Ħames affarijiet li għandek tkun taf fuq it-Trattat ta’ Maastricht

15 ta' Frar 2017

1. Waqqaf l-Unjoni Ewropea

It-Trattat ta’ Maastricht, magħruf uffiċjalment bħala t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, fetaħ “fażi ġdida fil-proċess tal-ħolqien ta’ unjoni iżjed mill-qrib fost il-popli tal-Ewropa”. Ħejja l-pedamenti għal munita unika, l-euro, u wessa’ b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej f’għadd ta’ oqsma ġodda:

  • inħolqot iċ-ċittadinanza Ewropea, biex iċ-ċittadini setgħu jmorru joqogħdu u jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor
  • twaqqfet politika barranija u tas-sigurtà komuni
  • sar qbil fuq kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn il-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali

It-Trattat ġie ffirmat fil-belt Olandiża ta’ Maastricht, li tinsab qrib il-fruntieri mal-Belġju u l-Ġermanja. Kien ir-riżultat ta’ bosta snin ta’ diskussjonijiet bejn il-gvernijiet fuq it-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea.

2. Ġie ffirmat minn 12-il pajjiż

Rappreżentanti ta’ 12-il pajjiż iffirmaw it-Trattat fis-7 ta’ Frar 1992 – il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Renju Unit u Spanja.

Il-parlamenti ta’ dawn il-pajjiżi mbagħad irratifikaw it-Trattat, u f’xi każijiet sar referendum. It-Trattat ta’ Maastricht daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993 meta twaqqfet uffiċjalment l-Unjoni Ewropea.

Minn dakinhar ’l hawn, 16-il pajjiż ieħor issieħbu fl-Unjoni Ewropea u adottaw ir-regolamenti stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht jew fit-trattati li saru wara.

3. Ħejja l-pedamenti għall-euro

It-Trattat ta’ Maastricht ħejja t-triq għall-ħolqien ta’ munita unika Ewropea – l-euro. Kien il-qofol ta’ bosta għexieren ta’ snin ta’ diskussjonijiet fuq it-tkabbir tal-kooperazzjoni ekonomika fl-Ewropa. It-Trattat waqqaf ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, u ddefinixxa l-għanijiet tagħhom. L-għan ewlieni tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, i.e. li jissalvagwarda l-valur tal-euro.

Kienet il-Kummissjoni Ewropea li ħarġet għall-ewwel darba bl-idea ta’ munita unika għall-Ewropa fil-bidu tas-snin 1960. Madankollu, il-proġett kellu jieqaf ħesrem billi fis-snin 1970 is-sitwazzjoni ekonomika xejn ma kienet stabbli.

Il-mexxejja Ewropej reġgħu qajmu l-idea ta’ munita unika fl-1986 u tliet snin wara, fl-1989, intrabtu li kellha tidħol bi proċess ta’ tranżizzjoni fi tliet fażijiet. It-Trattat ta’ Maastricht stabbilixxa formalment dawn il-fażijiet:

  • Fażi 1 (mill-1 ta’ Lulju 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1993): introduzzjoni tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri
  • Fażi 2 (mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1998): tkabbir fil-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali u tqarrib fil-politika ekonomika tal-Istati Membri
  • Fażi 3 (mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-lum): dħul gradwali tal-euro flimkien mal-implimentazzjoni ta’ politika monetarja unika, li għaliha huwa responsabbli l-BĊE

4. Daħħal il-kriterji li jridu jissodisfaw il-pajjiżi biex jissieħbu fl-euro

Minbarra li stabbilixxa ż-żmien għall-introduzzjoni tal-munita unika, it-Trattat waqqaf ukoll ir-regoli ta’ kif l-euro kellu jiffunzjona fil-prattika. Fosthom kien hemm ir-regoli ta’ kif jiġi stabbilit jekk pajjiż ikunx imħejji biex jissieħeb fl-euro.

L-għan ta’ dawn ir-regoli partikolari, magħrufin ukoll bħala l-kriterji ta’ Maastricht jew il-kriterji ta’ konverġenza, huwa li jiżguraw li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, anki meta pajjiżi ġodda jissieħbu fil-munita. Ir-regoli jaħdmu biex jiżguraw li l-pajjiżi li jissieħbu jkunu stabbli f’dawn l-oqsma:

  • l-inflazzjoni
  • il-livelli tad-dejn pubbliku
  • ir-rati tal-imgħax
  • ir-rata tal-kambju

5. Kien qabża kbira ’l quddiem għall-integrazzjoni Ewropea

Minn meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht, il-pajjiżi Ewropej ingħaqdu iżjed flimkien għalkemm xi oqsma politiċi, bħal dawk ekonomiċi u fiskali, baqgħu fil-kompetenza nazzjonali. Il-mexxejja Ewropej qablu fuq passi oħra biex ikomplu jkattru l-integrazzjoni bejn l-istati Ewropej:

  • fl-1997 sar qbil fuq il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jiżgura li l-pajjiżi jħaddnu politika baġitarja soda
  • twaqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà biex jipprovdi għajnuna finanzjarja lil pajjiżi taż-żona tal-euro li jgħaddu minn jew ikunu mhedda minn problemi serji ta’ finanzjament
  • inħolqu l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni wara l-kriżi finanzjarja biex is-sistema bankarja Ewropea tissaħħaħ u jikbru l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja

Illum iżjed minn 510 miljun ċittadin minn 28 Stat Membru jgawdu mill-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea. Ħamsa u għoxrin sena wara l-ftehim fuq il-pjan direzzjonali lejn munita unika, l-euro llum huwa t-tieni munita li tintuża l-aktar fid-dinja u sar parti mill-ħajja ta’ kuljum għal 340 miljun ruħ f’19-il pajjiż.