Programm ta’ Sħubija

Biex iħejju għat-tnedija tal-karti tal-flus il-ġodda, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema waqqfu l-Programm ta' Sħubija. Dan joffri lill-manifatturi u l-fornituri tat-tagħmir tal-karti tal-flus, lil organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali oħra kif ukoll 'il-klijenti tagħhom, u lill-utenti, firxa wiesgħa ta' tagħrif dwar il-karti tal-flus il-ġodda bla ħlas.

Il-Programm hu maħsub ukoll għall-banek kummerċjali, bejjiegħa bl-imnut, professjonisti tal-industrija tal-ivvjaġġar, operaturi ta' aġenziji tal-kambju u oħrajn li jużaw tagħmir tal-karti tal-flus jew jimmaniġġaw flus kontanti kuljum.

Biex tapplika għall-Programm ta' Sħubija, imla l-formula ta' reġistrazzjoni bid-dettalji ta' kuntatt tiegħek u deskrizzjoni qasira ta' dak li qed tippjana l-kumpanija tiegħek għall-introduzzjoni tal-karti tal-flus il-ġodda ta' € 100 u € 200.

Skont il-Programm ta’ Sħubija, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali se:

  • jisħqu fuq l-importanza li l-magni u t-tagħmir li jimmaniġġaw u jivverifikaw il-karti tal-flus jiġu adattati għall-karti tal-flus il-ġodda;
  • jorganizzaw sensiela ta’ avvenimenti u attivitajiet sat-tnedija tal-karti tal-flus il-ġodda;
  • jipprovdu materjal diġitali u stampat dwar il-karti tal-flus il-ġodda bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex jgħinu lill-imseħbin jikkomunikaw mal-gruppi interessati.

Hu mistenni li l-imseħbin:

  • jinfurmaw lill-partijiet interessati tagħhom u lill-pubbliku minn kmieni;
  • jiżguraw li l-magni u t-tagħmir tagħhom jaċċettaw il-karti tal-flus il-ġodda.

Jekk tixtieq tirċievi aktar informazzjoni dwar il-Programm ta' Sħubija, jekk jogħġbok ikteb lil partnership-programme@ecb.europa.eu.

Aġġornament tal-magni għall-karti tal-flus il-ġodda

Biex ikunu jistgħu jiġu ttestjati u adattati l-magni, fil-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u f'postijiet oħra l-karti tal-flus il-ġodda jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-manifatturi, il-fornituri u s-sidien ta' magni u tagħmir tal-awtentikazzjoni. Barra minn hekk, seminars li jkopru d-dettalji tal-ħruġ jinżammu fiż-żona kollha tal-euro.

Hi disponibbli lista ta' tagħmir tal-awtentikazzjoni u ta' magni tal-ipproċessar tal-karti tal-flus ittestjati mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-kompatibilità mal-karti tal-flus il-ġodda, li tiġi aġġornata regolarment.

Lista ta’ tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus li għadda mit-test

L-imsieħba jistgħu jikkuntattjaw lill-bank ċentrali nazzjonali tagħhom jew lill-Bank Ċentrali Ewropew jekk għandhom xi mistoqsijiet.

Istituzzjonijiet oħrajn