EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014O0046
2014/870/EU: Guideline of the European Central Bank of 19 November 2014 amending Guideline ECB/2014/31 on additional temporary measures relating to Eurosystem refinancing operations and eligibility of collateral and amending Guideline ECB/2007/9 (ECB/2014/46)
2014/870/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta' Novembru 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2014/46)
2014/870/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta' Novembru 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2014/46)
OJ L 348, 4.12.2014, p. 27–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 348/27 |
LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-19 ta' Novembru 2014
li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9
(BĊE/2014/46)
(2014/870/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 12.1, 14.3, 18.1 u 18.2 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont il-Linja Gwida BĊE/2014/31 (1), ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli ta' qafas tal-Eurosistema dwar il-valutazzjoni tal-kreditu għal assi kummerċjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja ta Gwida BĊE/2011/14 (2), ma japplikawx għal strumenti ta' dejn kummerċjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro, sakemm jikkonformaw ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. |
(2) |
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li r-Repubblika Ellenika hija konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Strumenti ta dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li jissodisfaw il-kriterji l-oħrajn kollha ta' eliġibbiltà b'hekk jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet ta' operazzjonijiet ta kreditu tal-Eurosistema, soġġett għal skeda speċifika ta' haircut. |
(3) |
Fid-dawl tat-titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq għal assi negozjabbli Griegi, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jirrevedi l-iskeda tal-haircut applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Din l-iskeda hija stabbilita fil-Linja Gwida BĊE/2014/31. |
(4) |
Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2014/31 għandha tiġi emendata f'dan is-sens, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi għall-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2014/31
L-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa ssostitwit bl-Anness għal din il-Linja Gwida.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ, implimentazzjoni u applikazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-15 ta' Diċembru 2014. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-10 ta' Diċembru 2014.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta' Novembru 2014.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).
(2) Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).
ANNESS
L-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa sostitwit minn dan li ġej:
“ANNESS I
Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika
Bonds tal-Gvern Grieg (GGBs — Greek Government bonds) |
Maturità residwa (snin) |
Kupun b'rata fissa u varjabbli |
Kupun żero |
0-1 |
6,5 |
6,5 |
|
1-3 |
11,0 |
12,0 |
|
3-5 |
16,5 |
18,0 |
|
5-7 |
23,0 |
26,0 |
|
7-10 |
34,0 |
39,5 |
|
> 10 |
40,0 |
52,5 |
|
Bonds ta' bank iggarantiti minn Gvern (GGBBs) u bonds korporattivi mhux finanzjarji ggarantiti minn gvern |
Maturità residwa (snin) |
Kupun b'rata fissa u varjabbli |
Kupun żero |
0-1 |
13,5 |
14,0 |
|
1-3 |
19,0 |
20,0 |
|
3-5 |
24,5 |
26,5 |
|
5-7 |
31,5 |
35,0 |
|
7-10 |
43,5 |
49,5 |
|
> 10 |
50,0 |
62,0” |