X’inhi AnaCredit?

11 ta' Novembru 2015 (aġġornat fl-10 ta’ Lulju 2019)

AnaCredit hija sett ġdid ta’ dejta b’tagħrif dettaljat dwar is-self bankarju individwali fiż-żona tal-euro. L-isem huwa taqsira ta’ “dejtasetts analitiċi tal-kreditu”. Il-BĊE beda l-proġett fl-2011 flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li mhumiex fiż-żona tal-euro. Tuża dejta u reġistri tal-kreditu nazzjonali eżistenti biex tinġabar bażi ta’ dejta armonizzata li tkun siewja għal bosta funzjonijiet tal-attivitajiet ta’ bank ċentrali, bħad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja u s-superviżjoni makroprudenzjali.

Proġett AnaCredit

Għaliex hija meħtieġa AnaCredit?

Deċiżjonijiet dwar politika tajbin jitfasslu b’dejta tajba. Il-ħtieġa ta’ statistika aħjar u iktar dettaljata żdiedet mal-kriżi finanzjarja, għal żewġ raġunijiet.

  1. Il-kriżi wriet li setturi ekonomiċi differenti, kif ukoll korporazzjonijiet u unitajiet domestiċi individwali fil-pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, irreaġixxew b’modi differenti għal skossi ekonomiċi. Il-BĊE, għall-għanijiet tal-politika tiegħu, irid jagħraf, jifhem u josserva bir-reqqa dawn l-iżviluppi.
  2. Il-BĊE, il-banek ċentrali u l-awtoritajiet nazzjonali taż-żona tal-euro għandhom kompiti ġodda fejn tidħol is-superviżjoni makroprudenzjali. Kompiti ġodda jeħtieġu għodod u ħiliet ġodda. Għall-bidu, AnaCredit se tkun imfassla biex tikseb tagħrif ġdid meħtieġ għall-kompiti tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Aktar ’il quddiem jistgħu jiġu kkunsidrati ħtiġijiet oħra marbutin mas-superviżjoni bankarja.

AnaCredit hija bbażata fuq kunċetti u definizzjonijiet armonizzati u fuq kopertura sħiħa għal (tal-anqas) l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, biex jiġi żgurat li d-dejta tkun tista’ titqabbel aħjar. Il-bażi tal-informazzjoni statistika tal-Eurosistema għalhekk għandha titjieb b’mod sinifikanti.

AnaCredit kif tista’ tkun ta’ benefiċċju għalija?

Iċ-ċavetta għal deċiżjonijiet tajbin hija li jkollok stampa ċara tas-sitwazzjoni. Dan huwa għaliex il-banek ċentrali għandhom bżonn ta’ statistika tajba. Statistiċi analizzati bis-sħiħ ipprovduti minn AnaCredit se jikkontribwixxu għal informazzjoni aktar ċara u dettaljata użata biex tgħin fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja u tgħin biex is-sistema finanzjarja tinżamm soda u trasparenti. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, kemm għal min ifassal il-politika u għas-superviżuri kif ukoll għall-banek u fl-aħħar mill-aħħar għaċ-ċittadini.

X’differenza se tagħmel AnaCredit?

AnaCredit tipprovdi dejta dettaljata f’livell profond għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li se tkun tista’ titqabbel għalkollox billi hija bbażata fuq kunċetti u definizzjonijiet armonizzati. Għalhekk AnaCredit se tippermetti analiżijiet u tqabbil li ma setgħux isiru abbażi tad-dejta aggregata preċedenti. Dawn l-analiżijiet għandhom sehem importanti fil-funzjonijiet ewlenin tal-politika tal-banek ċentrali bħat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja u s-sorveljanza makroprudenzjali.

Pereżempju, AnaCredit tipprovdi dejta dettaljata dwar id-disponibbiltà ta’ kreditu għall-impriżi, fosthom l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs), billi għal dawn s’issa m’għandniex ħlief tagħrif parzjali bbażat fuq xi stħarriġ li sar. Issa huma ċari d-differenzi fil-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda għal setturi ekonomiċi differenti jew għal kategoriji ta’ ditti (eż. żgħar vs kbar, manifattura vs servizzi), xi ħaġa li qabel kienet moħbija wara l-aggregati. Tagħrif affidabbli dwar l-aċċess tal-SMEs għal self bankarju huwa importanti ħafna għad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u jimpjegaw l-aktar nies, u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tagħhom jiddependu kważi għalkollox mill-banek. Id-dejta granulari (mikrodejta) miġbura minn AnaCredit tintuża wkoll biex tevalwa l-iżvilupp tad-dejn korporattiv u s-sostenibbiltà tiegħu għall-SMEs, ħaġa importanti ferm għall-kalkolu tar-riskju marbut ma’ ċerti kategoriji ta’ skoperturi tal-banek.

L-esperti jeħtieġu wkoll tagħrif dettaljat biex jikkalkulaw ir-riskji emerġenti għall-istabbiltà finanzjarja. Pereżempju, jekk is-sistema bankarja f’pajjiż taż-żona tal-euro ma tkunx diversifikata sew u tkun esposta żżejjed għal reġjuni jew industriji speċifiċi, AnaCredit tista’ tiġbed l-attenzjoni fuq dan u tippermetti analiżi iżjed preċiża tar-riskji tal-kreditu (settorjali jew reġjonali) u l-iżvilupp potenzjali tagħhom f’riskji sistemiċi fis-settur finanzjarju.

Ir-rappurtar armonizzat permezz ta’ AnaCredit jippermetti wkoll l-evalwazzjoni tal-iskopertura tas-self totali ta’ kumpannija lejn il-banek kollha taż-żona tal-euro, inklużi l-iskoperturi transkonfinali. Dan qabel ma setax isir minħabba li l-informazzjoni mhijiex kompleta jew ma tistax titqabbel għalkollox. Is-superviżuri bankarji issa jistgħu jinnutaw meta kumpannija partikolari tibda turi sinjali ta’ dewmien fil-ħlasijiet lura lill-banek, jevalwaw l-affidabbiltà kreditizja ta’ dik il-kumpannija u jikkalkulaw ir-riskju potenzjali għall-banek esposti għaliha.

Għaliex il-BĊE jrid din id-dejta kollha?

AnaCredit titlob u tiġbor biss id-dejta li tkun strettament meħtieġa. Bħalissa tintalab biss dejta dwar self lil korporazzjonijiet (u entitajiet ġuridiċi oħra) jekk is-self ikun akbar minn €25,000. Dan il-limitu relattivament baxx huwa rilevanti b’mod speċjali sabiex jimtlew in-nuqqasijiet kbar fid-dejta għal dik li hija l-analiżi tal-finanzjament ta’ impriżi żgħar u medji fiż-żona tal-euro.

Il-ġar tiegħi se jkun jaf kemm għandi nagħti lill-bank?

B’mod ġenerali, il-BĊE m’għandux bżonn u ma jridx ikun jaf l-identità ta’ selliefa privati individwali. Jekk f’xi żmien fil-ġejjieni l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jqis li jestendi AnaCredit għal self lil individwi privati – ngħidu aħna self għal proprjetà immobiljari – id-dejta tiġi anonimizzata f’kull każ. Bħala salvagwardja u sabiex jiġi żgurat li t-test legali jkun xieraq f’dan ir-rigward, il-BĊE kkonsulta wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u qagħad fuq il-pariri tiegħu.

X’jiġri jekk is-sistemi tagħkom jiġu ħħekkjati?

Il-banek ċentrali għandhom esperjenza kbira biex iżommu l-kunfidenzjalità tad-dejta. Għalihom hija ħaġa ta’ kuljum. L-Eurosistema diġà tipproċessa kwantità kbira ta’ informazzjoni sensittiva u għandha sistemi apposta li ilhom stabbiliti. Bħalissa f’bosta pajjiżi Ewropej jeżistu reġistri tal-kreditu, u f’xi każijiet dawn jinkludu kwantità ħafna akbar ta’ informazzjoni sensittiva milli huwa previst fil-każ tagħna. Qegħdin jittieħdu, u se jkomplu jittieħdu, miżuri ta’ prekawzjoni sabiex titħares dejta personali skont il-qafas tal-UE għall-protezzjoni ta’ dejta personali. Dan huwa armonizzat fid-Direttiva 95/46/KE u stabbilit ukoll fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

X’se tiswa AnaCredit għall-banek? Mhijiex se tkun piż ieħor fuq il-banek iż-żgħar?

Minħabba l-livell ta’ dettalji mitlub, il-BĊE jaf bil-piż li se jkun impost fuq l-aġenti ta’ rappurtar, l-aktar f’dawk il-pajjiżi fejn ir-rappurtar ta’ informazzjoni granulari huwa xi ħaġa ġdida. Għal dan il-għan, fl-2014 il-BĊE għamel eżerċizzju komprensiv ta’ “benefiċċji u kostijiet” biex jonqos kemm jista’ jkun il-piż tar-rappurtar. B’hekk, ir-regolament dwar AnaCredit fih biss dawk ir-rekwiżiti li għalihom ir-rilevanza tal-politika konfermata jew l-utilità operazzjonali kienu kbar biżżejjed biex jiġġustifikaw l-organizzazzjoni u l-kostijiet regolari tad-dejta meħtieġa. Il-proċedura ta’ “benefiċċji u kostijiet” hija standard li ilu stabbilit u ġie applikat għar-rekwiżiti ġodda kollha tal-istatistika tal-BĊE. Kollox ma’ kollox, il-ġbir ta’ din id-dejta żgur li huwa ta’ siwi, billi kemm il-banek ċentrali kif ukoll il-banek stess jeħtiġilhom tagħrif dettaljat u f’waqtu dwar l-iskoperturi tal-kreditu, kulħadd għall-għan tiegħu.

Barra minn hekk, sar minn kollox biex dan il-piż ma jkunx itqal milli huwa meħtieġ, l-aktar għal istituzzjonijiet żgħar. Biex tiġi ggarantita l-proporzjonalità, l-istituzzjonijiet iż-żgħar jistgħu jingħataw derogi mill-banek ċentrali nazzjonali rispettivi. F’xi pajjiżi, dan se jfisser li mijiet ta’ banek se jiġu eżentati għalkollox mill-obbligi tar-rappurtar.

Ma taħsbux li formola b’aktar minn 100 mistoqsija għal kull self hija esaġerazzjoni?

Ħalli naraw sewwasew x’tinvolvi. Ejjew nagħtu daqqa t’għajn lejn it-tip ta’ dejta meħtieġa għal self individwali. Qegħdin nitħaddtu dwar 94 “attribut” ta’ dejta u seba’ identifikaturi uniċi li jintużaw bosta drabi fid-diversi formoli mitluba. Għalkemm tassew qiegħda tintalab xi informazzjoni sensittiva dwar ditti (eż. l-isem, l-indirizz, il-forma ġuridika) dan qiegħed isir għall-konsolidazzjoni tal-ammont sħiħ ta’ dejn ta’ korporazzjoni, li jista’ jkun mifrux mal-Ewropa kollha f’għadd kbir ta’ banek. L-informazzjoni għalhekk trid tkun granulari, preċiża u dettaljata.

Kif tiżgura li l-AnaCredit ma tiswix wisq għall-banek?

Mill-bidu tal-proġett, il-BĊE evalwa bir-reqqa l-impatt ta’ AnaCredit bil-ħsieb li jrażżnu l-ispejjeż imġarrba. Kif isir għal kull ġabra ġdida ta' informazzjoni statistika, il-BĊE applika proċedura ta’ “benefiċċji u kostijiet” matul l-2014 li fiha l-benefiċċji mistennija mill-informazzjoni ġdida għall-utenti tqabblu mal-kostijiet relatati, fosthom dawk ikkalkulati għall-aġenti tar-rappurtar, i.e. il-banek. Rappreżentanti tal-industrija bankarja ġew involuti direttament f’dan il-proċess, l-aktar permezz tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) rispettivi. Din il-proċedura li ilha stabbilita tiggarantixxi l-aħjar definizzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar abbażi tal-effikaċja tal-kostijiet. Fl-4 ta’ Diċembru 2015 il-BĊE nieda konsultazzjoni pubblika informali dwar ir-Regolament tal-BĊE dwar il-ġbir ta' dejta granulari (mikrodejta) u r-riskju tal-kreditu (AnaCredit), billi pprovda lill-pubbliku ġenerali l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar. Wara l-konsultazzjoni, il-BĊE analizza u ta l-kunsiderazzjoni xierqa għall-kummenti kollha li rċieva. Jekk il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jikkunsidra li jestendi l-ambitu tad-dejtasett ta’ AnaCredit fil-ġejjieni, dan irid jiġi rifless ukoll fi proċess xieraq li jinvolvi d-diversi partijiet ikkonċernati, fosthom il-possibbiltà ta’ konsultazzjoni pubblika dwar rekwiżiti fir-rigward ta’ dejta miġbura speċifikament għall-finijiet tas-superviżjoni bankarja.

Din l-Ispjegazzjoni ġiet aġġornata f'10 ta’ Lulju 2019 sabiex tirrifletti l-fatt li l-Anacredit issa ġiet implimentata fiż-żona tal-euro.