Kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali

Il-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali tmur lura bosta snin. Bdiet bil-ħolqien ta' netwerk internazzjonali bejn banek ċentrali kbar fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, b'mod partikolari bit-twaqqif tal-Bank għas-Saldi Internazzjonali (BIS) fl-1930. Il-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali tiġbor fiha l-iskambju ta' kompetenzi, il-qsim tal-aqwa prattika kif ukoll il-kontributi għat-tisħiħ tal-kapaċità.

Kooperazzjoni mal-banek ċentrali

Raġunament

L-essenza tal-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali hija t-trasferiment tal-kompetenza u l-ħila. B'hekk il-banek mhux biss jgħinu lil xulxin biex itejbu l-livelli ta' professjoniżmu, effikaċja, indipendenza u trasparenza iżda jagħtu kontribut ukoll biex irawmu l-istabbiltà monetarja u finanzjarja globali.

Modalitajiet

Il-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali tkopri firxa wiesgħa ta' attivitajiet. Il-banek ċentrali jistgħu jgħinu permezz taċ-ċentri ta' taħriġ tagħhom li joffru bosta korsijiet ta' taħriġ jew okkażjonijiet oħra ta' tagħlim. Jistgħu jorganizzaw ukoll konferenzi u seminars li għalihom jattendu rappreżentanti ta' banek ċentrali oħra. L-għajnuna tista' tingħata direttament lill-istituzzjonijiet benefiċjarji, e.g. billi jiġi sekondat staff permanenti, bl-appoġġ fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u t-tfassil tal-politika jew permezz ta' missjonijiet regolari kemm fil-livell tekniku kif ukoll fil-livell politiku. Il-banek ċentrali jistgħu jaġixxu unilateralment jew jikkonkludu ftehim ma' istituzzjonijiet li mhumiex banek ċentrali (e.g. istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew il-gvernijiet tagħhom stess) biex jikkoordinaw l-attivitajiet u xi drabi jiksbu finanzjament estern.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jipprovdi għajnuna bilaterali ad hoc lil banek ċentrali mad-dinja kollha. Dan l-appoġġ jingħata kemm mill-oqsma tradizzjonali tal-politika tal-banek ċentrali kif ukoll mill-funzjonijiet tekniċi u ta' sostenn. Jistgħu jsiru żjarat lill-BĊE jew l-istaff tal-BĊE jista' jżur banek ċentrali barranin.

Il-BĊE jħarreġ ukoll l-istaff ta' banek ċentrali oħra.

Hemm aktar tagħrif ukoll fiThe Eurosystem as a provider of technical assistance to EU Neighbouring Regions fl-edizzjoni bl-Ingliż tal-Bullettin tax-Xahar ta' Lulju 2008. Il-membri tal-istaff tal-BĊE li jaħdmu f'dawn l-oqsma jistgħu jintlaħqu hawnhekk: centralbankcooperation@ecb.europa.eu

Programmi koordinati mill-BĊE

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea ilhom għal ħafna snin jieħdu sehem fi programmi multiannwali kbar ta' kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali li jiġu ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea. Din ix-xorta ta' għajnuna, magħrufa bħala ġemellaġġ, tidher li rnexxiet għaliex toħloq rabtiet istituzzjonali sodi bejn istituzzjonijiet li jwettqu kompiti simili jekk mhux identiċi. Ftehim ta' ġemellaġġ jista' jsir minn istituzzjoni pubblika ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (e.g. bank ċentrali nazzjonali) li tista' tingħaqad ma' istituzzjonijiet ta' Stati Membri oħra biex jiffurmaw konsorzju magħmul minn mhux aktar minn tliet istituzzjonijiet.

Mill-2003 'l hawn il-BĊE ffirma wkoll aktar minn ftehim wieħed mal-Kummissjoni Ewropea li jistgħu jitqabblu ma' ġemellaġġi u li wkoll għandhom l-għan li jiksbu riżultati speċifiċi. Dan it-tip ta' ftehim jiġi implimentat mill-BĊE bi sħubija mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Kull ftehim jibbenefika mill-kapaċità tal-BĊE li jikkonkludi ftehim finanzjarju uniku mal-Kummissjoni Ewropea f'isem għadd ta' banek ċentrali nazzjonali. Dan huwa eżempju tal-impenn tal-Eurosistema li twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi u effiċjenti fi spirtu ta' kooperazzjoni u ta' ħidma flimkien.

Fl-2013 il-BĊE fakkar l-għaxar anniversarju tal-programmi ta' kooperazzjoni teknika kkoordinati minnu billi organizza konferenza bl-isem International central bank cooperation before, during and after the crisis (Il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-banek ċentrali qabel, waqt u wara l-kriżi). Il-konferenza laqqgħet bosta kelliema ta' livell għoli li lkoll saħqu fuq kemm hija ta' siwi l-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali. Għad-dettalji ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE u il-programm tal-konferenza.

Aktar tagħrif dwar il-programmi ta' kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali li huma kkoordinati mill-BĊE u ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea kif ukoll dwar programmi li m'għandhomx finanzjament estern jinsab fit-taqsimiet Programmi li saru u Programmi fis-seħħ li jidhru hawn fuq.

Programmi li saru

Kooperazzjoni mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja (2011-13)

Bejn l-1 ta' Frar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2013 il-BĊE u 21 bank ċentrali nazzjonali għenu lill-Bank Nazzjonali tas-Serbja fl-isforzi tiegħu biex jimplimenta l-istandards tal-banek ċentrali tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għas-sħubija tar-Repubblika tas-Serbja fl-Unjoni Ewropea. Il-programm ta' 35 xahar kompla fejn ħalla l-programm ta' evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li sar fl-2008 u l-2009. Kien ikopri 13-il qasam tal-attivitajiet ta' bank ċentrali, uħud minnhom koperti wkoll fil-programm ta' evalwazzjoni tal-ħtiġijiet: i) superviżjoni tas-settur finanzjarju; ii) armonizzazzjoni legali; iii) liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital; iv) ġestjoni tar-riżervi tal-kambju; v) operazzjonijiet monetarji u tar-rati tal-kambju; vi) ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi finanzjarji; vii) għajnuna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea; viii) analiżi ekonomika u riċerka; ix) statistika; x) sistemi ta' pagament; xi) stabbiltà finanzjarja; xii) teknoloġija tal-informatika u xiii) kontabilità u rappurtar finanzjarju.

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea li għenu kienu: Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), Česká narodní banka, Deutsche Bundesbank, Eesti Pank, Central Bank of Ireland, Bank of Greece, Banco de España, Banque de France, Central Bank of Cyprus, Banque centrale du Luxembourg, Magyar Nemzeti Bank, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Narodowy Bank Polski, Banco de Portugal, Banca Naţională a României, Banka Slovenije, Národná banka Slovenska, Suomen Pankki – Finlands Bank u Bank of England.

Kooperazzjoni mal-Bank Nazzjonali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2012-2013)

Bejn il-15 ta' Ottubru 2012 u l-14 ta' Lulju 2013 il-BĊE u għaxar banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għenu lill-Bank Nazzjonali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja billi identifikaw is-suġġetti speċifiċi li fihom il-bank kellu jagħmel progress biex jilħaq livell kompatibbli ma' dak tal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f'għaxar oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali (kontabilità, karti tal-flus, analiżi ekonomika u riċerka, riżorsi umani, teknoloġija tal-informatika, verifika interna, servizzi legali, politika monetarja u tar-rati tal-kambju, sistemi ta' pagament u statistika). Il-livell mixtieq għandu jintlaħaq sa meta l-pajjiż isir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Nazzjonali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jidħol fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Eesti Pank, Central Bank of Ireland, Banco de España, Banca d’Italia, Bank Ċentrali ta' Malta, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banka Slovenije u Národná banka Slovenska. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru wkoll bagħat esperti biex jgħinu fil-programm.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina (2010-2011)

Bejn l-1 ta' April 2010 u t-30 ta' Settembru 2011 il-BĊE u seba' banek ċentrali nazzjonali għenu lill-Bank Nazzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina fl-isforzi tiegħu biex jimplimenta l-istandards tal-Unjoni Ewropea għall-banek ċentrali bi tħejjija għas-sħubija tal-Bosnja-Ħerzegovina fl-Unjoni Ewropea. Esperti mill-banek ċentrali tal-Bulgarija u r-Rumanija taw il-kontribut tagħhom ukoll. Il-programm ta' 18-il xahar kompla fejn ħalla l-programm ta' evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li sar fl-2007 u kien ikopri sitt oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali, li minnhom l-ewwel tlieta ffukaw fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-programm tal-2007 imsemmi aktar 'l isfel: i) statistika; ii) analiżi ekonomika u riċerka; iii) stabbiltà finanzjarja; iv) armonizzazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea; v) koordinazzjoni tal-integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea; u vi) titjib tas-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika fil-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Bank of Greece, Banco de España, Banca d’Italia, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank u Banka Slovenije.

Kooperazzjoni mal-kandidati u ma' kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea (2010-2012)

Bejn id-19 ta' Jannar 2010 u t-18 ta' Jannar 2012 il-BĊE, flimkien ma' 14-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, offra programm ta' għajnuna lill-kandidati u kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. L-għan kien li tissaħħaħ is-superviżjoni makro u mikroprudenzjali fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. L-Eurosistema mexxiet il-programm b'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità finanzjarja internazzjonali u bbenefikat mill-ħila tal-korpi u l-istituzzjonijiet f'Basel, Brussell, Londra u Washington li diġà huma impenjati fl-istess għan li jeżaminaw u jsaħħu l-qafas superviżorju skont ir-rakkomandazzjoni tal-G20. Fl-ewwel sena tal-programm saru aktar minn 20 sessjoni ta' taħriġ kif ukoll tliet werkxops ta' livell għoli dwar il-linji politiċi bis-sehem ta' madwar 36 istituzzjoni. Fit-tieni sena, il-programm ipprovda għajnuna bilaterali lil tmien benefiċjarji biex jgħinhom jiżviluppaw ċerti kapaċitajiet superviżorji u wara sar taħriġ ta' prova bħala tħejjija għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, Bank of Greece, Banco de España, Banque de France, Banca d’Italia, Central Bank of Cyprus, Banque centrale du Luxembourg, Bank Ċentrali ta' Malta, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banco de Portugal, Banka Slovenije, Národná banka Slovenska u Suomen Pankki – Finlands Bank.

Il-kandidati u l-kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienu l-Kroazja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-Turkija, is-Serbja u l-Kosovo (skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/99).

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Eġittu (2009-2012)

Bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-31 ta' Marzu 2012 il-BĊE u seba' banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għenu lill-Bank Ċentrali tal-Eġittu jsaħħaħ is-superviżjoni bankarja fl-Eġittu bl-aġġornament gradwali tar-regoli, ir-regolamenti, l-oqfsa ta' rappurtar u l-prattika superviżorja tal-bank u qarribhom lejn il-konformità bażika ta' Basel II skont l-istrateġija mfassla mill-Bank Ċentrali tal-Eġittu u ppreżentata lill-banek kummerċjali f'okkażjoni li saret fil-Kajr fl-14 ta' Ottubru 2009. Il-proċess ta' riforma kien jinvolvi l-konsultazzjoni mal-industrija bankarja dwar kwistjonijiet kwalitattivi kif ukoll studji tal-impatt kwantitattiv.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), Česká národní banka, Deutsche Bundesbank, Bank of Greece, Banque de France, Banca d’Italia u Banca Naţională a României.

Kooperazzjoni mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja (2008-2009)

Bejn l-1 ta' Settembru 2008 u l-31 ta' Mejju 2009 il-BĊE u 17-il bank ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għenu lill-Bank Nazzjonali tas-Serbja billi identifikaw is-suġġetti speċifiċi li fihom il-bank ried jagħmel progress biex jilħaq livell kompatibbli ma' dak tal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f'sitt oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali (superviżjoni bankarja, armonizzazzjoni mal-acquis communautaire tal-leġiżlazzjoni fil-kompetenza tal-Bank Nazzjonali tas-Serbja, liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital, tmexxija tal-politika monetarja u s-sistema tar-rati tal-kambju, statistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti, u ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi finanzjarji). Il-livell mixtieq għandu jintlaħaq sa meta s-Serbja ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Nazzjonali tas-Serbja jidħol fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE u banek ċentrali nazzjonali msieħba fis-SEBĊ identifikaw 69 rakkomandazzjoni li l-Bank Nazzjonali tas-Serbja beda jimplimenta.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), Česká narodní banka, Danmarks Nationalbank, Deutsche Bundesbank, Eesti Pank, Bank of Greece, Banque de France, Banca d’Italia, Central Bank of Cyprus, Latvijas Banka, Magyar Nemzeti Bank, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Narodowy Bank Polski, Banca Naţională a României u Bank of England.

Kooperazzjoni mal-Bank of Russia (2008-2011)

Bejn l-1 ta' April 2008 u l-31 ta' Marzu 2011 il-BĊE u tmien banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema għenu lill-bank ċentrali tal-Federazzjoni Russa (Bank of Russia) fl-oqsma tas-superviżjoni bankarja u l-verifika interna. L-għan ġenerali tal-komponent tas-superviżjoni bankarja tal-programm kien li jgħin lill-Bank of Russia jżomm l-istabbiltà tas-sistema bankarja Russa. L-għan kien li jiġu modernizzati r-regoli, il-politika u l-prattika fil-qasam tas-superviżjoni bankarja biex isiru konformi mal-prinċipji aċċettati fil-livell internazzjonali stabbiliti mill-Kumitat ta' Basel għas-Superviżjoni Bankarja (il-Qafas Basel II) wara l-esperjenza tal-implimentazzjoni ta' dan il-Qafas fl-Unjoni Ewropea. Il-komponent tal-verifika interna tal-programm kellu l-għan li jgħin l-isforzi tal-Bank of Russia biex itejjeb il-funzjoni tal-verifika interna li tqis ir-riskji permezz ta' taħriġ u konsultazzjoni ma' esperti tal-Eurosistema fl-aqwa prattika tal-verifika interna li tqis ir-riskji fl-Eurosistema b'mod ġenerali kif ukoll b'referenza speċifika għall-verifika interna tal-ġestjoni tar-riżervi tal-kambju u l-użu tal-istrumenti u s-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Bank of Greece, Banco de España, Banque de France, Banca d’Italia, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank u Suomen Pankki – Finlands Bank.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina (2007)

Bejn l-1 ta' Marzu u l-31 ta' Awwissu 2007 il-BĊE u tmien banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għenu lill-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina billi identifikaw is-suġġetti speċifiċi li fihom il-bank kellu jagħmel progress biex jilħaq livell kompatibbli ma' dak tal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f'seba' oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali (koordinazzjoni tas-superviżjoni bankarja, analiżi ekonomika u riċerka, stabbiltà finanzjarja, verifika interna, politika monetarja implimentata skont arranġament wiesa' dwar il-munita, sistemi ta' pagament u statistika). Il-livell mixtieq għandu jintlaħaq sa meta l-Bosnja-Ħerzegovina ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina jidħol fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE u banek ċentrali nazzjonali msieħba fis-SEBĊ identifikaw 71 rakkomandazzjoni li l-Bank Ċentrali tal-Bosnja-Ħerzegovina beda jimplimenta.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Eesti Pank, Bank of Greece, Banco de España, Banque de France, Banca d’Italia, Oesterreichische Nationalbank u Banka Slovenije.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Eġittu (2005-2007)

Bejn l-1 ta' Diċembru 2005 u t-30 ta' Novembru 2007 il-BĊE u erba' banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema għenu lill-Bank Ċentrali tal-Eġittu fir-reviżjoni ġenerali tal-proċeduri amministrattivi u operattivi tiegħu fis-superviżjoni bankarja bil-għan li l-bank jimxi lejn orjentament li jqis ir-riskji. Saret ħidma f'sitt oqsma: sorveljanza kontinwa, spezzjonijiet, analiżi makroprudenzjali, regolamentazzjoni u ssettjar ta' standards, metodoloġija u teknoloġija tal-informatika u kurrikulu ta' taħriġ għas-superviżuri bankarji. Fi żmien sentejn saru aktar minn 70 avveniment, fosthom missjonijiet ta' esperti, żjarat ta' studju, korsijiet ta' taħriġ u konsultazzjonijiet oħra.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Bank of Greece, Banque de France u Banca d’Italia.

Kooperazzjoni mal-Bank of Russia (2003-2005)

Bejn l-1 ta' Novembru 2003 u l-31 ta' Ottubru 2005 il-BĊE u disa' banek ċentrali nazzjonali flimkien ma' tliet aġenziji superviżorji tal-Unjoni Ewropea li mhumiex banek ċentrali għenu lill-bank ċentrali tal-Federazzjoni Russa (Bank of Russia) fl-isforzi tiegħu biex jimplimenta metodoloġija ta' superviżjoni bankarja li tqis ir-riskji. Il-programm kien jiġbor fih it-taħriġ ta' 1,000 membru tal-istaff ta' sorveljanza li kienu jaħdmu fil-fergħat reġjonali tal-Bank of Russia u li tħarrġu fil-prattika superviżorja tal-Unjoni Ewropea li tqis ir-riskji. Għal dan il-għan saru 64 kors ta' taħriġ u erba' seminars ta' livell għoli fir-Russja u membri tal-istaff mill-Bank of Russia żaru superviżuri bankarji fl-Unjoni Ewropea. Tħejja ktejjeb bl-isem Banking supervision – European experience and Russian practice (Superviżjoni bankarja – l-esperjenza Ewropea u l-prattika Russa) kemm bl-Ingliż kif ukoll bir-Russu biex il-membri tal-istaff tal-Bank of Russia setgħu jistudjaw għal rashom.

Il-banek ċentrali nazzjonali li għenu kienu: Deutsche Bundesbank, Central Bank of Ireland, Banco de España, Banque de France, Banca d’Italia, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banco de Portugal u Suomen Pankki – Finlands Bank.

L-aġenziji superviżorji li mhumiex banek ċentrali kienu: Rahoitustarkastus/Finansinspektionen, Finansinspektionen u l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji.

Programmi fis-seħħ

Kooperazzjoni mal-banek ċentrali tal-Balkani tal-Punent (2014-15)

Fid-19 ta' Diċembru 2013 il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw ftehim dwar programm ta' kooperazzjoni teknika ta' 18-il xahar (Jannar 2014 – Ġunju 2015) mal-banek ċentrali ta' pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li huma kandidati u kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Il-programm li huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għandu s-sostenn tal-BĊE flimkien ma' 11-il bank ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Il-programm jiġbor fih analiżi ta' sitt xhur tax-xogħol tal-Bank of Albania fi 13-il qasam (stabbiltà finanzjarja, teknoloġija tal-informatika, verifika interna, superviżjoni bankarja, sistemi ta' pagament, karti tal-flus u l-ħruġ tagħhom, komunikazzjoni, integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea, riżorsi umani, servizzi legali, kontabilità u rappurtar finanzjarju, analiżi u operazzjonijiet tal-politika monetarja, u statistika) kif ukoll analiżi ta' sitt xhur tax-xogħol tal-bank ċentrali tal-Kosovo (skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/99) f'seba' oqsma (stabbiltà finanzjarja, teknoloġija tal-informatika, verifika interna, superviżjoni bankarja, sistemi ta' pagament, integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea u amministrazzjoni). L-għan ta' din il-kooperazzjoni huwa li jiġu identifikati l-oqsma li fihom iż-żewġ banek ċentrali jeħtiġilhom jagħmlu progress sabiex jilħqu livell kompatibbli ma' dak tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Barra dan, il-programm jiġbor fih ukoll komponent tat-tħejjija ta' proġett mal-bank nazzjonali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u possibilment ma' banek ċentrali oħra fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jgħinu huma: Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), Česká národní banka, Deutsche Bundesbank, Banque de France, Banca d’Italia, Bank Ċentrali ta' Malta, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banco de Portugal, Banka Slovenije u Národná banka Slovenska.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Montenegro (2014-15)

Fis-26 ta' Awwissu 2014 il-Bank Ċentrali Ewropew u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro ffirmaw ftehim dwar programm ta' kooperazzjoni teknika ta' seba' xhur (Settembru 2014 – Marzu 2015) mal-Bank Ċentrali tal-Montenegro. Il-programm li huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għandu s-sostenn tal-BĊE flimkien ma' għaxar banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Il-programm jiġbor fih analiżi tax-xogħol tal-Bank Ċentrali tal-Montenegro f'sitt oqsma (kontabilità, integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, operazzjonijiet finanzjarji u bankarji, stabbiltà finanzjarja, riskju tal-operat u kontinwità tan-negozju, u statistika). L-għan ta' din il-kooperazzjoni huwa li jiġu identifikati l-oqsma li fihom il-Bank Ċentrali tal-Montenegro jeħtieġlu jagħmel progress biex jilħaq livell kompatibbli ma' dak tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jgħinu huma: Deutsche Bundesbank, Eesti Pank, Bank of Greece, Banque de France, Banca d'Italia, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banco de Portugal, Banka Slovenije u Národná banka Slovenska.

Kooperazzjoni mal-Bank Popolari taċ-Ċina (2008-2015)

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Popolari taċ-Ċina f'Settembru 2008 iffirmaw Memorandum ta' Ftehim li jistabbilixxi s-sisien għal titjib fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'diversi oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-esperti kif ukoll is-sekondar ta' membri tal-istaff. Matul is-snin din il-kooperazzjoni kopriet firxa ta' oqsma marbutin mal-attivitajiet ta' bank ċentrali. Il-Memorandum ta' Ftehim oriġinarjament kien validu għal tliet snin iżda fl-2011 ittawwal bi tliet snin oħra. Il-Memorandum iffirmat fl-2008 ħa post verżjoni preċedenti li kienet ġiet iffirmata f'Settembru 2002.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija (2012-2015)

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija f'Lulju 2012 iffirmaw Memorandum ta' Ftehim li jistabbilixxi s-sisien għal titjib fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'diversi oqsma tal-attivitajiet ta' bank ċentrali, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-esperti u s-sekondar ta' membri tal-istaff. Din il-kooperazzjoni ffukat inizjalment fuq ir-riċerka u l-politika monetarja, il-komunikazzjoni, ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-istabbiltà finanzjarja. Il-Memorandum għandu jiġi rivedut wara tliet snin.

Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Federazzjoni Russa (2012-2015)

F'Ottubru 2012 il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ċentrali tal-Federazzjoni Russa (Bank of Russia) issuktaw bil-kooperazzjoni tagħhom billi ż-żewġ istituzzjonijiet iffirmaw Memorandum ta' Ftehim li jiffoka inizjalment fuq il-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni bankarja. Il-Memorandum u l-oqsma ta' kooperazzjoni għandhom jiġu riveduti wara tliet snin. Il-BĊE qiegħed jimplimenta l-programm flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Il-programm se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni soda li ssawret bil-programmi ta' qabel tal-2003-2005 u l-2008-2011.

Il-banek ċentrali nazzjonali li qegħdin jgħinu huma: Deutsche Bundesbank, Banque de France, Banca d’Italia, De Nederlandsche Bank u Oesterreichische Nationalbank.