tal-BĊE, bl-ammont li jikkorrispondi għall-waiver ikun is-sehem minimu ta’ dak il-bank ċentrali nazzjonali (dan jista’ jkun ogħla mill-ammont ikkalkulat skont sehmu fl-iskema tal-kapital tal-BĊE). Naturalment, jekk xi banek ċentrali nazzjonali jżommu NFA li jikkorrispondu għall-waivers tagħhom li jaqbżu s-sehem tagħhom mill-kapital, l-ammont ta’ NFA li l-bqija tal-banek ċentrali nazzjonali jitħallew iżommu jitnaqqas b’mod li l-ogħla ammont ta’ NFA tal-Eurosistema ma jinqabiżx.

Hemm tliet tipi ta’ waivers:

  • Il-waiver storiku (speċifikat fl-Anness III tal-ANFA) jiżgura li l-banek ċentrali nazzjonali ma jkollhomx inaqqsu l-NFA tagħhom taħt livell marbut mal-pożizzjoni storika tagħhom tal-bidu.
  • Il-waiver speċifiku għall-assi jipproteġi ċerti parteċipazzjonijiet ta’ assi (definiti fl-Anness IV tal-ANFA) li ma jistgħux jinbiegħu faċilment mill-bank ċentrali nazzjonali minħabba restrizzjonijiet kuntrattwali jew restrizzjonijiet oħra.
  • Il-waiver dinamiku jaġġusta l-waiver storiku ta’ banek ċentrali nazzjonali żgħar maż-żmien fil-proporzjon tat-tkabbir jew tnaqqis tal-ogħla NFA tal-Eurosistema.

Japplika biss l-akbar wieħed mit-tliet waivers.

X’jiġri jekk xi banek ċentrali nazzjonali ma jinvestu xejn jew jinvestu inqas mill-ogħla ammont li jkun ġie assenjat lilhom inizjalment? Jistgħu jgħaddu l-bqija tal-ammont lil oħrajn?

Jekk bank ċentrali nazzjonali kellu konsistentement jaqbeż il-limitu massimu tiegħu għall-NFA, dan jista’ jaffettwa l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Għal din ir-raġuni, il-BĊE jimmonitorja kull sena jekk il-banek ċentrali nazzjonali jikkonformawx mal-ANFA. Jekk ikun meħtieġ, permezz tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv jista’ jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jillimita l-operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali li hinn mill-politika monetarja jekk dawn ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ, fosthom il-politika monetarja tal-Eurosistema. S’issa ma kien hemm ebda devjazzjoni bla ġustifikazzjoni mill-ogħla limiti tal-NFA.

Devjazzjoni tkun ġustifikata jekk, pereżempju, tiġi kkawżata minn obbligi internazzjonali lill-FMI jew minn provediment ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) lis-sistema bankarja tiegħu (l-ELA hija parti mill-NFA kif hemm definit fl-ANFA). Jekk jiġri dan, il-bank ċentrali nazzjonali jkollu jnaqqas l-NFA tiegħu mill-aktar fis sabiex jerġa’ jikkonforma mal-ANFA. Għandu sena biex jagħmel dan jekk il-ksur ikun dovut għall-impenji mal-FMI.

Għaliex xi banek ċentrali nazzjonali jużaw il-kwota tagħhom u oħrajn le?

Dan jiddependi mill-preferenzi istituzzjonali. Xi ġurisdizzjonijiet ikollhom restrizzjonijiet legali speċifiċi dwar l-investimenti mhux tal-politika monetarja li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali. Oħrajn ikollhom dispożizzjonijiet legali li jitolbu li l-banek ċentrali nazzjonali jqisu l-interessi tal-azzjonisti tagħhom ladarba jissodisfaw il-kompiti tal-politika monetarja. Barra minn hekk, xi banek ċentrali nazzjonali għandhom depożiti kbar ta’ klijenti u/jew tal-gvern fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet, li jinfluwenzaw l-investimenti tagħhom fil-portafolli mhux tal-politika monetarja.

Hemm ukoll raġuni storika: qabel l-introduzzjoni tal-euro fl-1999, għadd ta’ banek ċentrali Ewropej kienu jżommu riżervi barranin imdaqqsin biex jamministraw ir-rati tal-kambju tagħhom, b’mod partikolari vis-à-vis il-mark Ġermaniż. Din is-sitwazzjoni kienet komparabbli ma’ dik tal-Istati Membri tal-UE li ssieħbu fiż-żona tal-euro wara l-1999, fejn il-banek ċentrali nazzjonali kellhom ukoll riżervi barranin pjuttost kbar biex jimmaniġġjaw ir-rati tal-kambju tagħhom vis-à-vis l-euro qabel ma ssieħbu fl-Eurosistema. Il-pożizzjonijiet differenti tal-bidu tal-banek ċentrali nazzjonali jispjegaw id-differenzi konsiderevoli fil-kompożizzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħhom, li, f’xi każijiet, baqgħu għal bosta snin wara li pajjiżhom issieħeb fiż-żona tal-euro.

X’jiġri jekk bank ċentrali nazzjonali jaqbeż l-ogħla limitu tal-NFA?

Jekk bank ċentrali nazzjonali kellu konsistentement jaqbeż il-limitu massimu tiegħu għall-NFA, dan jista’ jaffettwa l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Għal din ir-raġuni, il-BĊE jimmonitorja kull sena jekk il-banek ċentrali nazzjonali jikkonformawx mal-ANFA. Jekk ikun meħtieġ, permezz tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv jista’ jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jillimita l-operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali li hinn mill-politika monetarja jekk dawn ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ, fosthom il-politika monetarja tal-Eurosistema. S’issa ma kien hemm ebda devjazzjoni bla ġustifikazzjoni mill-ogħla limiti tal-NFA.

Devjazzjoni tkun ġustifikata jekk, pereżempju, tiġi kkawżata minn obbligi internazzjonali lill-FMI jew minn provediment ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) lis-sistema bankarja tiegħu (l-ELA hija parti mill-NFA kif hemm definit fl-ANFA). Jekk jiġri dan, il-bank ċentrali nazzjonali jkollu jnaqqas l-NFA tiegħu mill-aktar fis sabiex jerġa’ jikkonforma mal-ANFA. Għandu sena biex jagħmel dan jekk il-ksur ikun dovut għall-impenji mal-FMI.

X’jiġri jekk l-ammont totali ta’ NFA tal-banek ċentrali nazzjonali kollha jibqa’ taħt l-ogħla ammont ikkalkulat?

Ġeneralment ma tkunx problema jekk l-NFA jibqgħu taħt l-ogħla livell ikkalkulat. Dan huwa li qiegħed jiġri bħalissa. L-NFA naqsu mill-2014, filwaqt lin-numru tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni jkomplu jikbru. Dan ifisser li l-ħtieġa ta’ likwidità fiż-żona tal-euro kollha ġġenerata mill-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni hija ogħla mill-effett tal-provediment ta’ likwidità ġġenerat mill-NFA tal-Eurosistema. Il-ħtiġijiet ta’ likwidità jiġu koperti minflok bl-użu ta’ għodod tal-politika monetarja, jew operazzjonijiet ta’ rifinanzjament regolari tal-Eurosistema jew operazzjonijiet strutturali, bħal akkwist definit tal-politika monetarja jew operazzjonijiet irriversjati strutturali.

X’jiġri jekk l-ammont totali tal-NFA ikun ikbar mill-ogħla livell ikkalkulat?

Dan s’issa ma ġara qatt u diffiċli jiġri. L-ANFA huwa ftehim unanimu bejn il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE, u l-partijiet kollha impenjaw ruħhom li jikkonformaw miegħu. Barra dan, ir-riskju li l-ammont totali ta’ NFA jkun kbir iżżejjed ikompli jonqos bl-użu ta’ ipotesijiet konservattivi meta jiġu stabbiliti l-ogħla limiti tal-NFA. Dan ifisser li anki jekk l-NFA ikunu ikbar mill-ogħla livell u, għalhekk, l-operazzjonijiet tal-politika monetarja jkunu iżgħar minn dak previst inizjalment, il-pożizzjoni tal-likwidità strutturali mixtieqa x’aktarx li tibqa’ teżisti. Għalhekk l-operazzjonijiet tal-politika monetarja jistgħu jkunu iżgħar minn dak mixtieq għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika monetarja f’każ bħal dan, iżda s-sitwazzjoni għal żmien qasir ma tkunx serja u l-BĊE jieħu azzjoni korrettiva. Jekk tkun tinħtieġ azzjoni korrettiva, il-Kunsill Governattiv għandu bosta għodod għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura li l-operazzjonijiet tal-politika monetarja jkunu ta’ daqs suffiċjenti. Hekk, fir-rigward tad-daqs tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament, il-Kunsill Governattiv jista’ juża operazzjonijiet li jassorbu l-likwidità jew iżid ir-rekwiżiti minimi tar-riżervi.

X’jiġri jekk fatturi oħra, bħall-karti tal-flus, jiżviluppaw b’mod differenti minn dak mistenni?

Il-kalibrazzjoni perjodika tal-ANFA hija bbażata fuq ipotesijiet konservattivi. L-ogħla limiti tal-NFA għalhekk fihom biżżejjed bafers biex jilqgħu għal żviluppi li ma jkunux previsti. Pereżempju, meta jiġu kkalibrati l-ogħla limiti, jiġi ipotizzat li l-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu fil-livell medju osservat matul it-tielet trimestru tas-sena kurrenti.

F’liema ċirkostanzi jistgħu l-NFA jfixklu l-politika monetarja?

L-ANFA ġie adottat biex jevita li l-NFA jfixklu l-politika monetarja. Jekk madankollu l-ammont tal-NFA jaqbeż l-ogħla livell totali, dan jista’ jfisser li l-operazzjonijiet tal-politika monetarja jsiru żgħar wisq biex jippermettu l-implimentazzjoni effettiva tal-politika monetarja.

Minbarra l-ammont tal-NFA, anki l-kompożizzjoni tagħhom tagħmel differenza. Hekk, jekk l-operazzjonijiet individwali tal-politika monetarja u dawk mhux marbuta magħha jpaċu lil xulxin (e.g. waħda tkun akkwist ta’ titolu u l-oħra bejgħ tal-istess titolu), dan jista’ jibgħat sinjali konfliġġenti dwar l-intenzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jew inaqqas mill-effikaċja tagħha. Eżempju ieħor huma t-tranżazzjonijiet ta’ bank ċentrali f’munita barranija, li jista’ jkollhom impatt fuq ir-rati tal-kambju jew jiġu interpretati ħażin bħala interventi tar-rata tal-kambju.

Sabiex jiġi żgurat li dawn l-avvenimenti ma jfixklux il-politika monetarja, il-BĊE adotta miżuri li jikkomplementaw l-ANFA, fosthom il-Linja Gwida tal-BĊE dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi tal-banek ċentrali nazzjonali (riformulazzjoni) (BĊE/2019/7), u d-Deċiżjoni tal-BĊE dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (ECB/2015/10, kif emendata). Filwaqt li tal-ewwel, pereżempju, tikkontrolla l-effetti netti tal-likwidità tal-operazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali, dawn tal-aħħar jillimitaw, fost affarijiet oħra, l-ammont ta’ titolu speċifiku eliġibbli għall-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku miżmum fil-portafolli kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

Kif tiggarantixxi li l-operazzjonijiet ta’ investiment ma jaffettwawx l-orjentament tal-politika monetarja?

L-ANFA tiffissa massimu għall-NFA tal-banek ċentrali nazzjonali. Fl-istess ħin, dan jillimita l-effett tal-likwidità mit-tranżazzjonijiet mhux tal-politika monetarja li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali. It-tieni, fit-tranżazzjonijiet tagħhom mhux tal-politika monetarja, il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE jaġixxu bħala investituri istituzzjonali. Meta l-banek ċentrali nazzjonali jagħmlu xirjiet għal portafolji ta’ politika mhux monetarja, huma jsegwu kriterji simili għal investituri istituzzjonali oħra u jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tagħhom separatament mill-politika monetarja, kif ukoll isegwu r-regoli stabbiliti fl-ANFA u linji gwida rilevanti oħra.

Il-BĊE jiġi infurmat regolarment dwar (1) it-tranżazzjonijiet mhux tal-politika monetarja tal-banek ċentrali nazzjonali, li wħud minnhom jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE; (2) l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom; u (3) l-NFA mistennija u attwali tagħhom. Il-BĊE jista’ jieħu azzjoni korrettiva jekk it-tranżazzjonijiet irrappurtati mhux tal-politika monetarja jfixklu l-orjentament tal-politika monetarja. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv jista’ jadotta miżuri speċifiċi li jorbtu lill-banek ċentrali nazzjonali.

Għaliex l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-politika monetarja jinżammu sigrieti?

L-assi u l-obbligazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-politika monetarja jsiru pubbliċi skont ir-regoli nazzjonali u Ewropej. Skont dawn ir-regoli, il-banek ċentrali nazzjonali jiddeċiedu jekk jippubblikawx informazzjoni dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet mhux tal-politika monetarja tagħhom, inkluża l-kompożizzjoni tal-portafolli tagħhom ta’ politika mhux monetarja.

Il-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali nazzjonali jiżvelaw dettalji addizzjonali fir-rapporti annwali tagħhom jew f’pubblikazzjonijiet oħra u fis-siti web tagħhom, fejn juru, pereżempju, l-assi tagħhom maqsumin f’dejn tal-gvern u mhux tal-gvern. Bħal investituri oħra, il-banek ċentrali nazzjonali ma jiżvelawx informazzjoni li tista’ tippermetti oħrajn jiddeduċu tagħrif dwar l-investimenti tagħhom fil-ġejjieni.

L-Eurosistema m’għandha l-ebda mandat li tiżvela l-kompożizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet mhux tal-politika monetarja tal-banek ċentrali nazzjonali.

X’garanzija hemm li l-portafolli li mhumiex tal-politika monetarja ma jintużawx ħażin biex isir finanzjament monetarju pprojbit?

Il-BĊE huwa responsabbli biex jiżgura li l-banek ċentrali tas-SEBĊ jirrispettaw il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, kif iddikjarat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE. Dan ma jinsabx fl-ANFA, li jikkonċerna biss il-pożizzjoni mixtieqa tal-likwidità strutturali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja u għalhekk jiddefinixxi d-daqs tal-NFA. L-ANFA la jidħol fil-kompożizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet li mhumiex tal-politika monetarja u lanqas fil-mod li bih jiġu akkwistati.

Sabiex tiġi osservata l-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, il-banek ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ huma mitlubin jgħarrfu lill-BĊE dwar l-assi tagħhom u l-BĊE jiżgura li l-banek ċentrali nazzjonali ma jiffinanzjawx gvernijiet billi jixtru d-dejn tagħhom fis-suq primarju. Il-BĊE jissorvelja wkoll l-akkwisti fis-suq sekondarju. Ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli u l-evalwazzjonijiet jiġu ppubblikati fir-rapport annwali tal-BĊE.

X’jiġri jekk ir-regoli fuq il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju jinkisru?

Dan mhux kopert mill-ANFA iżda mill-Artikoli 123 u 124 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri mit-tip ta’ liġi Ewropea tal-ogħla grad). Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE stabbilixxa regoli għall-operazzjonijiet kollha ta’ investiment tal-banek ċentrali nazzjonali biex jiżgura li ma jmorrux kontra l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. L-akkwist fis-suq primarju ta’ dejn tal-gvern huwa pprojbit u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet tagħhom fis-suq sekondarju. Il-BĊE jissorvelja l-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u jirrapporta r-riżultati tal-monitoraġġ fir-rapport annwali tiegħu.