Martin Elsaesser

Il-perit li ppjana l-Grossmarkthalle

Martin Elsaesser

Martin Elsaesser

© Martin-Elsaesser-Stiftung

Il-Grossmarkthalle ġie ddisinjat minn Martin Elsaesser meta kien Stadtbaudirektor ((Direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar) tal-Belt ta' Frankfurt am Main. Il-Grossmarkthalle, mibni bejn l-1926 u l-1928, hu x'aktarx l-iżjed importanti fost il-bini kollu li ppjana. Dan kien mhux biss l-ikbar kumpless ta' bini tal-belt, iżda wkoll l-ikbar struttura ta' konkrit rinfurzat bla pilastri fid-dinja. Fiż-żmien meta Ludwig Landmann kien is-sindku, Frankfurt żviluppat f'metropoli. Fl-1925 ħatar lil Elsaesser bħala Stadtbaudirektor ta' Frankfurt. Elsaesser kien responsabbli għal ħafna bini pubbliku, bħal per eżempju l-iskola Pestalozzi f'Seckbach, l-iskola primarja Römerstadt, il-klinika psikjatrika f'Niederrad u l-pixxina ta' ġewwa f'Fechenheim. Madankollu, ebda bini ieħor ma kien iżjed simboliku tal-evoluzzjoni ta' Frankfurt mill-Grossmarkthalle.

Bijografija

Studji akkademiċi u l-bidu tal-karriera

Martin Elsaesser

Martin Elsaesser

© Martin-Elsaesser-Stiftung

Martin Elsaesser twieled f'Tübingen fl-1884. Mill-1901 sal-1906 studja l-arkitettura fl-Università Teknika ta' Munich taħt Friedrich von Thiersch, u fl-Università Teknika ta' Stuttgart taħt Theodor Fischer. Fl-1905 rebaħ il-konkors għad-disinn ta' waħda mill-knejjes Luterani f'Baden-Baden u beda l-ħidma tiegħu bħala perit. Bejn l-1906 u l-1908 ħadem bħala assistent ta' Theodor Fischer fi Munich, u mill-1911 sal-1913 bħala assistent tal-Professur Paul Bonatz fl-Università Teknika ta' Stuttgart, fejn kellu l-katedra tad-disinn tal-bini, arkitettura medjevali u tipi ta' bini, mill-1912 sal-1920.

Quċċata tal-karriera

Großmarkthalle fis-snin 30

Großmarkthalle fis-snin 30

© Institut für Stadtgeschichte

Bejn l-1920 u l-1925 Elsaesser kien id-Direttur Prinċipali tal-Iskola tal-Arti u Snajja f'Cologne, li iżjed tard saret magħrufa bħala l-Kölner Werkschulen (Skejjel tas-Snajja ta' Cologne). Fl-1925 inħatar bħala Stadtbaudirektor ta' Frankfurt am Main mis-Sindku Ludwig Landmann.


Il-Ġermanja Nazzjonal-Soċjalista

Elsaesser baqa' fil-pożizzjoni ta' Stadtbaudirektor sal-1932, meta mbagħad mar Munich fejn baqa' jaħdem bħala perit. Mill-1937 sal-1945 kien joqgħod f'Berlin. Fil-Ġermanja Nazzjonal-Soċjalista ma ngħata ebda xogħol ta' ppjanar, iżda rnexxielu jaħdem fuq diversi proġetti fit-Turkija, inkluż il-bini tal-kwartieri tas-Sümerbank f'Ankara.

Is-snin ta' wara l-gwerra

Fl-1945 telaq minn Berlin u reġa' mar Stuttgart, bit-tama li jingħata xogħolijiet ta' rikostruzzjoni. Madankollu, għalkemm Elsaesser ippubblika għadd ta' testi importanti dwar l-ippjanar urban, xorta ma rnexxilux jikseb xogħol ta' ppjanar. Għalhekk, fl-1948 aċċetta pożizzjoni temporanja bħala Professur tad-Disinn fl-Università Teknika ta' Munich, li żamm sa meta rtira fl-1955.

Martin Elsaesser miet fi Stuttgart fl-1957.