L-inħawi

Faxxa ħadra

Pjan għall-għeluq tal-aħħar parti miftuħa fil-GrünGürtel (faxxa ħadra) ta' Frankfurt

Pjan għall-għeluq tal-aħħar parti miftuħa fil-GrünGürtel (faxxa ħadra) ta' Frankfurt

© Bank Ċentrali Ewropew

Is-sit tal-kwartieri l-ġodda tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu żewġ spazji ħodor tal-belt fid-distrett tal-Ostend fi Frankfurt: il-Mainuferpark (żona ta' ġonna pubbliċi tul ix-xtut tax-xmara Main) u l-GrünGürtel (il-faxxa ħadra tal-belt). Fil-futur, il-parti tal-GrünGürtel li għadha miftuħa bejn l-Ostpark u l-Mainufer (il-moll tax-xmara) se tingħalaq.

Il-Hafenpark

Disinn temporanju tal-moll tul ir-Ruhrorter Werft

Disinn temporanju tal-moll tul ir-Ruhrorter Werft

© Robert Metsch

Il-ħsieb hu li jiġi estiż il-Mainuferpark tul il-Hochkai (il-moll ta' fuq) tar-Ruhrorter Werft direttament ġewwa l-Hafenpark sal-Honsellbrücke, pont li fuqu tgħaddi t-triq. Il-Belt ta' Frankfurt se torganizza konkors għad-disinn tal-pajsaġġ tal-Hafenpark.

Sport u eżerċizzju

L-għan tal-konkors tal-Hafenpark hu disinn tal-pajsaġġ taż-żona li jqis l-ambjent post-industrijali u jgħaqqad flimkien id-diversi użi tiegħu b'mod modern. Per eżempju, il-ġnien pubbliku għandu jiffoka fuq it-tema ta' "sport u eżerċizzju" billi joffri faċilitajiet għal għadd kbir ta' gruppi ta' utenti li m'huma msieħba f'ebda klabb. Bħala prinċipju, il-Hafenpark għandu jipprovdi spazju aħdar fejn in-nies kollha li joqgħodu u jaħdmu fid-distrett ikunu jistgħu jistrieħu u jqattgħu il-ħin liberu tagħhom.

Ħwienet tal-kafè fuq ir-Ruhrorter Werft

Fl-2011, fir-Ruhrorter Werft, xi 250 metru 'l bogħod mix-xifer tal-punent tal-Hafenpark, se jibda jopera kumpless ta' ħwienet tal-kafè, li jkunu miftuħin is-sena kollha. Dan il-bini ġdid se jiġi kombinat mas-settijiet ta' krejns li huma elenkati fil-lista tal-Wirt Kulturali u li jfakkru fil-ħila industrijali tal-imgħoddi taż-żona tal-baċiri. Din il-fużjoni se tingħata enfasi speċifika billi fl-istruttura tal-bini, fuq ir-runway tal-krejns, se tiġi integrata pjattaforma minn fejn il-pubbliku jkun jista' jammira l-veduta.