Ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus

Denominazzjonijiet

Il-karti tal-flus f’butek

Mis-seba’ denominazzjonijiet tal-karti tal-euro, l-aktar li jintużaw għall-ħlasijiet ta’ kuljum huma l-karti ta’ valur żgħir u medju. Dawn normalment jinħarġu permezz tal-kaxxiera awtomatiċi (ATMs). In-nies jistgħu jżommu somom kbar fi flus kontanti billi jużaw id-denominazzjonijiet il-kbar. Iservu l-aktar bħala ħażna ta’ valur iżda jintużaw ukoll biex jinxtraw oġġetti għaljin.

Tagħrif bl-Ingliż fuq iċ-ċifri taċ-ċirkolazzjoni tas-seba’ denominazzjonijiet tal-karti tal-flus jinsab fit-taqsima tal-istatistika.

Barra ż-żona tal-euro

Ċaqliq tal-karti tal-euro

Il-karti tal-euro ma jintużawx biss minn dawk li joqogħdu fiż-żona tal-euro. L-euro huwa munita internazzjonali u għalhekk xi karti tal-euro jispiċċaw barra ż-żona tal-euro u jibqgħu hemm.

Huwa kkalkulat li, f’termini ta’ valur, bejn 20% u 25% tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jinsabu għand persuni li joqogħdu barra ż-żona tal-euro, l-aktar f’reġjuni ġirien taż-żona tal-euro. Id-domanda għall-karti tal-euro barra ż-żona żdiedet f’daqqa meta kiber it-taqlib finanzjarju f’Ottubru 2008. Id-domanda żdiedet b’mod evidenti fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-lvant li mhumiex fl-Unjoni Ewropea, fejn kien hemm deprezzament tal-muniti nazzjonali mal-euro. Dawn il-karti tal-euro għadhom fiċ-ċirkolazzjoni u jinsabu f’idejn residenti barra ż-żona tal-euro.

Ċiklu tal-flus kontanti

Fluss tal-flus

Il-karti tal-flus jimxu ma’ xejra partikolari fl-ekonomija. Il-banek kummerċjali jordnawhom mingħand il-banek ċentrali u mbagħad joħorġuhom permezz tal-kaxxiera awtomatiċi (ATMs). In-nies jonfquhom fil-ħwienet, fis-swieq u f’postijiet oħra u l-karti tal-flus imbagħad jiġu depożitati mill-bejjiegħa u persuni oħra fil-banek. Il-banek u kaxxiera oħrajn imbagħad jew jibagħtuhom lura lill-bank ċentrali rispettiv tagħhom jew jerġgħu jiċċirkolawhom wara li jiċċekkjawhom għall-awtentiċità u l-kundizzjoni tagħhom.

L-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-flus kontanti tvarja minn pajjiż għall-ieħor u tiddependi

  • mill-istruttura tal-bank ċentrali, inkluż in-netwerk tal-fergħat tiegħu
  • mill-banek kummerċjali u n-netwerks tal-fergħat tagħhom
  • mis-sistema legali
  • mid-drawwiet tal-pubbliku għall-ħlasijiet
  • mill-infrastruttura tal-kumpaniji li jġorru l-flus li joperaw fis-suq, u
  • mill-ġeografija, l-istorja u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż.

Għal dawn ir-raġunijiet ma jistax ikun hemm mudell wieħed li jgħodd għal kulħadd għaċ-ċikli nazzjonali tal-flus kontanti fiż-żona tal-euro.

Minkejja dawn id-differenzi l-Eurosistema tibqa’ tisħaq fuq aktar konverġenza fis-servizzi tal-flus kontanti offruti mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro. Qegħdin jiġu konsultati l-partijiet interessati, bħall-banek kummerċjali, il-kumpaniji li jġorru l-flus u kaxxiera oħrajn, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Jekk ikun hemm iżjed armonizzazzjoni u integrazzjoni, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jiksbu iżjed benefiċċji mill-munita unika.

Tagħrif ieħor jinsab fir-Rapporti Annwali tal-BĊE.

Għażla u qerda

Tajba jew mhix tajba?

Il-karti tal-flus iridu jkunu ġenwini u ta’ kwalità tajba ħafna biex in-nies ikollhom fiduċja fihom. Għalhekk il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro jiċċekkjaw il-karti tal-flus biex jiżguraw li jkunu awtentiċi u li ma jkunux mgħarrqin jew maħmuġin wisq qabel ma joħorġuhom.

Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom magni awtomatiċi li jipproċessaw il-karti tal-flus u jiċċekkjawhom malli jaslu għandhom. Dawn il-magni jagħżlu l-karti biex jinżammu standards għoljin ta’ kwalità.