European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Kompiti

Stabbiltà finanzjarja

Il-BĊE għandu żewġ kompiti ewlenin fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja:

Identifikazzjoni tar-riskji

Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, josserva bir-reqqa l-iżviluppi ċikliċi u strutturali fis-setturi bankarji taż-żona tal-euro u fl-UE kollha, kif ukoll f’setturi finanzjarji oħra.

Evalwazzjoni tar-riskji

L-impatt potenzjali ta’ riskji sistemiċi fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tal-UE kif ukoll il-grad ta’ elastiċità tagħha jiġu evalwati bl-użu ta’ għodod kwantitattivi, bħall-qafas tal-BĊE għall-ittestjar tal-istress estern, l-analiżi tan-netwerks u mudelli oħra relatati. Il-qafas għall-ittestjar tal-istress estern sikwit jintuża biex jevalwa b’mod progressiv is-saħħa tas-settur bankarju fil-konfront ta’ żviluppi makroekonomiċi u finanzjarji (negattivi).

Fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE jipprovdi wkoll sostenn analitiku għall-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

Politika makroprudenzjali

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament MSU fl-4 ta’ Novembru 2014, il-BĊE kiseb għodod makroprudenzjali biex ikun jista’ jegħleb riskji sistemiċi potenzjali fis-sistema finanzjarja. Il-BĊE għandu żewġ mandati fil-qasam tal-politika makroprudenzjali:

Applikazzjoni ta’ miżuri iżjed stretti

Il-BĊE jista’ jaqbeż l-awtoritajiet nazzjonali u japplika rekwiżiti għall-bafers tal-kapital li jkunu ogħla minn dawk applikati minnhom, u jista’ wkoll japplika miżuri iżjed stretti bil-għan li jegħleb riskji sistemiċi jew makroprudenzjali, skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-UE. Fil-każ tal-banek, il-BĊE jista’, wara li jinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali, jgħolli r-rekwiżiti:

  • tal-bafers kontroċikliċi tal-kapital
  • tal-bafers tar-riskju sistemiku (jekk ikunu implimentati fil-liġi nazzjonali)
  • tas-soprataxxi fuq il-kapital ta’ istituzzjonijiet b’importanza sistemika
  • tal-piżijiet għar-riskju fuq l-iskoperturi tal-proprjetà immobiljari u dawk fi ħdan is-settur finanzjarju
  • tal-limiti fuq skoperturi kbar
  • tad-divulgazzjoni addizzjonali

Kummenti u oġġezzjonijiet

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħarrfu lill-BĊE meta jkunu biħsiebhom jimplimentaw jew jibdlu xi miżuri makroprudenzjali. Il-BĊE jevalwa l-miżuri maħsuba u jista’ joġġezzjona għalihom. L-awtoritajiet nazzjonali jqisu l-kummenti tal-BĊE qabel ma jipproċedu bid-deċiżjoni.

Regolamentazzjoni finanzjarja

Ir-regolamentazzjoni tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji tistabbilixxi s-sisien għall-politika makroprudenzjali. Il-BĊE janalizza inizjattivi dwar regolamentazzjoni finanzjarja, superviżjoni finanzjarja, dispożizzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja (e.g. ġestjoni u riżoluzzjoni ta’ kriżijiet finanzjarji) u oqsma oħra tas-servizzi finanzjarji (e.g. kontabilità) li jiġu introdotti minn regolaturi u superviżuri Ewropej u globali, kif ukoll jagħti pariri mill-perspettiva makroprudenzjali u tal-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-BĊE jipprovdi kontribut regolatorju u superviżorju permezz tas-sehem tiegħu u tal-Eurosistema għal proposti leġiżlattivi fil-livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima