Il-Grossmarkthalle

L-art tal-Grossmarkthalle

Il-Grossmarkthalle se jilqa' fih ċentru għall-viżitaturi, restorant għall-membri tal-istaff, kafetterija u swali tal-konferenzi. Dawn il-postijiet se jiġu integrati fis-sala ewlenija b'sistema ta' struttura f'oħra. L-art oriġinali tas-snin 1920 tas-sala ewlenija u s-sottostruttura tagħha mhumiex b’saħħithom biżżejjed biex jifilħu t-toqol tal-elementi l-ġodda tal-bini, u b’hekk se jkun meħtieġ qafas strutturali ġdid. Għandu jinbena wkoll sular ġdid impermeabbli taħt l-art li fih se jkun hemm l-arkivji u l-kmamar tekniċi.

Fis-sajf tal-2010 l-ħaddiema waqqgħu s-saqaf u l-kolonni tal-konkos rinfurzat għamla ta' faqqiegħ. Dawn ix-xogħlijiet ma affettwawx l-istruttura tal-Grossmarkthalle billi l-kolonni djagonali li jżommu s-soqfa jistrieħu fuq sisien separati li jibqgħu niżlin sa taħt l-art.

Ix-xogħol tat-tqegħid tal-puntali tal-pedament għall-elementi l-ġodda tal-bini u t-tħaffir għal madwar 3,500 metru ta’ konkos li jirfed is-sisien tal-kolonni eżistenti tlestew fl-2010.

Xogħol ta’ twaqqigħ għall-bini tad-daħla

Il-bini tad-daħla għandu l-għan li joħloq rabta funzjonali u viżiva bejn il-Grossmarkthalle u t-torrijiet tal-uffiċċji. Il-bini se jaqsam mill-Grossmarkthalle biex joħloq daħla li tolqot l-għajn fuq in-naħa tat-tramuntana tas-sit f'Sonnemannstrasse. Fih se jkun hemm ukoll post fejn isiru l-laqgħat mal-istampa.

Biex ikun jista’ jsir il-bini tad-daħla, f’Awwissu 2010 twaqqgħu tliet partijiet tas-saqaf bi qbil mal-awtoritajiet għall-konservazzjoni storika. It-tliet soqfa tal-konkos li twaqqgħu kienu dawk li ġarrbu ħsara waqt l-attakki mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija u li wara reġgħu nbnew fis-snin 1950.

Dawn is-soqfa twaqqgħu mill-ħaddiema skont pjan maħsub bir-reqqa. L-ewwel twaqqgħet il-faċċata u tħalla l-qafas strutturali tas-soqfa. Imbagħad twaqqgħu s-soqfa u fl-aħħar twaqqa’ wkoll il-qafas strutturali li kien magħmul minn appoġġi tal-konkos rinfurzat. Il-ħaddiema mxew bir-reqqa ma’ dan il-pjan biex ma ssirx ħsara lill-partijiet oriġinali tal-bini.

Restawr tal-Grossmarkthalle

Ir-restawr tal-Grossmarkthalle, li nbena bejn l-1926 u l-1928 fuq pjanta tal-Professur Martin Elsaesser, huwa wieħed mill-aspetti importanti tax-xogħol ta’ kostruzzjoni. Id-dehra bażika tal-bini se tinżamm u l-faċċati u l-qoxra ta' barra se jiġu restawrati skont il-proċedura ta' konservazzjoni. Fl-2010 nqalgħu madwar 7,000 metru ta' fili mimduda u 32,500 fil wieqaf mill-bini tal-ġenb u reġgħu tkaħħlu mill-ġdid. Barra dan, issewwew madwar 14,000 difett fil-konkos.

Xogħol fuq is-sisien tal-bini tad-daħla

Is-sodda tal-konkos tal-bini tad-daħla, li diġà tidher mill-fetħa fis-sala ewlenija, issa tindika l-pożizzjoni tal-bini tad-daħla u l-allinjament tiegħu fid-direzzjoni ta' Sonnemannstrasse.

Qafas strutturali għall-elementi tal-bini bl-istil "struttura f'oħra"

S'issa tlestew is-sular il-ġdid ta' taħt l-art, is-sular t'isfel, kif ukoll l-ewwel ftit sulari tal-elementi tal-bini bl-istil "struttura f'oħra" waqt li l-kaxxa wiesgħa tat-taraġ li twassal għas-swali tal-konferenzi diġà toffri l-ewwel ħjiel tad-dimensjonijiet u l-kobor tal-bini l-ġdid minn ġewwa meta jitqabblu ma' dawk tas-sala ewlenija.

Restawr tas-soqfa

Is-soqfa kienu nbnew bil-proċess Torkret li għal dak iż-żmien kien l-aktar wieħed modern u din hija waħda mir-raġunijiet li wasslet biex fl-1972 il-Grossmarkthalle jsir bini skedat. Is-soqfa qegħdin jiġu restawrati u minkejja l-biża' li kien hemm fil-bidu, instab li l-kwalità tax-xogħol hija tajba ħafna. Qiegħed jitneħħa l-kisi tal-bejt li kien sar biex jilqa' għall-ilma u se jitpoġġa saff ġdid ta' insulazzjoni, waqt li s-saff tal-konkos min-naħa ta' ġewwa qiegħed jiġi restawrat.

Restawr tal-faċċata tal-bini fuq ix-xaqliba tal-lvant

Il-faċċata tal-brikks tal-bini fuq ix-xaqliba tal-lvant ilha għaddejja minn proċess ta' restawr sa mir-rebbiegħa tal-2010. Kellu jitneħħa t-tikħil mill-fili kollha u jinbidel mill-ġdid. Il-profil tal-faċċata fuq il-fil huwa wieħed mill-karatteristiċi speċjali tal-Grossmarkthalle. Skont id-disinn tal-perit Martin Elsaesser li dak iż-żmien kien id-Direttur tal-Ippjanar għall-Belt ta' Frankfurt am Main, il-fili l-mimduda kellu jkollhom ħxuna ta' żewġ ċentimetri u nofs, usa' sew miċ-ċentimetru tal-fili l-wieqfa. B'hekk kellha tispikka l-pożizzjoni mimduda tal-filati tal-brikks. Din l-enfasi artistika fuq l-orizzontalità kompliet toħroġ bid-differenza fil-kulur tal-fili: il-mimduda tkaħħlu b'siment ċar waqt li l-wieqfa tkaħħlu b'siment aktar skur. L-għan tar-restawr bir-reqqa tal-fili huwa li terġa' tinħoloq din il-karatteristika oriġinali tal-faċċata.