It-torrijiet

Tqegħid tas-sisien għat-torrijiet tal-uffiċċji

Matul l-2010 sar xogħol ta' tħaffir għall-pedamenti tal-Grossmarkthalle u tqiegħdet is-sodda tal-konkos għaż-żewġ torrijiet tal-uffiċċji. Il-parkeġġ għall-istaff inbena taħt l-art u jmiss man-naħa tal-punent tat-torrijiet.

Is-sodda tal-konkos tat-torrijiet għandha fond ta' tliet metri bejn wieħed u ieħor. Madwar 4,200 tunnellata ta’ vireg tal-azzar intużaw għar-rinforz tal-konkos. Il-forma tas-sodda tal-konkos kellha tinħadem biċċa biċċa u f'kull sezzjoni kellu jitferra' l-konkos bla waqfien.

Il-bini tas-sulari ta' taħt l-art

Fix-xitwa tal-2010/2011 inbnew żewġ sulari taħt l-art tat-torrijiet flimkien ma' parkeġġ awtonomu għall-istaff li jinsab fuq in-naħa tal-punent tat-torrijiet u jesa' madwar 600 karozza fuq żewġ livelli.

Is-sulari jkomplu tilgħin

Sa minn Lulju 2011 il-qafas strutturali tat-torrijiet beda jogħla 'l fuq sew mill-Grossmarkthalle. Iż-żewġ torrijiet tal-uffiċċji tilgħin bl-istess rata ta' sular fil-ġimgħa għalkemm, minħabba li mhumiex se jkunu ndaqs, torri minnhom diġà jidher ogħla mill-ieħor. In-naħa ta' fuq tal-qafas strutturali hija mdawra b'qafas isfar li jservi ta' lqugħ biex minkejja dak il-għoli, ix-xogħol ta' kostruzzjoni jkompli għaddej fil-maltemp u fl-irjieħ qawwija waqt li s-sikurezza tal-ħaddiema ma tkunx fil-periklu. L-iskeletru tal-konkos tat-torrijiet flimkien mal-installazzjonijiet tekniċi u x-xaftijiet tal-liftijiet qegħdin jinbnew bl-għajnuna ta' pjattaforma mobbli waqt li s-sulari tilgħin bl-użu tal-armar tas-soqfa. L-iskeletri tal-konkos qegħdin jittellgħu minn sular sa tlieta qabel il-bqija tal-bini.

Installazzjoni tal-ewwel pjattaforma ta' aċċess

F'Novembru 2011 fl-atriju ta' bejn iż-żewġ torrijiet tqiegħed l-ewwel wieħed minn 14-il pilastru tal-azzar. Dawn il-pilastri tal-azzar, u l-pjattaformi li jservu biex tgħaddi minn torri għall-ieħor, jirfdu ż-żewġ torrijiet flimkien. Huma marbutin permezz ta' pjanċi kbar tal-azzar li bdew jitwaħħlu f'Lulju 2011. Il-pilastri tal-azzar jinġiebu fis-sit tal-kostruzzjoni biċċa biċċa u jitpoġġew fl-atriju. Il-biċċiet jiġu wweldjati flimkien biex kull pilastru jkun kompost minn żewġ nofsijiet.