Proċeduri tat-testijiet għal tipi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus

Klassifikazzjoni

Għan

Fis-16 ta' Settembru 2010 l-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro1. Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ġiet emendata biex tkopri wkoll il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tas-sensiela l-ġdida ta' karti tal-flus tal-euro. Skont din id-Deċiżjoni, il-karti tal-flus tal-euro jistgħu jiġu riċirkolati biss jekk ikunu ġew verifikati għall-awtentiċità u l-kundizzjoni. Il-karti tal-flus tal-euro riċirkolati permezz ta' magni mħaddmin mill-klijenti jridu jiġu verifikati għall-awtentiċità u l-kundizzjoni permezz ta' tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus li tkun għaddiet minn test li jkun sar minn bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Klassifikazzjoni tal-magni

Il-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus eliġibbli għat-test huma klassifikati kif ġej:

1. Magni mħaddmin mill-klijenti, fosthom:

  • magni għar-riċiklaġġ tal-flus (CRMs), i.e. magni li jaċċettaw karti tal-flus tal-euro u jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tagħhom, u joħorġu karti tal-flus tal-euro depożitati minn klijenti oħra fi tranżazzjonijiet preċedenti;
  • magni cash-in kombinati (CCMs), i.e. magni li jaċċettaw karti tal-flus tal-euro u jivverifikaw l-awtentiċità tagħhom, u joħorġu karti tal-flus tal-euro li jkunu tpoġġew separatament fihom iżda ma jirriċiklawx karti tal-flus tal-euro depożitati minn klijenti oħra fi tranżazzjonijiet preċedenti;
  • magni cash-in (CIMs), i.e. magni li jaċċettaw karti tal-flus tal-euro u jivverifikaw l-awtentiċità tagħhom, iżda ma joħorġux karti tal-flus tal-euro lill-klijenti;
  • magni cash-out (COMs), i.e. magni oħra li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro qabel ma joħorġuhom lill-klijenti;

2. Magni mħaddmin mill-impjegati, fosthom:

  • magni li jipproċessaw il-karti tal-flus (BPMs), i.e. magni li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro;
  • magni għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus (BAMs), i.e. magni li jivverifikaw biss l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro;
  • magni ta' riċiklaġġ għall-assistenza tal-kaxxiera (TARMs), i.e. magni mħaddma minn kaxxiera li jaħżnu l-karti tal-flus tal-euro, jippermettu lil min jimmaniġġa l-flus li jikkredita jew jiddebita l-kontijiet tal-klijenti u jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro;
  • magni għall-assistenza tal-kaxxiera (TAMs), i.e. magni mħaddma minn kaxxiera li jaħżnu l-karti tal-flus tal-euro, jippermettu lil min jimmaniġġa l-flus li jikkredita jew jiddebita l-kontijiet tal-klijenti u jivverifikaw l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro.

Biex tkun eliġibbli għat-test magna li timmaniġġa l-karti tal-flus irid ikollha l-kapaċità li tipproċessa l-karti tal-flus tal-euro kif ukoll li tikklassifika u timmaniġġa l-karti tal-flus tal-euro skont l-Annessi IIa u IIb tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 mingħajr l-intervent ta' min iħaddem il-magna.

Mhux kopert hawnhekk: tagħmir għall-awtentikazzjoni

It-tagħmir li jimmaniġġa l-karti tal-flus imsemmi hawn mhuwiex kopert bil-proċedura tat-testijiet:

  1. Tagħmir għall-awtentikazzjoni ta' karti tal-flus li jipproċessa l-karti tal-flus waħda waħda jew f’mazzi u jikklassifika, mingħajr l-intervent tal-utent, il-karti tal-flus bħala ġenwini jew dubjużi iżda ma jisseparax fiżikament u awtomatikament il-karti tal-flus dubjużi minn dawk ġenwini (ara Lista ta’ tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus li ġie ttestjat)
  2. Tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus li jeħtieġ li l-utent jiddeċiedi jekk karta tal-flus tkunx ġenwina jew le (i.e. għajnuna għall-verifika).

Kif tapplika għat-test

Il-manifatturi għandhom jikkuntattjaw bank ċentrali nazzjonali biex japplikaw għat-test2 (ara Lista bid-dettalji tal-banek ċentrali nazzjonali)

1 ĠU L 267, 9.10.2010, p. 1.
2 Jekk magna li timmaniġġa l-karti tal-flus titneħħa mill-websajt tal-BĊE minħabba li l-manifattur jirrifjuta li jagħmel it-test annwali, dawk li jimmaniġġaw il-flus u jużaw l-istess tip ta' magna jistgħu jitolbu bank ċentrali nazzjonali biex jagħmel test bilaterali.

Proċeduri tat-testijiet

Daħla

L-Eurosistema stabbiliet proċeduri komuni tat-testijiet għal tipi diversi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus. Dawn it-testijiet jivverifikaw il-kapaċità ta' tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus biex tidentifika l-awtentiċità ta' karti tal-flus tal-euro ġenwini, biex tissepara l-karti tal-flus tal-euro ġenwini minn dawk foloz (it-"test tal-identifikazzjoni tal-karti tal-flus foloz") u, jekk ikun il-każ, biex tagħżel il-karti tal-flus tal-euro skont jekk ikunux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni (it-"test tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus"). Il-magni mħaddmin mill-klijenti ssirilhom ukoll verifika tas-sistema ta' identifikazzjoni (it-"test tas-sistema ta' identifikazzjoni").

It-testijiet isiru bl-użu ta’ pakketti ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini u foloz, kif stabbilit hawn taħt. Minħabba li f'kull ħin jistgħu jitfaċċaw karti tal-flus foloz li jkun fihom karatteristiċi ġodda li jkunu differenti minn dawk tal-karti tal-flus użati fit-test, ta' min jgħid li r-riżultati tat-testijiet imxandra fil-paġna tal-websajt jirriflettu biss il-kapaċità ta' magna ta' dak it-tip partikolari biex tidentifika l-flus foloz li jkunu fil-mazz użat għat-test fil-jum meta jsiru t-testijiet.

Għalhekk, l-Eurosistema tħeġġeġ lill-manifatturi jsegwu l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-falsifikazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, jaġġornaw il-magni tagħhom minn żmien għal żmien biex jiżguraw li l-karti tal-flus foloz ġodda li joħorġu jkunu jistgħu jiġu identifikati wkoll b’mod affidabbli. Barra t-testijiet tal-bidu li jsiru biex jivverifikaw il-kapaċità tal-magni biex jikklassifikaw u jimmaniġġaw il-karti tal-flus tal-euro kif stabbilit fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 (i.e. testijiet ta' verifika) il-proċeduri komuni tat-testijiet jipprevedu li jsiru testijiet regolari kull sena għal tipi diversi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus (i.e. testijiet annwali) kif ukoll testijiet oħra ad hoc li jerġgħu jsiru wara li tkun saret talba speċifika (i.e. testijiet ġodda). Barra minn hekk, skont il-proċeduri komuni tat-testijiet, wara kull aġġornament li jkollu impatt fuq il-funzjonalitajiet ewlenin ta' tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus, il-magna trid tiġi ttestjata mill-ġdid. It-testijiet kollha jimxu bl-istess proċeduri u jsiru fil-preżenza tal-manifatturi tal-magni. Il-lista fil-paġna tal-websajt tinkludi biss it-tipi ta’ magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li jkunu għaddew mit-test.

Taħt isem kull tip ta' magna li timmanniġġa l-karti tal-flus li tgħaddi mit-test, fil-lista jistgħu jitniżżlu magni oħra tal-istess tip ("magni oħra"). Għalkemm dawn ma jkunux ġew ittestjati minn bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, huma jidhru fil-paġna tal-websajt bis-saħħa ta' garanzija bil-miktub mogħtija mill-manifattur li tindika li jkollhom l-istess ħardwer u softwer, u għalhekk l-istess funzjonalitajiet ewlenin kif definiti fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, tal-magna li timmaniġġa l-karti tal-flus li tkun għaddiet mit-test. Dawn il-magni l-oħra jidhru fil-lista flimkien mat-tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus li tkun għaddiet mit-test.

Test tal-identifikazzjoni tal-karti tal-flus foloz

It-test li jidentifika l-karti tal-flus foloz isir bl-użu ta’ mazz standardizzat tat-testijiet magħmul minn karti tal-flus tal-euro ġenwini, karti tal-flus foloz li jkunu nstabu fiċ-ċirkolazzjoni u dokumenti oħra li jkunu ġew manifatturati mill-Eurosistema biex jirriproduċu u jinkludu ċerti karatteristiċi tal-karti tal-flus tal-euro.

Barra dan, il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jużaw kampjuni ta' flus foloz li jkunu nstabu fil-pajjiż biex jirriflettu l-aħħar żviluppi fil-falsifikazzjoni. Il-proċeduri komuni tat-testijiet u l-aġġornament regolari tal-mazz użat fit-testijiet jiżguraw li l-użu ta' karti tal-flus foloz lokali li jkunu għadhom kemm instabu ma jwassalx biex ikun hemm differenza fl-istandard tat-testijiet nazzjonali.

Kampjuni ta' flus foloz imħalltin ma' karti tal-flus tal-euro jiġu ttestjati fid-denominazzjonijiet, is-sensiliet, l-orjentazzjonijiet u l-għażliet kollha li jaqblu ma' tip partikolari ta' magna.

Il-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus jgħaddu mit-test jekk: (a) l-ebda karta tal-flus falza jew dokument ieħor speċifikat mill-Eurosistema ma jiġu klassifikati bħala karti tal-flus tal-euro ġenwini (kategorija 4a jew 4b tal-Anness IIa jew IIb tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14); (b) mill-anqas 90% tal-karti tal-flus tal-euro ttestjati jiġu klassifikati bħala karti tal-flus tal-euro f'kundizzjoni tajba; u (c) il-karti tal-flus tal-euro kollha ta' dawk id-denominazzjonijiet u/jew sensiliet li ma jaqblux mal-magna jew li jidħlu fil-magna f'orjentazzjonijiet li ma jaqblux magħha jiġu rifjutati mill-magna. Barra dan, fil-każ ta' magni mħaddmin mill-klijenti, il-magna tgħaddi mit-test jekk mhux aktar minn 1% tal-karti tal-flus tal-euro ma jintgħażlux bħala karti tal-flus ġenwini tal-euro (kategoriji 4a jew 4b) u, fil-każ ta' magni mħaddmin mill-klijenti li jindikaw il-klijent, mill-anqas 90% tal-karti tal-flus foloz1 u ta' dokumenti oħra speċifikati mill-Eurosistema jiġu klassifikati fil-kategorija 2 jew 3 (Tabella 1) tal-Anness IIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.

L-Eurosistema taġġorna l-mazz użat fit-testijiet bejn wieħed u ieħor kull xahrejn biex jiġi żgurat li t-testijiet isiru bl-użu ta' karti tal-flus foloz li ma jkunux ilhom li nstabu fiċ-ċirkolazzjoni.

Test tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus

It-test tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus isir permezz ta’ pakkett ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini li jkollhom difetti li jixbhu lil dawk ikkawżati bl-użu ta' kuljum. Dawn il-karti tal-flus tal-euro jiddaħħlu fil-magna li timmaniġġa l-karti tal-flus fl-orjentazzjonijiet kollha li jaqblu mal-magna. Il-magna tgħaddi mit-test jekk mhux aktar minn 5% tal-karti tal-flus tal-euro li ma jkunux f'kundizzjoni tajba jiġu klassifikati fil-kategorija 4a tal-Annessi IIa jew IIb tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.

Test tas-sistema ta' identifikazzjoni

Magna tgħaddi mit-test tas-sistema ta' identifikazzjoni, li jsir biss għall-magni mħaddmin mill-klijenti, jekk taħżen informazzjoni dwar id-detentur tal-kont għall-karti tal-flus kollha tal-euro klassifikati fil-kategorija 2 u 3 (Tabella 1) tal-Anness IIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u tgħaqqad b'mod affidabbli dawn il-karti tal-flus kollha tal-euro mal-informazzjoni dwar id-detentur partikolari tal-kont.

Pubblikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għal tipi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li jgħaddu mit-test

Fil-lista li tinsab fil-paġna tal-websajt jidhru biss it-tipi ta’ magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li jkunu għaddew minn test li jkun sar minn bank ċentrali nazzjonali. Ara l-lista ta' Tipi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li għaddew mit-test.

1 Id-dokumenti maħluqa artifiċjalment ma jitqisux fil-kalkolu tar-rata tal-karti tal-flus miżmuma.