Sostenibbiltà

Sostenibbiltà fil-kostruzzjoni

Faċċata tal-ħġieġ

© Robert Metsch

Is-sostenibbiltà fil-kostruzzjoni tqis mhux biss kwistjonijiet ambjentali, effiċjenza teknika u ħtiġijiet funzjonali, iżda wkoll ir-riġenerazzjoni urbana u l-aspetti soċjali.

Proċess ta' disinn integrat

Fl-2002, fi ħdan il-qafas tal-kompetizzjoni internazzjonali għall-ippjanar urban u d-disinn arkitettoniku għall-bini l-ġdid tiegħu, il-BĊE ddefinixxa l-programm funzjonali u spazjali, u stabbilixxa targits speċifiċi għall-konsum tal-enerġija. Spjega wkoll il-kondizzjoni tas-sit u l-ispazju ta' madwaru.

Wieħed mill-messaġġi ewlenin li ngħata lill-periti parteċipanti fil-kompetizzjoni tad-disinn kien dwar ix-xewqa għal disinn integrat. Dan ifisser li mill-bidu nett il-perit jaħdem flimkien ma' inġinier strutturali u ma' disinjatur tal-enerġija u l-klima biex tintlaħaq l-ogħla effiċjenza fl-enerġija u s-sostenibbiltà tal-bini. Għalhekk, il-kunċett għall-bini l-ġdid tal-BĊE kellu jiġi bbażat fuq il-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-aqwa effiċjenza fid-disinn tal-bini, waqt li jitqiesu l-aspetti ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali li kellhom jiġu eżaminati fil-konfront tal-ispejjeż futuri għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-konsum tal-enerġija. Waqt din il-kompetizzjoni u tul l-istadji kollha tal-proċedura ta' valutazzjoni, l-effiċjenza tal-enerġija fid-disinn u l-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà kienu motivi importanti.

Riġenerazzjoni urbana

Wieħed mill-elementi tas-sostenibbiltà hu dak tar-riġenerazzjoni urbana. F'dan ir-rigward, l-ispazju ta' madwar il-Grossmarkthalle li fil-biċċa l-kbira hu ċċangjat, u fejn it-trakkijiet kienu jipparkjaw biex iħottu, se jinbidel fi spazju kbir, aħdar, spazju ta' pajsaġġ. Flimkien ma' ġonna oħra fl-inħawi ta' madwaru - bħalma huma l-GrünGürtel (il-faxxa ħadra madwar Frankfurt) u l-Mainuferpark (żona ta' ġonna tul ix-xtut tax-xmara Main), kif ukoll il-Hafenpark li jinsab qrib (ġnien ġdid ibbażat fuq it-tema tal-“isport u l-eżerċizzju”) u l-Ostpark (il-ġnien fid-distrett Ostend ta' Frankfurt) – se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' "pulmun ekoloġiku" għall-Belt ta' Frankfurt.

Riċiklaġġ

Fis-sajf tal-2008, saru xogħolijiet ta' kostruzzjoni fis-sit biex iħejju għax-xogħol ewlieni tal-kostruzzjoni. Dawn ix-xogħolijiet bdew bit-tneħħija tal-ħamrija, li kellha tiġi analizzata qabel ma tinġarr biex titwarrab bl-aħjar mod li jirrispetta l-ambjent. Imbagħad tħattew, briksa wara l-oħra, iż-żewġ binjiet annessi mal-Grossmarkthalle (żewġ blokki ta' appartamenti ta' erba' sulari l-wieħed), biex kull briksa setgħet titnaddaf individwalment u tinħażen ħalli tintuża fil-futur fit-tiswija tal-partijiet miksura tal-faċċata tal-Grossmarkthalle.

Il-linji tal-ferrovija fis-sit tal-Grossmarkthalle, li ma kienux baqgħu jintużaw, tneħħew bil-galbu. Il-biċċa l-kbira mbagħad intbagħtu lill-Härtsfeld-Museumsbahn (soċjetà tal-ferroviji f'Baden-Württemberg, il-Ġermanja), li issa tuża l-linji għal ħarġiet bit-trens li jaħdmu bl-istim fix-xhur tas-sajf.

Sostenibbiltà u użu mill-ġdid

L-użu mill-ġdid u l-konverżjoni ta' dak li qabel kien il-Grossmarkthalle biex jifforma parti integrali mill-bini l-ġdid tal-BĊE, se jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà tad-disinn ġenerali tal-bini. Meta xtara s-sit, il-BĊE qabel li jżomm id-dehra fundamentali tal-Grossmarkthalle kif kienet. Biex jiġi żgurat li l-Grossmarkthalle jiġi rinnovat b'mod xieraq, il-BĊE ħadem mill-qrib mal-awtoritajiet lokali kollha, b'mod partikolari mal-awtoritajiet għall-preżervazzjoni storika u l-awtoritajiet għall-konservazzjoni tal-enerġija tal-Belt ta' Frankfurt am Main u tar-Reġjun ta' Hesse. Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, kien posssibbli, per eżempju, li jiġu ddisinjati t-twieqi li kellhom jissostitwixxu t-twieqi li kien hemm qabel; dawn jixbħu ħafna t-twieqi oriġinali, skond ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet għall-preżervazzjoni storika.