Dikjarazzjoni tal-għanijiet

Il-missjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali flimkien jikkostitwixxu l-Eurosistema, is-sistema ta' banek ċentrali taż-żona tal-euro. L-għan ewlieni tal-Eurosistema huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet billi tissalvagwarda l-valur tal-euro.

Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri parteċipanti li mhumiex fiż-żona tal-euro, fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li jiġbor fih ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’hekk jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-saħħa tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u f’kull Stat Membru parteċipanti.

Aħna fil-Bank Ċentrali Ewropew nimpenjaw ruħna biex inwettqu l-kompiti kollha tagħna b’mod effikaċi. B’hekk inkunu qegħdin nagħmlu ħilitna biex nilħqu l-ogħla livell ta’ integrità, kompetenza, effiċjenza u responsabbiltà. Aħna nirrispettaw is-separazzjoni bejn il-kompiti tagħna tal-politika monetarja u dawk superviżorji. Meta nwettqu l-kompiti tagħna aħna nkunu trasparenti filwaqt li nosservaw għalkollox ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

 

Il-missjoni tal-Eurosistema

L-Eurosistema, li hija magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom, hija l-awtorità monetarja taż-żona tal-euro. Aħna fl-Eurosistema għandna bħala għan ewlieni ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet għall-ġid komuni. Meta naġixxu wkoll bħala awtorità finanzjarja ewlenija, l-għan tagħna jkun li nissalvagwardaw l-istabbiltà finanzjarja u nħeġġu l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea.

Sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna, nagħtu importanza kbira lill-kredibbiltà, il-fiduċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Naħdmu biex ikollna komunikazzjoni effikaċi maċ-ċittadini tal-Ewropa. Nimpenjaw ruħna biex immexxu r-relazzjonijiet tagħna mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali bi qbil sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u b’rispett xieraq għall-prinċipju tal-indipendenza.

Flimkien nikkontribwixxu f’livell strateġiku u operattiv biex nilħqu l-għanijiet komuni tagħna, b’rispett xieraq għall-prinċipju tad-deċentralizzazzjoni. Nimpenjaw ruħna biex ikollna governanza tajba u biex inwettqu l-kompiti tagħna b’mod effikaċi u effiċjenti fi spirtu ta’ kooperazzjoni u ħidma flimkien. Bl-esperjenza wiesgħa u profonda li għandna kif ukoll bl-iskambju tal-kompetenzi, aħna naħdmu biex insaħħu l-identità komuni tagħna, nitkellmu b’leħen wieħed u nisfruttaw is-sinerġiji fi ħdan qafas ta’ rwoli u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar għall-membri kollha tal-Eurosistema.

 

L-għanijiet strateġiċi tal-Eurosistema u tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Awtorità rikonoxxuta f’affarijiet monetarji u finanzjarji

Filwaqt li ssaħħaħ il-bażi kostituzzjonali soda, l-indipendenza u l-koeżjoni interna tagħha, l-Eurosistema, li hija s-sistema ta’ banek ċentrali taż-żona tal-euro, taġixxi bħala l-awtorità monetarja taż-żona tal-euro u bħala awtorità finanzjarja ewlenija rikonoxxuta bis-sħiħ fl-Ewropa u ’l barra minnha. Biex tilħaq l-għan ewlieni tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema se twettaq l-analiżi ekonomika u monetarja meħtieġa u tadotta u timplimenta l-politika xierqa. Hija se twieġeb ukoll b’mod xieraq u effikaċi għall-iżviluppi monetarji u finanzjarji.

Stabbiltà finanzjarja u integrazzjoni finanzjarja Ewropea

Fl-Eurosistema u fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), l-għan tagħna huwa li nissalvagwardaw l-istabbiltà finanzjarja u nħeġġu l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea b’kooperazzjoni mal-istrutturi istituzzjonali stabbiliti. Għalhekk se nagħtu l-kontribut tagħna għal politika li tipprovdi struttura Ewropea u dinjija b’saħħitha għall-istabbiltà finanzjarja.

Responsabbiltà, indipendenza, kredibbiltà; qrubija maċ-ċittadini tal-Ewropa

Fl-Eurosistema u fi ħdan il-MSU, aħna nagħtu importanza kbira lill-kredibbiltà u r-responsabbiltà u se nkunu trasparenti filwaqt li nosservaw għalkollox ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli. Naħdmu biex ikollna komunikazzjoni effikaċi maċ-ċittadini tal-Ewropa. Aħna nimpenjaw ruħna li jkollna relazzjonijiet mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali bi qbil sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u b’rispett xieraq għall-prinċipju tal-indipendenza. Għalhekk se nżommu ruħna aġġornati mat-tibdil u l-iżviluppi li jolqtu s-swieq monetarji u finanzjarji u se nkunu sensittivi għall-interessi tal-pubbliku u l-ħtiġijiet tas-swieq.

Identità komuni, rwoli u responsabbiltajiet ċari u governanza tajba

Fl-Eurosistema u l-MSU, l-għan tagħna huwa li nsaħħu l-identitajiet komuni tagħna fi ħdan qafas ta’ rwoli u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar għall-parteċipanti kollha. Għalhekk kemm l-Eurosistema kif ukoll il-MSU se jsaħħu l-involviment potenzjali u profond tal-membri kollha tagħhom, kif ukoll l-impenn u r-rieda tagħhom biex jaslu għal qbil. Barra dan, l-Eurosistema u l-MSU jħaddnu l-ideal ta’ governanza tajba u japplikaw strutturi organizzattivi u metodi ta’ ħidma effettivi u effiċjenti.

L-aqwa prattika fis-superviżjoni bankarja; l-istess trattament u l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd

Aħna fil-MSU se nkejlu l-qafas superviżorju tagħna mal-ogħla standards internazzjonali. Se ngħaqqdu l-aħjar metodi nazzjonali biex nibnu qafas tal-aqwa prattika għas-superviżjoni bankarja fost l-Istati Membri parteċipanti filwaqt li nibbenefikaw minn dak li nosservaw fl-istituzzjonijiet kollha. Il-MSU se jiggarantixxi konformità mal-ġabra unika tar-regoli u mal-prinċipji u l-prattiki superviżorji applikabbli sabiex jiġu garantiti l-istess kundizzjonijiet u l-istess trattament għall-istituzzjonijiet kollha suġġetti għas-superviżjoni.

Metodu bbażat fuq ir-riskju u proporzjonalità; azzjoni superviżorja

Is-superviżjoni bankarja tal-MSU se tkun aġli u bbażata fuq ir-riskju, filwaqt li tinvolvi ġudizzju u evalwazzjoni kritika li tħares ’il quddiem. Se tqis kemm il-probabbiltà ta’ falliment ta’ istituzzjonijiet jew ta’ istituzzjoni kif ukoll l-impatt li dan il-falliment jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-prattiki superviżorji tal-MSU se jsegwu l-prinċipju tal-proporzjonalità filwaqt li jfasslu l-intensità tas-superviżjoni skont l-importanza sistemika u l-profil tar-riskju tal-banek suġġetti għas-superviżjoni. Il-metodu tal-MSU jrawwem azzjoni superviżorja effiċjenti u f’waqtha kif ukoll monitoraġġ bir-reqqa tar-reazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

 

Prinċipji organizzattivi għall-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Għall-Eurosistema, b’rispett xieraq lejn il-prinċipju ta’ bażi tad-deċentralizzazzjoni:  

Parteċipazzjoni

Il-membri kollha tal-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) se jikkontribwixxu f’livell strateġiku u operattiv għall-għanijiet tagħhom.

Kooperazzjoni

Il-membri kollha tal-Eurosistema u l-MSU se jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom fi spirtu ta’ kooperazzjoni u ħidma flimkien.

Trasparenza u responsabbiltà

Il-membri kollha tal-Eurosistema u l-MSU se jaġixxu b’mod trasparenti u jkunu responsabbli u jagħtu rendikont sħiħ għall-effikaċja tal-funzjonijiet kollha tagħhom.

Distinzjoni bejn l-attivitajiet Ewropej u nazzjonali

L-attivitajiet Ewropej li jitwettqu mill-banek ċentrali nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti se jkunu identifikati u distinti b’mod ċar minn dawk relatati mar-responsabbiltajiet nazzjonali.

Koeżjoni u għaqda

Filwaqt li tirrispetta l-istatus legali tal-membri tagħha, l-Eurosistema se taġixxi bħala entità koeżiva u magħquda u l-MSU bħala entità koeżiva u koordinata. It-tnejn se jaħdmu bħala tim u jitkellmu b’leħen wieħed, bil-għan li jkunu qrib iċ-ċittadini tal-Ewropa.

Skambju ta’ riżorsi

Il-membri tal-Eurosistema u l-MSU se jħeġġu l-iskambju ta’ persunal, kompetenza u esperjenza.

Effikaċja u effiċjenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-proċessi kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u deliberattivi kemm tal-Eurosistema kif ukoll tal-MSU se jfittxu l-effikaċja u l-effiċjenza. It-teħid ta’ deċiżjonijiet se jiffoka fuq l-analiżi u d-diskussjoni kif ukoll fuq l-espressjoni ta’ varjetà ta’ fehmiet.

Effiċjenza fl-infiq, kejl u metodoloġija

Il-membri tal-Eurosistema u l-MSU se jamministraw ir-riżorsi kollha b’mod prudenti u se jħeġġu soluzzjonijiet effettivi u effiċjenti fl-infiq fl-attivitajiet kollha tagħhom.
L-Eurosistema u l-MSU se jiżviluppaw sistemi ta’ kontroll u indikaturi tal-prestazzjoni biex ikejlu t-twettiq tal-funzjonijiet u l-allinjament mal-għanijiet tagħhom.
Se jkomplu jitfasslu u jintużaw metodi komparabbli għall-kalkoli u r-rappurtar tal-infiq.

Sfruttar ta’ sinerġiji u evitar ta’ duplikazzjonijiet

Fi ħdan l-Eurosistema u l-MSU se jiġu identifikati u sfruttati sinerġiji potenzjali u ekonomji ta’ skala sakemm ikunu fattibbli, filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ is-separazzjoni bejn il-kompiti tal-politika monetarja u dawk superviżorji.
Se jiġu evitati d-duplikazzjoni bla bżonn tax-xogħol u r-riżorsi kif ukoll il-koordinament żejjed u ineffiċjenti. Għalhekk se jiġu segwiti b’mod enerġetiku għażliet organizzattivi li jiggarantixxu l-effikaċja, l-effiċjenza u l-azzjoni f’waqtha, filwaqt li tiġi sfruttata l-esperjenza disponibbli bl-użu intensifikat tar-riżorsi eżistenti.
L-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet u l-attivitajiet ta’ sostenn tal-Eurosistema għandha titqies bl-istess kriterji filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspetti tas-sigurtà.