EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0011

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2016 dwar (a) proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u (b) proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (CON/2016/11)

OJ C 219, 17.6.2016, p. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 219/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Marzu 2016

dwar (a) proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u (b) proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

(CON/2016/11)

(2016/C 219/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-9 ta’ Diċembru 2015 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) rċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar (a) proposta (1) għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (iktar ‘il quddiem ir-“regolament tat-titolizzazzjoni propost”); u (b) proposta (2) għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (iktar ‘il quddiem l-“emenda CRR proposta”) (flimkien iktar ‘il quddiem ir-“regolamenti proposti”) (3).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi r-regolamenti proposti fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw: (a) il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat; (b) il-kompitu tas-SEBĊ li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, bis-saħħa tal-Artikolu 127(5) tat-Trattat; u (c) il-kompiti mogħtija lill-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-politiki fuq is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

1.   Għanijiet tar-regolamenti proposti

1.1

Il-BĊE jilqa’ l-għanijiet tar-regolamenti proposti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament u l-ħelsien tal-kapital għal self sod lill-ekonomija reali. L-iżvilupp ta’ sett komuni ta’ regoli sostantivi fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Unjoni għat-titolizzazzjonijiet kollha huwa pass sinjifikanti lejn armonizzazzjoni u konsistenza regolatorja. Il-BĊE jappoġġa wkoll l-istabbiliment ta’ kriterji għall-identifikazzjoni ta’ subsett ta’ titolizzazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) u jilqa’ l-emenda CCR proposta għall-aġġustament tal-allokazzjonijiet tal-kapital sabiex jiġi pprovdut trattament iktar sensittiv għar-riskju għat-titolizzazzjonijiet STS.

1.2

Il-BĊE jikkunsidra li r-regolamenti proposti joħolqu l-bilanċ ġust bejn il-bżonn biex jitqajjem is-suq tat-titolizzazzjoni Ewropew billi l-qafas tat-titolizzazzjoni isir iktar attraenti kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, u l-bżonn għaż-żamma tan-natura prudenzjali tal-qafas regolatorju. Il-BĊE jinnota li titolizzazzjonijiet Ewropej li għandhom karatterisitiċi bejn wieħed u ieħor simili għal dawk tat-titolizzazzjonijiet STS proposti sofrew minn livelli baxxi ta’ telf matul il-kriżi finanzjarja (4). Għaldaqstant, huwa xieraq għall-qafas regolatorju li ssir distinzjoni bejniethom u titolizzazzjonijiet iktar kumplessi, opaki u mfasslin apposta. Fil-fehma tal-BĊE, inġenerali, il-kriterji STS proposti huma fil-biċċa l-kbira xierqa u l-allokazzjonijiet ta’ kapital regolatorju iktar baxxi applikati fil-konfront tagħhom huma proporzjonati għall-profil ta’ riskju iktar baxx paragunabbli tagħhom. Il-BĊE jenfasizza madankollu li l-appoġġ tiegħu għat-trattament kapitali tat-titolizzazzjonijiet STS propost jistrieħ fuq l-eżistenza ta’ kriterji STS robusti, proċedura ta’ attestazzjoni xierqa u superviżjoni rigoruża. Għaldaqstant, ir-regolamenti proposti għandhom, fil-fehma tal-BĊE, jittejbu u jiġu ssimplifikati iktar, kif jidher iktar ‘l isfel u fl-anness tekniku anness mehmuż.

2.   Ir-rwol tal-BĊE fis-suq tat-titolizzazzjoni – politika monetarja u kunsiderazzjonijiet makroprudenzjali

2.1

Il-BĊE għandu interess qawwi fil-qawmien sostenibbli tas-suq ta’ titolizzazzjoni Ewropew. Bħala forma ta’ finanzjament bbażat fuq assi bil-kapaċità kemm li jiġu inkanalati flussi ta’ kreditu lill-ekonomija reali u t-trasferiment ta’ riskju, it-titolizzazzjoni għandha sinjifikat partikolari għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. Suq Ewropew tat-titolizzazzjoni b’saħħtu huwa indikattiv ta’ suq tal-kapital funzjonanti fl-Unjoni. B’mod partikolari fejn il-kapaċità ta’ self lill-ekonomija reali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija ristretta u t-tkabbir ekonomiku jibqa’ dgħajjef, it-titolizzazzjoni tista’ taġixxi bħala sors ġdid ta’ finanzjament u tillibera l-kapital għas-self. Inċertezza dwar iż-żmien tal-adozzjoni tar-regolamenti proposti għandha b’hekk tiġi evitata sabiex tiġi pprovduta ċ-ċarezza u l-istabbiltà meħtieġa lill-parteċipanti fis-suq tat-titolizzazzjonijiet biex jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli tas-suq.

2.2

Il-BĊE għandu esperjenza sinjifikanti fil-qasam tat-titolizzazzjoni permezz tal-operazzjonijiet tal- politika monetarja tal-Eurosistema. Minn naħa, huwa jaċċetta titoli garantiti permezz tal-assi (ABS) li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà bħala kollateral għat-tranżazzjonijiet temporanji li jipprovdu likwidità tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, jixtri ABS, bħala parti mill-programm estiż ta’ xiri ta’ assi tal-Eurosistema (5). Dan jinforma l-fehma tal-BĊE dwar ir-regolamenti proposti, partikolarment fir-rigward tat-trasparenza, id-diliġenza dovuta, it-talba tal-investituri u l-funzjonament tas-suq. Minkejja dan, il-BĊE jinnota illi r-regolamenti proposti huma indipendenti mill-qafas kollaterali tal-Eurosistema u l-programm ta’ xiri ta’ ABS (ABSPP) billi dawn huma strumenti tal-politika monetarja li jaqgħu taħt il- kompetenza esklussiva tal-Eurosistema.

2.3

Fl-aħħar nett, wara li jiġu kkunsidrati l-politika monetarja u l-kompiti makroprudenzjali tal-BĊE, il-BĊE pparteċipa wkoll b’mod attiv fid-dibattitu pubbliku fuq inizjattivi regolatorji dwar it-titolizzazzjoni li matulu enfasizza l-benefiċċji ta’ swieq ta’ titolizzazzjoni serji (6), irrakkomanda trattament tal-kapital iddifferenzjat tat-titolizzazzjonijiet u appoġġa qafas tal-Unjoni prudenti għal-titolizzazzjonijiet STS (7). Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-BĊE dwar ir-regolamenti proposti, kif spjegat iktar ‘l isfel u fl-anness tekniku mehmuż, jirriflettu dawk il-pożizzjonijiet.

3.   Kjarifikazzjoni tal-kompetenzi superviżorji tal-BĊE fir-rigward tat-titolizzazzjoni

3.1

Minkejja l-attivitajiet ta’ politika monetarja tal-BĊE fis-suq tat-titolizzazzjoni, ir-rwol tiegħu taħt ir-reġim ġdid tat-titolizzazzjoni fil-kapaċità tiegħu ta’ superviżur għandu jiġi vvalutat indipendentement. B’mod partikolari, l-Artikolu 127(6) tat-Trattat jippermetti biss l-għoti ta’ kompiti lill-BĊE f’oqsma tal-politika dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (8) jagħti lill-BĊE, għall-finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompitu li jiżgura l-konformità minn istituzzjoni ta’ kreditu importanti mad-dritt rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jimponi rekwiżiti prudenzjali fil-qasam tat-titolizzazzjoni. L-Artikolu 15 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost jindika lill-BĊE bħala l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni tal-konformità minn istituzzjonijiet ta’ kreditu importanti mal-obbligi tad-diliġenza dovuta, rekwiżiti taż-żamma tar-riskju, rekwiżiti ta’ trasparenza u l-kriterji STS. Fid-dawl ta’ dan, il-BĊE huwa mħasseb li l-Artikolu 15 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost jagħti lill-BĊE wkoll kompiti superviżorji li mhumiex primarjament prudenzjali fin-natura, imma pjuttost jirrigwardaw swieq tal-prodotti jew protezzjoni tal-investitur.

3.2

Il-BĊE jaqbel li għandu jkun kompetenti biex jiżgura l-konformità minn istituzzjoni ta’ kreditu importanti mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta, inkluża verifika minn istituzzjonijiet ta’ kreditu importanti li jaġixxu bħala investituri fit-titolizzazzjonijiet li obbligi dwar iż-żamma tar-riskju jitħarsu mill-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali (Artikolu 3 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost), kif ukoll konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) [ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRR)] dwar trasferimenti ta’ riskju sinifikanti (significant risk transfers – SRTs) u għoti ta’ piżijiet ta’ riskju lil diversi klassijiet ta’ prodotti tat-titolizzazzjoni billi dawn il-kompiti huma b’mod ċar prudenzjali. F’dan ir-rigward, il-BĊE jaqbel ukoll li s-superviżjoni tal-konformità mal-kriterji għall-għoti ta’ kreditu kif introdott mit-test ta’ kompromess tal-Kunsill (10) taqa’ wkoll fil-kompiti prudenzjali li qed jingħataw lill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

3.3

Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 6 sa 14 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost, li fih il-kriterji STS u jipprovdu għall-proċess biex tiġi żgurata l-konformità STS, jirrigwardaw is-superviżjoni tas-swieq ta’ titolizzazzjoni. Il-BĊE jikkunsidra li dan il-kompitu jaqa’ b’mod ċar barra mill-kompiti li jirrigwardaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Il-BĊE jilqa’ l-emendi li għamel it-test ta’ kompromess tal-Kunsill (11) li jippermetti lill-Istati Membri li jindikaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità ta’ oriġinatur, sponsor jew entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni (SSPE) mal-kriterji STS, minflok ma dan il-kompitu jingħata direttament lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni settorjali rilevanti.

3.4

Għalkemm hemm argumenti favur il-karatterizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli bħala prudenzjali, li tiġi żgurata konformità ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu importanti li jaġixxu bħala oriġinaturi, sponsors jew mutwanti oriġinali bir-regoli ta’ ritensjoni tar-riskju (Artikolu 4) u r-rekwiżiti ta’ trasparenza (Artikolu 5) għandha titqies bħala primarjament relatata mas-superviżjoni tas-swieq tal-prodotti, billi dawn ir-regoli jiżguraw l-allinjament ta’ interessi bejn l-oriġinaturi, l-isponsors jew il-mutwanti u l-investituri oriġinali u tippermetti lill-investituri li jifhmu, jivvalutaw u jipparagunaw tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. Għalhekk il-BĊE jikkunsidra wkoll li dawn il-kompiti ma jistgħux jingħatawlu. Il-BĊE jinnota li t-test ta’ kompromess tal-Kunsill (12) jassenja wkoll il-kompitu li tiġi żgurata l-konformità mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaġixxu bħala sponsors, oriġinaturi jew SSPEs mar-regoli taż-żamma tar-riskju u r-rekwiżiti tat-trasparenza lill-awtoritajiet nominati bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Il-BĊE jilqa’ l-fatt li t-test ta’ kompromess tal-Kunsill ma jagħmilx referenza diretta għall-BĊE u jinnota li ma jikkunsidrax li dawn il-kompiti jkunu ttrasferiti lill-BĊE bl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

3.5

Għaldaqstant, l-Artikolu 15 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost għandu jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-BĊE skont ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost jirrifletti l-kompiti li jagħtuh ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

PARTI I: IR-REGOLAMENT TAT-TITOLIZZAZZJONI PROPOST

4.   Dispożizzjonijiet applikabbli għat-titolizzjonijiet kollha

4.1

Il-BĊE jilqa’ l-konsolidazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji eżistenti mir-regolament tat-titolizzazzjoni propost f’sett komuni ta’ regoli għat-titolizzazzjonijiet kollha, billi dan jissimplifika b’mod sinjifikanti l-qafas regolatorju u jnaqqas l-inkonsistenzi u d-duplikazzjoni. Madankollu, sa fejn il-konsolidazzjoni tkun fil-mira, għandha tkun komprensiva. Bħat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (14), il-BĊE għalhekk jirrakkomanda t-tħassir tal-Artikolu 8b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) imma wkoll wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 28(6) tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/3 (16) sabiex tiġi evitata duplikazzjoni li mhijiex meħtieġa ta’ obbligi ta’ trasparenza u ta’ żvelar stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost.

4.2

Il-BĊE jilqa’ l-approċċ tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost għar-rekwiżiti ta’ trasparenza. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jeħtieġu li jiġu bbilanċati mal-kunfidenzjalità ta’ tranżazzjonijiet privati u bilaterali. L-Artikolu 5 jeħtieġ l-iżvelar tad-dejta lil investituri eżistenti biss. Il-prospetti jew ekwivalenti li joffru dokumenti, dejta tal-livell ta’ self u dokumentazzjoni tat-titolizzazzjoni oħra għandhom jiġu żvelati lill-investituri prospettivi ukoll. Madankollu, din id-dejta għandha tiġi żvelata pubblikament biss fil-każ ta’ tranżazzjonijiet pubbliċi u f’każijiet oħra tiġi żvelata biss lil investituri prospettivi li lilhom tiġi kkummerċjalizzata t-tranżazzjoni. Fl-istess ħin, il-BĊE jirrakkomanda l-eżenzjoni ta’ ċerti titolizzazzjonijiet minn piżijiet ta’ żvelar li mhumiex meħtieġa, bħal tranżazzjonijiet intragrupp jew fejn hemm biss investitur wieħed (17).

4.3

Il-BĊE jirrakkomanda wkoll li dejta ta’ livell ta’ self huwa meħtieġ espressament fl-Artikolu 5(1)(a), inkluża dik għal programmi ta’ karti kummerċjali ggarantiti b’assi (ABCP) li ma humiex appoġġati għal kollox jew fejn il-maturitajiet tal-assi sottostanti jaqbżu s-sena, redatti fejn dan huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità għall-klijenti korporattivi tal-isponsors (18).

5.   Kriterji għat-titolizzazzjonijiet STS

5.1

Is-suċċess tal-qafas STS se jiddependi sostanzjalment fuq kemm se jintuża mill-parteċipanti tas-suq. Għalhekk, huwa importanti li l-kriterji u l-applikazzjoni tagħhom ma jkunux kumplessi żżejjed, biex jiġi żgurat fost l-oħrajn li l-investituri ma jiġux imtellfa fil-qadi tal-obbligi estensivi tagħhom ta’ diliġenza dovuta. L-oneru biex tiġi żgurata u nnotifikata l-konformità mal-kriterji STS qiegħed fuq il-partijiet li qed jagħmlu t-titolizzazzjonijiet. Għaldaqstant, iċ-ċarezza tal-kriterji STS hija fundamentali għad-deċiżjoni mill-oriġinaturi u l-isponsors għall-applikazzjoni tal-qafas STS u jesponu ruħhom għar-reġim ta’ sanzjonijiet għaliex ma ssodisfawx il-kriterji. Il-BĊE jikkunsidra li l-parti l-kbira tal-kriterji huma ċari biżżejjed. Madankollu, ħafna minnhom għandhom jiġu speċifikati ulterjorment biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-effiċjenza għal dawk li jinterpretawhom u japplikawhom (19). Għalhekk il-BĊE jirrakkomanda li l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) tingħata mandat biex tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tal-Impjieg (EIOPA) standards tekniċi regolatorji fuq kriterji STS fejn hemm bżonn ta’ iktar kjarifikazzjoni (20). Filwaqt li dan jestendi ż-żmien għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost, dan jiġi kkumpensat bil-benefiċċji ta’ piżijiet eħfef u ċertezza legali ikbar għall-partijiet kollha involuti.

5.2

Kwalità soda tal-assi hija fundamentali għall-qafas STS u tirfed l-allokazzjoni kapitali għat-titolizzazzjonijiet STS. Għalhekk, self produttiv ristrutturat iktar minn tliet snin qabel l-inklużjoni f’titolizzazzjoni STS jista’ jiġi permess. Madankollu, kull mitigazzjoni lil hinn minn dan il-limitu, bħal dak li hemm fit-test ta’ kompromess tal-Kunsill (21), tkun teħtieġ rikalibrazzjoni ta’ allokazzjonijiet ta’ kapital previsti fil-proposta kurrenti, biex tinżamm in-natura prudenzjali tal-qafas STS.

5.3

Programmi ABCP għandhom il-potenzjal li jsostnu l-finanzjament tal-ekonomija reali. Madankollu, trattament kapitali regolatorju preferenzjali għandu jkun ristrett għal programmi ABCP mingħajr diskrepanzi fil-maturità bejn l-assi sottostanti u l-passiv tal-karti tal-kummerċ. Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda limitu massimu ta’ maturità reżidwa ta’ sena, pjuttost milli ta’ tliet snin, jew kif hemm propost fit-test ta’ kompromess tal-Kunsill, sa sitt snin (22), għal assi sottostanti ta’ programmi STS ABCP, li magħhom programmi ABCP eżistenti jistgħu jikkonformaw jew jadattaw għalih, peress li madwar nofs l-assi li huma sottostanti l-programmi ABCP Ewropej eżistenti huma stmati li għandhom maturità reżidwa ta’ inqas minn sena u jikkonsistu l-iktar f’ammonti riċevibbli tal-kummerċ. Minn perspettiva prudenzjali, diskrepanzi tal-maturità jesponu lill-investituri, fil-każ ta’ inadempjenza tal-isponsor, għal riskju ta’ estensjoni u telf potenzjali, u pressjonijiet fuq il-likwidità jekk mhux ukoll telf jekk l-investituri ma jibqgħux jirrifinanzjaw titoli fuq żmien qasir fi żminijiet ta’ tfixkil tas-suq. Fl-aħħar nett, limitu massimu ta’ maturità laxk jista’ jagħti lok għal opportunitajiet ta’ arbitraġġ regolatorju mhux mixtieq bejn titolizzazzjonijiet STS tradizzjonali u programmi STS ABCP u, minn perspettiva ta’ politika, jista’ jaffettwa is-swieq ABS tal-vetturi u tal-konsumaturi għal żmien.

5.4

Titolizzazzjonijiet STS għandhom jissodisfaw standards ogħla minn titolizzazzjonijiet mhux STS billi jibbenefikaw minn trattament ta’ kapital regolatorju preferut li huwa ġġustifikat, fost l-oħrajn, fuq il-bażi ta’ grad ogħla ta’ trasparenza. Ir-rapporti tal-investituri jirrappreżentaw is-sors ewlieni ta’ informazzjoni tal-investitur wara l-għeluq tat-tranżazzjoni. Ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost għandu għalhekk jikkjarifika li huma obbligatorji standards ogħla għar-rappurtar tal-investituri tat-titolizzazzjonijiet STS (23).

5.5

It-titolizzazzjonijiet li l-ħlas lura tagħhom jiddependi fuq il-likwidazzjoni tal-kollateral m’għandhomx jikkwalifikaw taħt il-qafas STS (24). Il-prestazzjoni ta’ dawn it-titolizzazzjonijiet tiddependi ħafna fuq assunzjonijiet dwar jekk ir-riskji tas-suq ġewx immitigati b’mod adegwat. Jistgħu jimmaterjalizzaw riskji li jmorru lil hinn mix-xenarji ta’ stress antiċipat, biex b’hekk jiġu invalidati dawn l-assunzjonijiet. Huma biss it-titolizzazzjonijiet li l-ħlas lura tagħhom jiddependi strettament fuq ir-rieda u l-abbiltà tad-debituri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li għandhom ikunu eliġibbli taħt il-qafas STS.

6.   Attestazzjoni STS, notifika u diliġenza dovuta

6.1

Il-BĊE jilqa’ l-approċċ tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost fejn huwa meħtieġ li l-partijiet li jagħmlu t-titolizzazzjoni konġuntament jagħmlu awtoattestazzjoni mal-konformità ta’ titolizzazzjoni mal-kriterji STS u li investituri jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom stess fuq il-konformità STS. Il-mekkaniżmu fundamentali jqiegħed responsabbiltà primarja għall-konformità STS fuq il-partijiet li qed jagħmlu t-titolizzazzjoni, li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jassumuha. Jevita wkoll dipendenza fuq ċertifikazzjonijiet ta’ terza persuna jew superviżorji u għalhekk jippreżerva l-inċentivi tal-partijiet kollha għat-titolizzazzjoni biex jaġixxu bi prudenza (25).

6.2

Il-BĊE jirrikonoxxi l-benefiċċji potenzjali li terzi persuni bl-esperjenza jistgħu joffru permezz tal-kompetenza akkumulata tagħhom meta jivverifikaw il-konformità STS, partikolarment għal oriġinaturi li qabel ma ttitolizzawx jew li jagħmlu hekk b’mod mhux frekwenti. Madankollu, partijiet terzi m’għandhomx jingħataw espressament rwol mil-liġi fil-proċess ta’ attestazzjoni STS fir-regolament tat-titolizzazzjoni propost billi dan idgħajjef pilastru ewlieni tal-qafas STS (26). L-ewwel nett, rwol regolat bħal dan għal terzi biex tiġi ċċertifikata l-konformità STS jista’ jintroduċi perikolu morali għall-investituri. L-investituri jista’ jkollhom inqas inċentivi biex jużaw id-diliġenza dovuta indipendenti għat-titolizzazzjonijiet STS, billi jistgħu jekwiparaw b’mod falz din iċ-ċertifikazzjoni tat-terz ma’ approvazzjoni superviżorja. Barra minn hekk, dan iżid il-kumplessità u jitfa’ piż fuq ir-riżorsi pubbliċi, billi jkun hemm bżonn li dawn it-terzi jiġu ssorveljati separatament. Barra minn hekk, dan joħloq ukoll riskju sistemiku, billi l-invalidazzjoni ta’ ċertifikazzjoni STS waħda jew iżjed li jagħmel dan it-terz jista’ joħloq tħassib dwar l-attestazzjonijiet STS kollha li jsiru minnhom. Fl-aħħar nett, rwol regolat bħal dak ma huwiex meħtieġ biex jintlaħqu l-benefiċċji potenzjali rrikonoxxuti offruti minn dawn it-terzi, billi jistgħu sempliċiment jikkuntrattraw mal-oriġinaturi u l-isponsors biex jipprovdulhom pariri dwar il-konformità mal-kriterji STS. Minflok, il-BĊE jikkunsidra li ċ-ċertezza legali għall-partijiet li jagħmlu t-titolizzazzjoni għandha tintlaħaq primarjament billi l-kriterji STS ikunu ċari biżżejjed (27).

6.3

Il-proċess ta’ notifika STS għandu jiżgura ċarezza ikbar għall-investituri billi jiġi ddokumentat espliċitament, fis-sommarju tal-prospett jew memorandum ta’ informazzjoni ekwivalenti, jekk, u jekk dan huwa l-każ, kif il-kriterji STS ġew ssodisfati. Dan jappoġġa l-proċessi tad-diliġenza dovuta indipendenti tal-investituri (28).

7.   Kooperazzjoni effettiva fost awtoritajiet superviżorji

L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni konsistenti tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost mid-diversi superviżuri, partikolarment fil-kuntest tat-titolizzazzjonijiet STS, huma fundamentali għall-integrità tal-qafas, l-adozzjoni tiegħu mill-parteċipanti fis-suq u, għaldaqstant, l-effettività tiegħu inġenerali. Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda titjib għall-proċeduri ta’ kooperazzjoni kif previst fl-Artikolu 21 bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-EBA, ESMA u EIOPA biex jiġi riżolt b’mod iktar effiċjenti t-tilwim bejn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar, speċjalment fil-każijiet meta wieħed jew iktar minnhom jiddeċiedu li titolizzazzjoni għandha titlef l-istatus STS tagħha. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u konsistenza, ESMA għandha żżomm reġistru ċentralizzat tal-azzjonijiet rimedjali kollha meħudin fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet regolati skont ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost.

8.   Reġimi ta’ sanzjonijiet

Qafas robust għas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni jeħtieġ reġim kredibbli u dissważiv għall-issanzjonar tal-ksur tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost. Madankollu, hemm diversi aspetti tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost li jimponu obbligi ġodda fuq il-parteċipanti fis-suq u jeħtieġu definizzjoni, gwida u interpretazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u parteċipant tas-suq. Minħabba dawn l-inċertezzi, huwa diffiċli li tiġi rrikonċiljata l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali iebsin fuq bażi ta’ responsabbiltà oġġettiva mal-prinċipju stabbilit sew taċ-ċertezza legali f’materja kriminali, jew bil-għan globali li l-parteċipanti tas-suq jiġu mħeġġa li jużaw u japplikaw ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost. Dawn l-inċertezzi u sanzjonijiet fil-fatt jistgħu jtellfu lill-parteċipanti fis-suq milli jużaw l-qafas tat-titolizzazzjoni propost. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda bil-qawwa tnaqqis fit-tipi ta’ sanzjonijiet amministrattivi disponibbli billi tiġi limitata l-portata tal-multi, it-tneħħija tal-possibbiltà tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost fl-Artikolu 19, u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet biss fil-każ ta’ negliġenza, inklużi omissjonijiet negliġenti, iktar milli fuq bażi ta’ responsabbiltà oġġettiva. Dan itaffi tħassib dwar in-natura sproporzjonata tal-penalitajiet. It-tneħħija proposta tal-Artikolu 19 tipprekludi biss it-twaqqif ta’ reġim ġdid ta’ responsabbiltà kriminali speċifikament għall-ksur tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost. Madankollu, dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti iktar ġenerali tad-dritt kriminali nazzjonali li għalihom huma suġġetti diġà l-attivitajiet tal-partijiet li jagħmlu t-titolizzazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu responsabbiltà kriminali għal attivitajiet frodulenti, negliġenti ħafna jew diżonesti oħra minn istituzzjonijiet finanzjarji, l-impjegati jew diretturi tagħhom skont id-dritt nazzjonali, li naturalment jibqgħu applikabbli.

9.   Tiġi żgurata superviżjoni robusta tat-titolizzazzjoni STS ta’ tielet pajjiż

Il-qafas STS għandu jkun sinonimu ma’ organizzazzjoni tal-assi u strutturar tat-titolizzazzjoni prudenti. Dan, imbagħad, jiddependi fuq superviżjoni effettiva sabiex jiġi żgurat li l-istandards STS ma jitilfux l-effettività tagħhom matul iż-żmien. Il-kriżi finanzjarja wriet li oqfsa finanzjarji li jiddependu biss fuq l-awtoattestazzjoni tal-partijiet li jagħmlu t-titolizzazzjoni, mingħajr superviżjoni kontinwa u rigoruża, huma vulnerabbli għall-abbuż. Ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost bħalissa jippermetti assi sottostanti ta’ titolizzazzjonijiet STS li jiġu oriġinati barra mill-Unjoni fejn l-oriġinatur, l-isponsor u/jew l-SSPE jkunu jinsabu barra l-Unjoni. Madankollu, bħalissa ma hemmx rekwiżit dwar is-superviżjoni f’pajjiżi terzi ta’ titolizzazzjonijiet STS (29). Il-BĊE jappoġġa qafas ta’ titolizzazzjoni STS li huwa miftuħ għall-aċċettazzjoni ta’ titolizzazzjonijiet STS maħruġin f’pajjiżi terzi iżda tali aċċettazzjoni għandha tkun ikkumplimentata bi ħtieġa li l-oriġinatur, l-isponsor u SSPE tat-tielet pajjiż li jieħdu sehem f’din it-titolizzazzjoni jkunu suġġetti għal qafas superviżorju robust fir-rigward ta’ attivitajiet tat-titolizzazzjonijiet STS tagħhom, li l-Kummissjoni Ewropea vvaluat bħala ekwivalenti għall-qafas tal-Unjoni (30).

PARTI II: EMENDA CRR PROPOSTA

10.   Trattament kapitali għal titolizzazzjonijiet STS

10.1

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-inkorporazzjoni ta’ kriterji STS fil-qafas kapitali regolatorju bankarju permezz tal-emenda CRR proposta, bħala titjib għar-reviżjonijiet ta’ Diċembru 2014 għall-qafas tat-titolizzazzjoni ta’ Basel. Il-kriterji STS jillimitaw iż-żewġ sorsi ewlenin ta’ riskju fit-titolizzazzjonijiet STS: riskju strutturali u riskju tal-kreditu tal-assi. Għalhekk, il-profil ta’ riskju iktar baxx ta’ titolizzazzjonijiet STS għandu jfisser allokazzjoni ta’ kapital relativament iktar baxxa.

10.2

Kemm il-kalibrazzjoni tal-allokazzjonijiet ta’ kapital u l-ġerarkija tal-approċċi għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet kapitali għat-titolizzazzjonijiet STS huma rilevanti għall-effettività tal-qafas il-ġdid sabiex jistab il-bilanċ ġust bejn il-qawmien tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni u l-preżervazzjoni tan-natura prudenzjali tal-qafas tat-titolizzazzjoni. Il-BĊE jikkunsidra li l-kalibrazzjoni, li tnaqqas l-allokazzjonijiet kapitali għal titolizzazzjonijiet STS, fl-Artikoli 260, 262 u 264 hija xierqa meta wieħed jikkunsidra l-profil ta’ riskju iktar baxx tagħhom.

10.3

Fir-rigward tal-ġerarkiji ta’ approċċi, il-BĊE jikkunsidra t-tibdil li hemm fl-Artikolu 245(3) li huwa l-ewwel pass pożittiv lejn trattament iktar ugwali tat-titolizzazzjonijiet STS maħruġin f’ġurisdizzjonijiet tal-Unjoni differenti. Kif abbozzat, jippermetti effettivament istituzzjoni ta’ kreditu li tillimita allokazzjonijiet ta’ kapital taħt l-Approċċ tat-Titolizzazzjoni Bbażata fuq Klassifikazzjonijiet Esterni (SEC-ERBA) fil-livell applikabbli taħt l-Approċċ Standardizzat tat-Titolizzazzjoni (SEC-SA), bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet (31). Il-proposta tfisser li jkun hemm kundizzjonijiet iktar ġusti għat-titolizzazzjonijiet maħruġa fil-ġurisdizzjonijiet tal-Unjoni bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ limiti massimi ta’ klassifikazzjoni sovrana u metodoloġiji oħra ta’ klassifikazzjoni restrittiva li jirriżultaw f’allokazzjonijiet kapitali taħt is-SEC-ERBA li huma ogħla b’mod sinjifikanti milli taħt is-SEC-SA, minkejja l-fatt li l-użu tas-SEC-SA ordinarjament għandu jirriżulta fl-ogħla allokazzjonijiet ta’ kapital. Madankollu, il-proposta tintroduċi opportunitajiet ta’ arbitraġġ jekk il-banek japplikaw b’mod selettiv il-limitu massimu SEC-SA għal uħud imma mhux it-titolizzazzjonijiet eliġibbli kollha. Fl-istess ħin, trattament ugwali ma jkunx effettiv jekk il-limitu massimu huwa permess f’ċerti ġurisdizzjonijiet filwaqt li ma jkunx permess f’oħrajn bis-saħħa tad-diskrezzjoni superviżorja nazzjonali biex tingħata jew tinżamm l-approvazzjoni.

10.4

Il-BĊE jirrakkomanda li ma jiġix permess l-użu ta’ SEC-ERBA (32) għat-titolizzazzjonijiet STS biss. Dan jipprovdi ugwaljanza fit-trattament fit-titolizzazzjonijiet STS tal-Unjoni kollha u bejn titolizzazzjonijiet STS tal-Unjoni u titolizzazzjonijiet mhux tal-Unjoni maħruġin f’ġurisdizzjonijiet fejn l-użu ta’ klassifikazzjonijiet esterni u, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ SEC-ERBA mhumiex permessi. Fl-istess ħin, in-natura prudenzjali tal-qafas tat-titolizzazzjoni STS huwa ppreżervat, billi titolizzazzjonijiet STS għandhom riskju strutturali u tal-kwalità tal-assi iktar baxx u, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ SEC-SA bbażat fuq il-formula, minflok SEC-ERBA, tista’ tkun ġġustifikata. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tal-ġerarkija STS telimina l-potenzjal għall-arbitraġġ (33). Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu d-diskrezzjoni tagħhom li jimponu allokazzjonijiet ta’ kapital ogħla minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni SEC-SA għal titolizzazzjonijiet STS (bħal titolizzazzjonijiet li mhumiex STS), fejn iġġustifikat fuq bażi ta’ każ b’każ, eż. minħabba kumplessitajiet strutturali reżidwi jew elementi ta’ riskju rilevanti mhux koperti biżżejjed fil-każijiet kollha skont l-approċċ standardizzat (34). B’mod importanti, ir-rakkomandazzjoni tal-BĊE biex ma titħallhiex l-applikazzjoni ta’ SEC-ERBA hija, madankollu, kontinġenti fuq iż-żamma ta’ standards għoljin għall-kwalità ta’ assi u awtoattestazzjoni (35).

11.   Trattament kapitali għal titolizzazzjonijiet sintetiċi li jikkwalifikaw

11.1

L-emenda CRR proposta tintroduċi trattament kapitali ddifferenzjat għal segmenti superjuri ta’ titolizzazzjonjiet sintetiċi li jissodisfaw ċerti kriterji (36). It-titolizzazzjonijiet sintetiċi jistgħu jappoġġaw l-għanijiet globali tar-regolamenti proposti, inkluż li jiġi pprovdut finanzjament għall-ekonomija reali. Madankollu, minn perspettiva prudenzjali, l-argumenti għat-tnaqqis ta’ allokazzjonijiet ta’ kapital għal ċerti titolizzazzjonijiet sintetiċi mhumiex daqstant b’saħħithom daqs it-titolizzazzjonijiet STS tradizzjonali. B’mod partikolari bħalissa hemm dejta limitata disponibbli kemm fuq il-volum kif ukoll fuq il-prestazzjoni ta’ titolizzazzjonijiiet sintetiċi minħabba n-natura privata tagħhom. Għalhekk il-BĊE jirrikonoxxi l-approċċ kawt li ħadet il-Kummissjoni, fejn it-trattament preferenzjali huwa limitat strettament għal subsett ta’ strutturi ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi.

11.2

Barra minn hekk, il-prudenza tal-qafas għall-kwalifikazzjoni ta’ strutturi sintetiċi għandhom jissaħħew iktar bl-iżvilupp ta’ kriterji adattati speċifikament għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi. L-applikazzjoni proposta tar-rekwiżiti għal-titolizzazzjonijiet STS tradizzjonali għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi bis-saħħa tal-Artikolu 270(a) fl-emenda CRR proposta mhijiex xierqa f’dan ir-rigward, minħabba l-karatterisitiċi strutturali differenti ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali u sintetiċi. Fl-istess ħin, l-introduzzjoni ta’ kriterji speċifiċi għal tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sintetika m’għandhiex tespandi l-portata ristretta proposta mill-Artikolu 270 (37).

12.   Tisħiħ tal-valutazzjoni SRT

Il-BĊE iqis li l-emenda CRR proposta għandha tintuża bħala opportunità kemm biex tikkjarifika kif ukoll issaħħaħ id-dispożizzjonijiet CRR kurrenti fir-rigward tat-trasferiment ta’ riskju sinifikanti u appoġġ impliċitu. L-ewwel nett, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent SRT (38) fl-Artikolu 244 u 245 għandhom ikunu marbutin mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ impliċitu fl-Artikolu 250, billi jindirizzaw l-istess kwisjtonijiet. Barra minn hekk, it-testijiet ta’ trasferiment tar-riskju sinifikanti li jipprevedu l-Artikoli 244(2) u 245(2) għandhom jiġu mistħarrġa mill-ABE (39) billi huma insuffiċjenti u jiftħu arbitraġġ regolatorju f’ċerti każijiet.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolamenti proposti jiġu emendati, qed jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Dan id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-Ġimgħa, 11 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2015) 472 finali.

(2)  COM(2015) 473 finali.

(3)  Il-BĊE adotta l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi tar-regolamenti proposti (kif proposti mill-Kummissjoni) mibgħuta għall-konsultazzjoni, imma ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-emendi ssuġġeriti fit-testi ta’ kompromess tal-Kunsill, skont il-każ, (2015/0226 (COD), 14537/15 dwar ir-regolament tat-titolizzazzjoni propost u 2015/0225 (COD), 14536/15 dwar l-emenda CRR proposta).

(4)  L-impatt tas-CRR u s-CRD IV fuq il-finanzjament bankarju, ir-rispons tal-Eurosistema għad-dokument konsultattiv DG FISMA, 10 ta’ Diċembru 2015.

(5)  Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4). Xiri taħt il-programm ta’ xiri ABS beda f’Novembru 2014.

(6)  Is-suq imħassar tat-titolizzazzjoni tal-UE: kawżi, ostakoli u kif jiġu ttrattati,11 ta’ April 2014, u Il-każ għal funzjonament aħjar tas-suq tat-titolizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Dokument għad-diskuzzjoni, 29 ta’ Mejju 2014, il-BĊE u l-Bank of England.

(7)  Risposta konġunta mill-Bank of England u l-Bank Ċentrali Ewropew għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Qafas tal-UE għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata”, 27 ta’ Marzu 2015.

(8)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(9)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(10)  L-Artikolu 5a tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0226 (COD), 14537/15). Fit-taqsimiet li ġejjin it-test ta’ kompromess tal-Kunsill huwa diskuss biss f’każijiet meta jkun differenti b’mod sinjifikanti mir-regolamenti proposti (kif propost mill-Kummissjoni).

(11)  L-Artikolu 15 tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0226 (COD), 14537/15).

(12)  Ibid.

(13)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(14)  L-Artikolu 25(5) tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0226 (COD), 14537/15).

(15)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(16)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/3 tat-30 ta’ Settembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għal rekwiżiti ta’ fondi proprji għal istituzzjonijiet (ĠU L 2, 6.1.2015, p. 57).

(17)  Ara l-Emenda 28 li tintroduċi Artikolu 5(2b) ġdid.

(18)  Ara l-Emenda 18 fuq l-Artikolu 5(1)(a).

(19)  Ara, pereżempju, ir-rekwiżiti għall-kompetenza teknika stabbiliti, fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali, fl-Artikoli 8(6) u 9(6) għal oriġinaturi u fornituri u, fil-każ ta’ programmi ABCP fl-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 13(7)(c) għall-bejjiegħa u sponsors.

(20)  Ara l-Emenda 61 li tintroduċi Artikolu 14a ġdid.

(21)  Fit-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0226 (COD), 14537/15), l-Artikolu 8(7)(a)(i) jippermetti l-inklużjoni ta’ titolizzazzjonijiet STS ta’ self produttiv ristruttrat sena qabel l-inklużjoni tiegħu. Dan jikkuntrasta mal-limitu ta’ tliet snin li jipprovdi l-Artikolu 8(7)(a) tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost.

(22)  L-Artikolu 12(2) tar-regolament tat-titolizzazzjoni propost jippermetti lil assi b’maturità reżidwa sa tliet snin u jimponi livell ta’ restrizzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħajja medja ppeżata ta’ sentejn. B’kuntrast, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 13(1a) tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0226 (COD), 14537/15) jippermetti ħajja medja ppeżata ta’ livell ta’ programm ta’ mhux iktar minn sentejn, ħajja medja ppeżata ta’ livell ta’ tranżazzjoni ta’ mhux iktar minn tliet snin u nofs u maturità reżidwa ta’ skopertura sottostanti ta’ mhux itwal minn sitt snin.

(23)  Ara l-Emenda 42 li tintroduċi Artikolu 10(5) ġdid.

(24)  Taħt l-Artikolu 8(9) it-titolizzazzjonijiet li jiddependu sa ċertu punt fuq il-bejgħ kollaterali biex jiġi żgurat il-ħlas lura, bħall-valur reżidwu ta’ ABS ta’ kiri ta’ vetturi u ċerti titoli garantiti b’ipoteki kummerċjali, jistgħu potenzjalment jikkwalifikaw.

(25)  Ara r-Risposta konġunta mill-Bank of England u l-Bank Ċentrali Ewropew għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. “Qafas tal-UE għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata”, 27 ta’ Marzu 2015.

(26)  Ara l-Artikoli 14(1) u 14(a) tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill, li jippermetti attestazzjoni ta’ terzi flimkien mal-awtoatestazzjoni mill-partijiet li jagħmlu t-titolizzazzjoni (2015/0226 (COD), 14537/15).

(27)  Ara r-rakkomandazzjoni tal-BĊE fil-paragrafu 5.1.

(28)  Ara l-Emenda 56 li tintroduċi Artikolu 13(9) ġdid.

(29)  Ara wkoll il-memorandu spjegattiv għar-regolament tat-titolizzazzjoni propost “Dimensjoni tal-pajjiż terz”.

(30)  Ara l-Emendi 30 u 75 li jintroduċu l-Artikoli 6(2) u 22a ġodda.

(31)  L-Artikolu 254, kif propost, jippermetti lill-banek li jużaw, bla ħsara għal approvazzjoni superviżorja ex-post, SEC-SA minflok SEC-ERBA meta l-applikazzjoni tar-riżultati SEC-ERBA tirriżulta fl-allokazzjonijiet ta’ kapital għolja wisq li mhumiex proporzjonati mar-riskju ta’ kreditu tal-assi sottostanti.

(32)  Ara l-Emenda 103 li tintroduċi Artikolu 254a ġdid.

(33)  L-Artikolu 254 tal-emenda CRR proposta u tat-test ta’ kompromess tal-Kunsill (2015/0225 (COD), 14536/15) jippermetti lil banek, sakemm ma jkunux ristretti minn superviżuri, li jużaw selettivament SEC-SA, jiġifieri banek li jagħżlu li jagħmlu limitu massimu tal-piżijiet ta’ riskju li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ SEC-ERBA għal dawk l-iskoperturi biss meta l-applikazzjoni SEC-SA hija ta’ iktar vantaġġ milli SEC-ERBA. L-arbitraġġ ġerarkiku ma jkunx permess taħt il-proposta tal-BĊE billi SEC-SA tkun teħtieġ li tintuża fil-ħinijiet kollha u intervent superviżorju, jekk ikun hemm bżonn, jista’ jżid biss l-allokazzjonijiet kapitali applikati.

(34)  Ara l-Emenda 105 li tintroduċi Artikolu 258a ġdid.

(35)  Ara l-paragrafi 5.2 dwar il-kwalità tal-assi u 6.2 dwar il-proċess ta’ attestazzjoni.

(36)  Ara l-Artikolu 270.

(37)  Ir-Rapport ABE dwar it-Titolizzazzjoni Sintetika tat-18 ta’ Diċembru 2015 jirrakkomanda, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta’ kriterji speċifiċi għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi u l-espansjoni tal-portata tal-Artikolu 270 biex investituri privati jitħallew jaġixxu bħala fornituri ta’ protezzjoni tal-kreditu eliġibbli.

(38)  Ara l-Emendi 93 u 96 fuq l-Artikoli 244(4)(f) u 245(4)(e).

(39)  Ara l-Emendi 94 u 97 fuq l-Artikoli 244(6) u 245(6).


Top