EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AB0038

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Settembru 2017 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365 (CON/2017/38)

OJ C 372, 1.11.2017, p. 6–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/6


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta' Settembru 2017

dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365

(CON/2017/38)

(2017/C 372/05)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-7 u fl-24 ta' Frar 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew rispettivament għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365 (1) (iktar 'il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti bażiċi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni u għall-promozzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas bis-saħħa tal-ewwel u r-raba' inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u l-kompitu tas-SEBĊ li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki fir-rigward ta' superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja bis-saħħa tal-Artikolu 127(5) tat-Trattat. F'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas tal-Unjoni ddedikat għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontrapartijiet ċentrali (CCPs) bħala komponent integrali tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni għas-swieq finanzjarji fejn is-CCPs għandhom rwol kritiku bħala maniġers tar-riskju f'ħafna setturi tas-suq. Il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tagħhom hija essenzjali kemm għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll għall-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-ambitu tar-regolament propost f'termini tal-mandati u l-poteri tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, irkupru tas-CCP u pjanijiet tar-riżoluzzjoni u valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, miżuri ta' intervent bikrija, attivazzjonijiet ta' riżoluzzjoni, għodod u poteri ta' riżoluzzjoni, inklużi għodod ta' stabbilizzazzjoni tal-gvern, u dispożizzjonijiet ta' pajjiż terz. Il-BĊE jaqbel ukoll mad-direzzjoni ewlenija tar-regolament propost.

1.2.

Madankollu, il-BĊE jikkunsidra li r-regolament propost jista' jkun aħjar, speċjalment f'erba' oqsma.

1.2.1.

L-ewwel nett, minħabba r-rwol kritiku tal-parteċipanti tal-ikklerjar fl-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP, il-parteċipanti tal-ikklerjar għandhom ikunu jistgħu jistmaw b'mod affidabbli u jamministraw l-iskoperturi potenzjali tagħhom skont ir-regolament propost. Fl-istess ħin, l-avvenimenti tas-suq li huma intrinsikament improbabbli li jwasslu għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP huma impossibbli li jiġu previsti minn qabel, u għalhekk l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom bżonn biżżejjed flessibbiltà biex jitfasslu l-azzjonijiet tagħhom. Il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jibbilanċja aħjar dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet billi: (i) jipprijoritizza għodda ta' allokazzjoni ta' telf ċar li jistgħu jitkejlu fl-irkupru; (ii) jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni biex jikkunsidraw id-dħul f'riżoluzzjoni fejn azzjonijiet biex jirrestawraw ktieb imqabbel u biex jallokaw telf skopert jirriżulta f'telf sinifikanti u imprevedibbli għall-ikklerjar tal-parteċipanti; u (iii) jipprovdi trasparenza ex ante akbar rigward l-approċċi ġenerali u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni meta jużaw id-diskrezzjoni tagħhom f'oqsma ewlenin tar-riżoluzzjoni. Bħala prinċipju, meta jitqies l-għan ġenerali li tinżamm l-istabilità finanzjarja fl-Unjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom iqisu b'mod xieraq il-ħtieġa li jitnaqqas il-kontaġju ħażin lill-parteċipanti tas-CCP u lis-sistema finanzjarja usa'.

1.2.2.

It-tieni nett, għan ewlieni wieħed tar-riżoluzzjoni tas-CCP huwa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP mingħajr ma jkun hemm telf għall-kontribwenti tat-taxxa. Huma għalhekk kruċjali, arranġamenti sodi biex tkun żgurata d-disponibbiltà ta' fondi adegwati mis-settur privat, biex jiġi allokat kompletament telf finanzjarju fir-riżoluzzjoni u biex jerġgħu jimtlew ir-riżorsi finanzjarji tas-CCPs. Bil-maqlub, kwalunkwe appoġġ potenzjali mis-settur pubbliku għandu jitqies biss bħala l-aħħar riżors assolut u bħala miżura temporanja, biex jiġi evitat periklu morali u jiġu stabbiliti inċentivi xierqa ex ante għall-immaniġġjar tar-riskju. Il-BĊE jikkunsidra li s-salvagwardji fir-regolament propost għandhom jissaħħu bil-modi li ġejjin: (a) meta jwettqu ppjanar ta' riżoluzzjoni u valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw bir-reqqa d-daqs u l-kredibbiltà ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni tas-CCP b'attenzjoni speċifika għal xenarji li jmorru lil hinn minn avvenimenti “estremi imma plawsibbli” u abbażi ta' approċċ ibbażat fuq kriterji komuni; (b) l-użu potenzjali ta' għodod ta' stabbilizzazzjoni tal-gvern bħala l-aħħar alternattiva għandu jkun akkumpanjat minn arranġamenti komprensivi u kredibbli biex jiġi rkuprat il-finanzjament temporanju f'waqtu; u (c) meta jiġi implimentat il-prinċipju ta' “ebda kreditur ma jkun agħar” biex jiġi żgurat li ebda parteċipant tal-ikklerjar, azzjonist jew kreditur tas-CCP ma jkollu telf ikbar f'riżoluzzjoni milli kien ikollu fi proċeduri ta' insolvenza, għandhom jiġu applikati assunzjonijiet realistiċi dwar il-valur tal-kontinwità tan-negozju ppreżervata permezz tar-riżoluzzjoni.

1.2.3.

It-tielet nett, l-arranġamenti għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP fuq bażi awtonoma għandhom jiġu kkumplimentati b'kooperazzjoni orizzontali biex tiġi żgurata l-konsistenza u l-interazzjoni effettiva tagħhom:

L-esternalitajiet ta' riskju sinifikanti tal-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP jirriżultaw mhux biss fir-rigward ta' kull CCP individwali għall-partijiet interessati immedjati tagħha (kif rikonoxxut mill-involviment tal-kulleġġi tal-awtoritajiet għall-finijiet tal-ippjanar ta' rkupru, ippjanar ta' riżoluzzjoni u valutazzjonijiet ta' riżolvibbiltà) imma fis-CCPs kollha inklużi dawk li joperaw f'ġurisdizzjonijiet differenti, bħala riżultat tad-dipendenza tagħhom fuq sett komuni ta' gruppi bankarji li jaġixxu bħala membri importanti tal-ikklerjar u fornituri tas-servizz. Barra minn hekk, l-avvenimenti severi tas-suq assoċjati ma' falliment ta' CCP f'sitwazzjonijiet ta' riżoluzzjoni relatati mal-inadempjenza ta' membru jistgħu jaffettwaw diversi CCPs f'daqqa. F'dan l-isfond, l-ippjanar kredibbli għall-irkupru u r-riżoluzzjoni xieraq għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jista' ma jkunx jista' jintlaħaq billi wieħed jiffoka biss fuq CCPs individwali fuq bażi awtonoma, iżda għandhom ikunu kkoordinati mal-CCPs kollha tal-Unjoni.

Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu rrikonoxxuti l-interdipendenzi mill-qrib bejn l-irkupru tas-CCP u r-riżoluzzjoni minħabba li l-ippjanar tal-irkupru huwa parti integrali mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni tas-CCP. Barra minn hekk, l-ippjanar ta' rkupru jista' jiġi affettwat direttament mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni permezz ta' miżuri li jimmiraw biex jindirizzaw impedimenti possibbli għar-riżolvibbiltà. Pjanijiet ta' rkupru, u l-ftehimiet kuntrattwali relatati bejn is-CCPs u l-parteċipanti tal-ikklerjar, ukoll għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-“ebda kreditur ma jkun agħar” f'riżoluzzjoni b'referenza għall-insolvenza kontrofattwali. Finalment, huwa impossibbli li jiġu ddelinjati kompletament il-konfini bejn l-irkupru u r-riżoluzzjoni bil-quddiem. F'dan l-isfond, il-BĊE jikkunsidra li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha tkun fdata bl-iżvilupp ta' perspettiva olistika dwar il-kapaċità tal-pajżaġġ ċentrali tal-ikklerjar tal-Unjoni biex jiflaħ avvenimenti potenzjali tas-suq mifruxa fuq is-sistema kollha li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet “estremi imma plawsibbli” u li jinvolvu kemm xenarji ta' rkupru kif ukoll ta' riżoluzzjoni. Fit-twettiq ta' dan il-kompitu, l-ESMA għandha tikkoopera mill-qrib mas-SEBĊ, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti ta' superviżjoni prudenzjali tiegħu u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), minħabba l-implikazzjonijiet sinifikanti tal-irkupru u riżoluzzjoni tas-CCP għall-banek ċentrali fir-rwoli tagħhom bħala banek ċentrali ta' ħruġ u superviżuri kif ukoll għas-superviżuri bankarji.

1.2.4.

Ir-raba' nett, minħabba n-natura dejjem aktar transkonfinali tal-ikklerjar ċentrali u l-livell għoli tal-kompetizzjoni tas-suq, huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs bejn is-CCPs. Filwaqt li s-CCPs u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandu jkollhom flessibbiltà u diskrezzjoni xierqa fit-tfassil ta' pjanijiet individwali ta' rkupru u riżoluzzjoni, rispettivament, skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom, hemm bżonn ta' konsistenza ta' pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni f'termini ta' komprensività u rigorożità tal-approċċi integrati. Għalhekk, dawn il-pjanijiet għandhom ikunu konformi mal-istandards internazzjonali rilevanti (2). F'dan l-isfond, il-BĊE jissuġġerixxi t-titjib tar-regolament propost billi jiġi allinjat aħjar il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni u valutazzjonijiet ta' riżolvibbiltà għal CCPs tal-Unjoni ma' dak miftiehem u/jew li qed jiġi żviluppat fuq livell internazzjonali.

1.3.

Ir-Regolament propost japplika għas-CCPs kollha tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk għandhomx liċenzja bankarja jew le. Filwaqt li l-BĊE fil-prinċipju jappoġġja dan l-approċċ, ikun utli, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, li jkompli jiġi vvalutat jekk xi kjarifiki dwar l-applikazzjoni tar-regolament għas-CCPs b'liċenzja bankarja jistgħux ikunu ta' għajnuna, eż. fid-dawl ta' kwistjonijiet potenzjali li jinqalgħu fir-rigward tat-trattament ta' depożiti ta' parteċipanti protetti mid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fl-irkupru jew riżoluzzjoni tas-CCP.

1.4.

Fit-13 ta' Ġunju 2017 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal regolament li temenda kemm ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament ESMA”) kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament EMIR”) fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs stabbiliti fl-Unjoni, inkluż it-tisħiħ tar-rwol tal-bank ċentrali emittenti għal ċerti aspetti tas-superviżjoni tas-CCP u l-istabbiliment ta' Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA (6). Il-BĊE jenfasizza li din l-opinjoni hija bbażata fuq l-ambjent leġiżlattiv attwali tal-Unjoni u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-BĊE dwar miżuri futuri possibbli li jsaħħu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet superviżorji tas-CCP tal-bank ċentrali emittenti fil-livell tal-Unjoni. Wara li ngħad dan, il-BĊE jaqbel li modifiki mmirati jistgħu jkunu meħtieġa biex iqisu r-rwol il-ġdid tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP fil-kulleġġi taħt ir-Regolament EMIR u sussegwentement fil-kulleġġi tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huwa jappoġġa bis-sħiħ l-approċċ li matul il-finalizzazzjoni tar-regolament propost, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jivvalutaw bir-reqqa r-rwol potenzjali tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP biex jippromwovu l-konsistenza u l-interazzjoni effettiva tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni fis-CCPs u biex jimmonitorjaw u jtaffu l-implikazzjonijiet aggregati tar-riskju għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, skont l-osservazzjonijiet tal-BĊE fil-paragrafi 1.2.3 u 1.2.4.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Involviment tal-banek ċentrali fl-irkupru u r-riżoluzzjoni

2.1.1.   Arranġamenti għall-involviment tal-banek ċentrali

Nuqqas potenzjali tas-CCP jimplika riskji finanzjarji sinifikanti li, jekk ma jiġux immaniġġjati b'mod f'waqtu u effettiv, jistgħu joħolqu theddid serju għal infrastrutturi interdipendenti tas-suq finanzjarju u istituzzjonijiet finanzjarji li jipparteċipaw fi jew jipprovdu servizzi lil CCPs u fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jipperikolaw kemm l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll dik monetarja. L-arranġamenti xierqa ta' rkupru u riżoluzzjoni tas-CCP biex jiġi żgurat li dawn ir-riskji jiġu evitati b'mod effettiv u f'waqtu huma għalhekk ta' rilevanza diretta għar-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali biex jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika monetarja, u b'hekk jippromwovu l-operat bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas, jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja u, fejn ikun rilevanti, għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Barra minn hekk, il-banek ċentrali għandu jkollhom rwol prominenti kemm fid-disinn kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta' strateġiji ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni tas-CCP fil-kapaċità tagħhom bħala: (a) sorveljanti; (b) fornituri ta' ħlas kritiku u servizzi ta' ħlas lil CCPs; u (c) fornituri potenzjali ta' likwidità lil CCPs u/jew membri tal-ikklerjar ewlenin, li hija pprovduta fid-diskrezzjoni tal-banek ċentrali kkonċernati u skont ir-regoli rilevanti.

Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li l-ESMA tikkoopera għall-finijiet tar-regolament propost mhux biss mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-ABE, imma wkoll mal-BĊE/SEBĊ b'rabta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja u li tippromwovi l-operat bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas, u l-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (7). F'dan ir-rigward, banek ċentrali emittenti tal-UE u sorveljanti tas-CCP għandhom ikunu involuti fil-koperazzjoni orizzontali fir-rigward tal-irkupru u riżoluzzjoni tas-CCP madwar CCPs tal-Unjoni, kif spjegat fil-paragrafu 2.2 u l-iżvilupp ta' standards tekniċi regolatorji (RTS) għad-dettalji tekniċi ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni, valutazzjonijiet ta' riżolvibbiltà, u l-funzjonament tal-kulleġġi tar-riżoluzzjoni kif stabbiliti fil-paragrafi 2.2, 2.4 u 2.5.

2.1.2.   Arranġamenti għall-votazzjoni fil-kulleġġi tar-riżoluzzjoni

Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-regolament propost, l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi, tmexxi u tippresjedi kulleġġ ta' riżoluzzjoni li jinkludi, fost membri oħra, il-“banek ċentrali li joħorġu l-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji approvati” (8) u l-“awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri bl-ikbar kontribuzzjonijiet lill-fond ta' inadempjenza tas-CCP” (9).

Meta l-banek ċentrali tal-Eurosistema, li flimkien jiffurmaw il-“bank ċentrali emittenti” għall-euro, ikunu rrappreżentati mill-BĊE jew minn bank ċentrali nazzjonali (BĊN), u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma membri sinifikanti tal-membri tal-ikklerjar issir mill-BĊE, għandhom jinhemżu voti separati ma' dawn iż-żewġ rwoli. Kif diġà enfasizza l-BĊE (10), dawn iż-żewġ funzjonijiet huma distinti u jsegwu għanijiet differenti, kif rifless fis-separazzjoni operattiva bejn il-politika monetarja tal-BĊE u r-rwoli superviżorji prudenzjali.

2.1.3.   Il-banek ċentrali bħala parteċipanti tal-ikklerjar

Ir-regolament propost (11) jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri relatati mal-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' CCPs awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. B'implikazzjoni neċessarja, id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw mhux biss għas-CCPs iżda wkoll għal parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP, li jfisser membri tal-ikklerjar u klijenti (12). Fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom skont it-Trattat u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-membri tas-SEBĊ jistgħu jaġixxu kemm bħala membru tal-ikklerjar kif ukoll bħala klijent. Jekk l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeċiedu, fid-diskrezzjoni tagħhom, li jattivaw l-għodod ta' allokazzjoni u ta' pożizzjoni u telf skont ir-regolament propost, dan jimplika li l-banek ċentrali li jaġixxu bħala membri tal-ikklerjar tas-CCP jew klijenti b'rabta mal-operazzjonijiet statutorji tagħhom jipparteċipaw fil-qsim tat-telf finanzjarju. Dan ikun jinvolvi r-riskju li dan it-telf jista' jdgħajjef il-pożizzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-bank ċentrali u jikkomprometti r-reputazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-qafas propost għandu jqis il-karatteristiċi speċjali tal-banek ċentrali bħala parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-kawża ewlenija tan-nuqqas potenzjali ta' CCP, jiġifieri l-inadempjenza ta' wieħed jew aktar mill-membri tal-ikklerjar tiegħu. Il-banek ċentrali huma differenti minn parteċipanti oħra tal-ikklerjar tas-CCP, minħabba li l-banek ċentrali huma, minnhom innifishom, solventi u mhux suxxettibbli għal falliment, minħabba l-istatus speċjali tagħhom, li huwa marbut man-natura tal-mandat tagħhom li jaqa' taħt id-dritt pubbliku. Minħabba r-riskji limitati maħluqa mill-banek ċentrali bħala parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP, ċerti CCPs se jippermettu li l-banek ċentrali jiġu ammessi bħala membri tal-ikklerjar taħt kundizzjonijiet immodifikati. Huwa għalhekk diffiċli li jiġi aċċettat li l-parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP bħall-banek ċentrali, li ma joħolqux riskji għas-CCPs li jipparteċipaw fihom, għandhom ibatu l-ispejjeż assoċjati man-nuqqas ta' dawk is-CCPs, inkluż f'xenarju ta' riżoluzzjoni. Fl-aħħarnett, f'termini ta' konsistenza mal-għanijiet tar-regolament propost, huwa importanti li jiġi evitat li jinħolqu kwistjonijiet ta' periklu morali jew perċezzjonijiet żbaljati fir-rigward tar-rwol tal-banek ċentrali. Żieda fl-iskoperturi tal-membri tas-SEBĊ għal CCP li qed tfalli tikkontradixxi r-raġuni fundamentali tar-regolament propost, li hija li tiġi pprevenuta d-dipendenza fuq il-flus pubbliċi biex jiġi prekluż in-nuqqas ta' CCP. Għaldaqstant, il-BĊE jipproponi li l-membri tas-SEBĊ għandhom ikunu eżentati meta jaġixxu bħala parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP mill-għodod ta' allokazzjoni ta' pożizzjoni u telf stabbiliti fl-Artikoli 28 sa 31 tar-regolament propost.

2.1.4.   Il-banek ċentrali bħala awtoritajiet tar-riżoluzzjoni

Ir-regolament propost jipprovdi li l-BĊNi jistgħu jiġu nnominati bħala awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għas-CCPs (13). Fl-istess ħin, il-BĊNi għandhom rwol statutorju biex jippromwovu l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas u biex jikkontribwixxu għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, barra milli jipprovdu għarfien espert rilevanti dwar infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Minkejja dan ir-rwol statutorju eżistenti, fejn, abbażi tar-regolament propost, Stat Membru jaħtar BĊN bħala l-awtorità tar-riżoluzzjoni għas-CCPs, id-dettalji speċifiċi tal-għoti propost għal dak il-kompitu lill-BĊN għandhom jiġu evalwati mill-BĊE fil-konfront tal-projbizzjoni fuq il-finanzjament monetarju taħt l-Artikolu 123 tat-Trattat (14).

Barra minn hekk, għalkemm, skont ir-regolament propost, BĊN (fil-kapaċità tiegħu ta' awtorità ta' riżoluzzjoni) jista' jkollu, kompletament jew parzjalment, pont CCP (15), il-BĊN ma jistax jassumi jew jiffinanzja kwalunkwe obbligu tal-pont CCP. Ir-rwol tal-BĊN bħala sid ta' entità bħal din għandu, taħt iċ-ċirkostanzi kollha, jibqa' konsistenti mal-projbizzjoni fuq il-finanzjament monetarju skont l-Artikolu 123 tat-Trattat, u għandu jwettaq ir-rwol ta' sid mingħajr preġudizzju għall-indipendenza finanzjarja u istituzzjonali tiegħu (16). Bl-istess mod, il-BĊE jenfasizza li, f'konformità mal-Artikolu 123 tat-Trattat, li jipprojbixxi, inter alia, kwalunkwe finanzjament tal-obbligi tas-settur pubbliku fil-konfront ta' terzi, il-BĊNi ma jistgħu jiffinanzjaw l-ebda arranġament finanzjarju addizzjonali (17) meqjus meħtieġ biex jiżgura l-użu effettiv tal-għodod tar-riżoluzzjoni (18). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-banek ċentrali biex jiddeċiedu b'mod indipendenti u fid-diskrezzjoni sħiħa tagħhom, separatament mir-rwol potenzjali tagħhom bħala awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, dwar il-provvista ta' likwidità ta' bank ċentrali lil entitajiet solventi, skont ir-regoli rilevanti u fil-limiti imposti mill-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju taħt it-Trattat.

2.2.   Il-kulleġġi tal-EMIR, il-kulleġġi tar-riżoluzzjoni u l-kumitat tar-riżoluzzjoni tal-ESMA

Il-BĊE jappoġġa l-qafas ġenerali għat-tħaddim tal-kulleġġi EMIR u tal-kulleġġi tar-riżoluzzjoni għall-għanijiet ta' kooperazzjoni dwar ippjanar ta' rkupru, ippjanar ta' riżoluzzjoni, valutazzjonijiet ta' riżolvibbiltà u riżoluzzjoni. Madankollu, minħabba l-ħtieġa għall-involviment effettiv tal-banek ċentrali u s-superviżuri tal-banek, kemm fit-tfassil kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta' strateġiji ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni tas-CCP, il-BĊE jirrakkomanda li l-RTS li jispeċifikaw il-funzjonament tal-kulleġġi tar-riżoluzzjoni għandhom jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti ta' superviżjoni prudenzjali tiegħu, u l-ABE.

Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-paragrafu 1.2.3, l-arranġamenti għal kulleġġi fil-livell ta' kull CCP individwali għandhom jiġu kkumplimentati bi struttura orizzontali biex tikkunsidra arranġamenti ta' rkupru u riżoluzzjoni fi ħdan CCPs madwar l-Unjoni. Sabiex tippromwovi approċċi konsistenti u l-interazzjoni effettiva ta' arranġamenti ta' rkupru u riżoluzzjoni f'CCPs tal-Unjoni, l-ESMA għandha tivvaluta l-arranġamenti ta' rkupru u riżoluzzjoni tas-CCP f'termini tal-effett aggregat tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni permezz ta' ttestjar regolari tal-istress u eżerċizzji ta' simulazzjoni tal-kriżijiet fir-rigward tal-avvenimenti potenzjali tal-istress mas-sistema kollha. Valutazzjoni Kkombinata tal-impatt tal-arranġamenti ta' rkupru u riżoluzzjoni tas-CCP hija ġġustifikata fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-proċess ta' rkupru u riżoluzzjoni għas-CCPs. B'kuntrast mal-arranġamenti fis-seħħ għall-banek, ir-riżoluzzjoni tas-CCP tistrieħ kemm jista' jkun fuq il-proċess ta' rkupru. Skont ir-regolament propost, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni huma meħtieġa, suġġetti għal ċerti derogi, biex jinfurzaw l-obbligi kuntrattwali eżistenti jew pendenti tas-CCPs qabel ma jużaw kwalunkwe għodod ta' riżoluzzjoni (19). Barra minn hekk, fejn devjazzjoni mir-regoli operattivi ta' CCP f'riżoluzzjoni wasslet biex il-membri tal-ikklerjar tagħha jkunu agħar milli kienu jkunu f'likwidazzjoni, huma jkunu intitolati għal kumpens (20).

B'differenza mill-banek, is-CCPs ma jassumux ir-riskju finanzjarju huma stess imma jamministrawh f'isem il-membri tal-ikklerjar tagħhom, filwaqt li l-għodod ta' allokazzjoni ta' pożizzjoni u telf jiddependu essenzjalment fuq membri tal-ikklerjar ta' CCP. F'dan l-isfond, is-superviżuri u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għas-CCPs u s-superviżuri bankarji għandhom jikkooperaw mill-qrib fl-ippjanar ta' rkupru u riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-banek jistgħu jħejju b'mod xieraq u jamministraw obbligi relatati, u b'hekk inaqqsu wkoll ir-riskju li l-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP jistgħu jagħtu lok għal effetti ta' kontaġju fis-sistema finanzjarja usa'. Bl-istess mod, hemm il-ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib mal-banek ċentrali fir-rwoli tagħhom bħala banek ċentrali ta' ħruġ u sorveljanti, kif stabbilit fil-paragrafu 2.1.1. Għalhekk, fit-twettiq tal-kompiti orizzontali tiegħu fir-rigward tal-irkupru u l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, l-ESMA għandha tikkoopera mas-SEBĊ u s-superviżuri bankarji, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti superviżorji prudenzjali tiegħu. B'mod konsistenti ma' dan, ir-regolament propost għandu jinkludi b'mod iktar ġenerali rekwiżit biex l-ESMA tikkoopera mas-SEBĊ.

Fl-aħħarnett, jista' jkun hemm il-ħtieġa li terġa' tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-BĊE dwar l-awtorità li għandha tingħata mandat biex twettaq il-valutazzjoni orizzontali tal-arranġamenti ta' rkupru u riżoluzzjoni tas-CCP ladarba r-reviżjoni attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sorveljanza CCP mibdija bil-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2017 tkun ġiet iffinalizzata.

2.3.   Ippjanar ta' rkupru

2.3.1.   Kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru taħt ir-regolament propost jeħtieġ speċifikazzjoni iktar dettaljata. B'mod partikolari, l-għan ewlieni tal-ippjanar tal-irkupru għandu jkun speċifikat espressament f'termini li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' sett ta' għodod ta' rkupru li huwa komprensiv u effettiv biex jippermetti lil CCP talloka kwalunkwe telf skopert u tkopri nuqqasijiet ta' likwidità, tindirizza pożizzjonijiet żbilanċjati u tkabbar riżorsi finanzjarji, inkluż il-kapital proprju tas-CCP, sabiex tkun tista' tkompli tipprovdi servizzi kritiċi.

B'mod ġeneralment konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-regolament propost dwar il-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni (21), CCPs għandhom bħala minimu jintalbu jiddifferenzjaw ukoll fil-pjanijiet ta' rkupru tagħhom bejn xenarji potenzjali ta' stress li huma dovuti għal inadempjenza ta' membru tal-ikklerjar u dawk li huma dovuti għal raġunijiet oħra, u biex jikkunsidraw taħlita ta' dawn ix-xenarji ta' rkupru u avvenimenti potenzjali fis-sistema kollha. Fir-rigward tat-telf relatat mal-inadempjenza, ikun importanti li jiġi żgurat li x-xenarji riflessi huma severi biżżejjed, u s-CCPs għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jqisu l-inadempjenza potenzjali ta' aktar minn tnejn mill-ikbar membri tal-ikklerjar tagħhom. Fir-rigward tat-telf mhux inadempjenti, is-CCPs għandhom, skont ir-rapport tal-2017 dwar l-irkupru adottata mis-CPMI u l-IOSCO (22), ikunu meħtieġa espliċitament jikkunsidraw telf ta' investiment, telf kummerċjali ġenerali u, fejn applikabbli, riskji assoċjati man-nuqqas ta' terza parti li twettaq funzjoni kritika għas-CCP.

Barra minn hekk, b'mod konsistenti mar-rekwiżiti tar-regolament propost għal pjanijiet ta' riżoluzzjoni (23), għandu jkun espressament speċifikat li l-pjanijiet ta' rkupru għandhom jassumu mhux biss l-assenza ta' appoġġ finanzjarju straordinarju pubbliku, iżda wkoll in-nuqqas ta' assistenza ta' likwidità ta' emerġenza ta' bank ċentrali, jew assistenza ta' likwidità ta' bank ċentrali pprovduta taħt kollateralizzazzjoni, natura jew termini tar-rata tal-imgħax mhux standard.

Ir-rekwiżiti għall-pjanijiet ta' rkupru biex jikkunsidraw l-interessi tal-partijiet interessati kollha li x'aktarx jiġu affettwati mill-pjan u biex jiġi żgurat li l-membri tal-ikklerjar ma jkollhomx skoperturi illimitati lejn is-CCP, għandhom jiġu mċaqalqa mill-anness tat-test ewlieni tar-regolament propost minħabba n-natura essenzjali ta' dawn ir-rekwiżiti.

Fl-aħħarnett, is-sekwenzar ta' għodod ta' allokazzjoni ta' telf fil-pjanijiet ta' rkupru għandu jiġi speċifikat. Meta wieħed iqis kemm huwa kruċjali li l-parteċipanti tal-ikklerjar ikunu f'pożizzjoni li jkejlu, jimmaniġġjaw u jikkontrollaw l-iskoperturi potenzjali tagħhom fl-irkupru sa fejn hu possibbli, għodod li jistgħu jiġu kkwantifikati b'mod sħiħ ex ante (bħal sejħiet fi flus kontanti limitati) għandhom jiġu pprijoritizzati fuq għodod ta' allokazzjoni ta' telf ieħor fejn l-ammonti eventwali involuti jiddependu ħafna fuq il-movimenti tas-suq u l-pożizzjonijiet miżmuma f'punt inċert fil-futur meta jinbeda l-irkupru.

2.3.2.   Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru

Il-BĊE jilqa' r-rwol tal-awtorità tar-riżoluzzjoni fl-eżami tal-pjan ta' rkupru sabiex tidentifika kwalunkwe miżura li tista' taffettwa b'mod negattiv ir-riżolvibbiltà tas-CCP u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti (24). Din hija salvagwardja kritika meta jitqies li l-pjanijiet ta' rkupru tas-CCP huma meħuda bħala l-punt tat-tluq għar-riżoluzzjoni tas-CCP. Sabiex jiġi żgurat li din id-dispożizzjoni taħdem b'mod effettiv, il-BĊE jirrakkomanda li jiġi ċċarat li r-reviżjoni tal-awtorità tar-riżoluzzjoni tista' sseħħ mhux biss fil-kuntest tal-approvazzjoni inizjali tal-pjan ta' rkupru, imma wkoll fi stadju iktar tard, meta l-awtorità tar-riżoluzzjoni tmexxi jew taġġorna l-valutazzjoni tagħha tar-riżolvibbiltà tas-CCP. Dan huwa importanti peress li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni x'aktarx li jwettqu l-ippjanar tar-riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà tagħhom wara li l-pjan ta' rkupru tas-CCP ikun ġie ffinalizzat.

2.3.3.   Proċedura ta' koordinazzjoni għal pjanijiet ta' rkupru

Il-BĊE jikkunsidra li l-proċedura tal-votazzjoni relatata mal-pjanijiet ta' rkupru, li għandha tintuża mill-kulleġġi stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (25), għandha tkun allinjata mal-proċedura għal opinjonijiet tal-kulleġġ stabbilita fl-Artikolu 17(4) u 19 ta' dak ir-Regolament. Biex jiġi speċifikat li l-votazzjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-kulleġġ se tkun meħtieġa biex tinbeda l-medjazzjoni tal-ESMA jekk deċiżjoni unanima tal-kulleġġ ma tistax tintlaħaq f'perjodu predeterminat (26) x'aktarx li tkun iktar effettiva fit-trawwim ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'waqtu mill-kulleġġ u t-tnaqqis tal-ħtieġa għal medjazzjoni mill-ESMA biex tintlaħaq opinjoni tal-kulleġġ. Barra minn hekk, dan l-approċċ isaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti relevanti kollha li jistgħu jiġu affettwati mid-deċiżjoni tal-kulleġġ.

2.4.   Ippjanar ta' riżoluzzjoni

2.4.1.   Kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni

F'konformità mas-suġġerimenti tal-BĊE għall-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru stabbiliti fil-paragrafu 2.3.1, il-BĊE jikkunsidra li l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiddifferenzjaw iktar ix-xenarji ta' falliment li mhumiex relatati mal-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar (27). Bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni jkunu adegwati għax-xenarji rilevanti kollha li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet “estremi imma plawżibbli”, il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu, f'termini ta' xenarji ta' falliment relatati man-nuqqas, iqis mhux biss in-nuqqas tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP (28), iżda wkoll l-inadempjenza ta' mill-inqas it-tliet membri tal-ikklerjar li għalihom is-CCP għandha l-akbar skoperturi, meta jitqies li CCPs huma diġà meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex iżommu biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jifilħu l-inadempjenza potenzjali ta' mill-inqas iż-żewġ membri tal-ikklerjar li għalihom is-CCP għandha l-akbar skoperturi.

Il-BĊE jilqa' r-rekwiżit biex pjan ta' riżoluzzjoni li ma jassumix appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, assistenza ta' likwidità ta' emerġenza tal-bank ċentrali jew assistenza ta' likwidità ta' bank ċentrali pprovduta b'kollateralizzazzjoni mhux standard, in-natura u termini ta' mgħax (29). Fl-istess ħin, minħabba l-importanza tal-preklużjoni tat-telf potenzjali tal-kontribwenti fir-riżoluzzjoni, il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jirrikjedi espressament ukoll awtorità ta' riżoluzzjoni li tagħmel assunzjonijiet prudenti dwar ir-riżorsi finanzjarji li jistgħu jkunu meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u r-riżorsi li tistenna li jkunu disponibbli taħt ir-regoli u l-arranġamenti tas-CCP fiż-żmien tad-dħul fir-riżoluzzjoni.

Sabiex tiġi żgurata konsistenza aħjar bejn l-aspetti ewlenin tal-pjan ta' riżoluzzjoni (30) u l-istandards internazzjonali, il-BĊE jirrakkomanda li jiżdiedu l-punti li ġejjin mal-kontenut minimu tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

Stima tal-qafas ta' żmien għar-riforniment tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP (i.e. fond ta' inadempjenza u kapital regolatorju).

Deskrizzjoni tal-approċċ ġenerali u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet segwiti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni f'oqsma ewlenin ta' riżoluzzjoni bl-għan li jitrawwem ippjanar u trasparenza tal-partijiet interessati dwar azzjonijiet ta' riżoluzzjoni prospettivi (31). Dan għandu jinkludi: (a) l-approċċ prospettiv tal-awtorità tar-riżoluzzjoni għall-attivazzjoni tar-riżoluzzjoni, inklużi indikaturi ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-awtorità tar-riżoluzzjoni jekk ipoġġux is-CCP f'riżoluzzjoni f'tipi differenti ta' xenarji ta' riżoluzzjoni relatati ma' inadempjenza u assenza ta' inadempjenza; u (b) sal-punt li l-awtorità tar-riżoluzzjoni teħtieġ li titbiegħed mir-regoli u l-arranġamenti tas-CCP, l-approċċ ġenerali li l-awtorità tar-riżoluzzjoni tistenna li ssegwi fil-kalkolu u l-allokazzjoni tat-telf, inkluża l-għażla preżunta u s-sekwenzar ta' għodod ta' allokazzjoni ta' telf differenti, u kif l-awtorità tar-riżoluzzjoni tistenna li tapplika s-salvagwardja ta' “l-ebda kreditur agħar milli f'insolvenza” u tivvaluta t-telf taħt il-kontrofattwali għal dawn l-għanijiet.

Deskrizzjoni tal-arranġamenti fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-kulleġġ tar-riżoluzzjoni matul ir-riżoluzzjoni (32).

Il-BĊE jilqa' l-fatt li r-regolament propost jipprovdi għall-iżvilupp ta' RTS għad-dettalji tekniċi tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni (33). Madankollu, il-BĊE jenfasizza li dawn l-RTS għandhom jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti ta' superviżjoni prudenzjali tiegħu, u l-ABE. L-involviment tas-SEBĊ huwa partikolarment importanti minħabba r-rwol ewlieni li l-banek ċentrali ta' ħruġ għandhom fl-iffaċilitar ta' aċċess kontinwu għal ħlasijiet u servizzi ta' saldu kritiċi u fl-għoti ta' likwidità skont il-mandati rispettivi tagħhom.

2.4.2.   Proċedura ta' koordinazzjoni għal pjanijiet ta' riżoluzzjoni

F'konformità mas-suġġerimenti tal-BĊE għall-proċedura ta' koordinazzjoni għall-pjanijiet ta' rkupru stabbiliti fil-paragrafu 2.3.3, il-BĊE jikkunsidra li l-proċedura tal-votazzjoni li għandha tintuża mill-kulleġġ tar-riżoluzzjoni b'rabta mal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni (34) għandha tkun allinjata mal-proċedura stabbilita fl-17(4) u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.5.   Riżolvibbiltà

2.5.1.   Kontenut tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà

Il-BĊE jikkunsidra li l-aspetti tekniċi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni meta tkun qed tevalwa r-riżolvibbiltà ta' CCP għandhom jiġu stabbiliti f'RTS u mhux f'anness mar-regolament propost (35). Dawn l-RTS għandhom jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti ta' superviżjoni prudenzjali tiegħu, u l-ABE.

Il-BĊE jilqa' s-setgħa tal-awtorità tar-riżoluzzjoni li teħtieġ CCP li twarrab riżorsi biex iżżid il-kapaċità għal assorbiment ta' telf, rikapitalizzazzjoni u riforniment ta' riżorsi prefinanzjati, jekk il-finanzjament disponibbli għar-riżoluzzjoni jitqies insuffiċjenti (36). Sabiex jingħata seħħ lil din is-setgħa, l-RTS dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandha tispeċifika kriterji minimi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni meta jkunu qed jivvalutaw l-adegwatezza tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni ta' CCP. Dan l-aspett bħalissa mhux kopert mir-regolament propost (37). Bħala minimu l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin (38):

fil-każ ta' xenarji ta' riżoluzzjoni relatati mal-inadempjenza: (a) il-karatteristiċi tar-riskju, il-kumplessità u l-inċertezzi tal-prezzijiet tal-prodotti kklerjati, u l-marġini potenzjali ta' żball relatat fil-kalkoli tal-marġini inizjali u tal-varjazzjoni; (b) id-daqs, l-istruttura u l-likwidità tas-suq sottostanti f'kundizzjonijiet ta' stress; (ċ) in-numru ta' inadempjenzi tal-membri tal-ikklerjar li jkunu koperti minn riżorsi disponibbli prefinanzjati u impenjati taħt kondizzjonijiet “estremi imma plawżibbli”; (d) id-disponibbiltà u l-impatt potenzjali fuq il-parteċipanti tal-ikklerjar affettwati ta' għodod bħat-terminazzjoni parzjali u haircuts ta' kisbiet ta' marġni ta' varjazzjoni; u (e) il-kredibbiltà ta' arranġamenti mhux iffinanzjati biex jintlaħqu l-ħtiġijiet potenzjali tas-CCP; u

barra minn hekk, u għat-tipi kollha ta' telf, is-sostitwibbiltà tas-CCP fis-swieq li sservi, u l-kredibbiltà ta' kwalunkwe arranġament addizzjonali, bħal ftehimiet ta' assigurazzjoni jew garanziji tal-ġenituri, li jistgħu jkunu disponibbli biex jindirizzaw telf ta' kreditu mhux kopert.

Barra minn hekk, minħabba li kwalunkwe rekwiżit minn awtorità ta' riżoluzzjoni, skont il-punt (I) tal-Artikolu 17(7) għal CCP li toħroġ obbligazzjonijiet li kapaċi jkunu suġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna bħala strument li jassorbi t-telf jista' jkun diffiċli li jiġi rrikonċiljat mar-rwol u l-mudell tan-negozju tas-CCPs bħala maniġers tar-riskju, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa qabel ma jsir użu ta' din is-setgħa.

Fl-aħħar nett, fit-tfassil tal-RTS dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, l-ESMA għandha tqis valutazzjonijiet jew rapporti futuri mfassla mill-FSB dwar riżorsi finanzjarji għar-riżoluzzjoni tas-CCP (39).

2.5.2.   Proċedura ta' koordinazzjoni għal valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà

F'konformità mas-suġġerimenti tal-BĊE għall-proċedura ta' koordinazzjoni għall-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni stabbiliti fil-paragrafi 2.3.3 u 2.4.2, il-BĊE jikkunsidra li l-proċedura tal-votazzjoni li għandha tintuża mill-kulleġġ tar-riżoluzzjoni b'rabta mal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà (40) għandha tkun allinjata mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(4) u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.6.   Riżoluzzjoni

2.6.1.   Għanijiet tar-riżoluzzjoni

Il-BĊE jikkunsidra li l-għan tar-riżoluzzjoni li jirreferi għall-protezzjoni tal-fondi pubbliċi billi jimminimizza d-dipendenza ta' appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju (41) għandu jiġi estiż biex jinkludi referenza espliċita biex jiġi minimizzat ir-riskju ta' telf ta' kontribwenti potenzjali, minħabba li arranġamenti ta' finanzjament pubbliku temporanji jistgħu jiġu mfassla b'modi differenti f'termini tas-salvagwardji tagħhom biex jitnaqqsu r-riskji potenzjali għall-kontribwenti.

2.6.2.   Kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni

Peress li l-konfini bejn l-irkupru u r-riżoluzzjoni huwa diffiċli ħafna biex jiġi ddeterminat u d-dħul ex ante u f'waqtu fir-riżoluzzjoni huwa essenzjali biex tiġi żgurata riżoluzzjoni effettiva u tiġi evitata kull qerda żejda ta' valur ekonomiku, huwa kruċjali li awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkooperaw mill-qrib fil-proċess lejn ir-riżoluzzjoni. Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra li l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-awtorità tar-riżoluzzjoni, mingħajr dewmien u fuq l-inizjattiva tagħha stess, b'kull informazzjoni li tista' tissuġġerixxi li s-CCP qed tfalli jew x'aktarx tfalli u mhux taġixxi biss b'reazzjoni għal talbiet għal informazzjoni mill-awtorità tar-riżoluzzjoni (42).

Barra minn hekk, minħabba l-għan li tinżamm l-istabbiltà sistemika, prijorità fl-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP hija li jiġi evitat telf imprevedibbli u sinifikanti għall-parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCPs. L-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP mhux ser ikunu effettivi jekk ikunu ibbażati primarjament fuq l-aspettattiva li l-parteċipanti tal-ikklerjar ikunu jistgħu jġorru obbligi sinifikanti ta' ħlas. Il-falliment potenzjali ta' parteċipanti oħra tal-ikklerjar minħabba skoperturi f'daqqa li mhumiex kapaċi jimmaniġġjaw jista' jħarrax l-piżijiet eżistenti fis-sistema finanzjarja, speċjalment minħabba l-interkonnettività tas-CCPs. L-iskjerament ta “għodod ta' allokazzjoni ta' telf assoċjati ma” spejjeż sinifikanti ħafna u imprevedibbli għall-parteċipanti tal-ikklerjar għandu għalhekk jiġi eżerċitat preferibbilment mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u mhux mis-CCP stess waqt l-irkupru. L-awtorità tar-riżoluzzjoni x'aktarx tkun f'pożizzjoni aħjar mis-CCP biex tiżen l-implikazzjonijiet ta' kors partikolari ta' azzjoni għall-istabbiltà finanzjarja. F'dan l-isfond, il-BĊE jirrakkomanda li jiġi ċċarat fir-regolament propost li l-awtorità tar-riżoluzzjoni hija awtorizzata li tieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni f'każijiet fejn is-CCP: (a) mhijiex kapaċi jew aktarx mhux ser tkun kapaċi tirritorna għal ktieb imqabbel u li talloka telf skopert; jew (b) tkun tista' tirritorna biss għal ktieb imqabbel u talloka telf skopert b'azzjonijiet ta' rkupru li jistgħu joħolqu telf sinifikanti u imprevedibbli għall-parteċipanti tal-ikklerjar tas-CCP.

2.6.3.   Għodod ta' riżoluzzjoni

Sabiex jiġi prekluż il-periklu morali u jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf potenzjali ta' kontribwenti, l-użu ta' għodod ta' stabbilizzazzjoni tal-gvern (43) għandu mhux biss ikun suġġett għal approvazzjoni taħt il-qafas tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat (44), iżda għandu jkun ukoll dipendenti fuq mekkaniżmi kredibbli għall-ikupru ta' kwalunkwe riżorsi pprovduti.

Fir-rigward tal-għodod tal-allokazzjoni tal-pożizzjoni, il-BĊE jikkunsidra li t-terminazzjoni parzjali għandha fil-prinċipju tiġi pprijoritizzata fuq it-terminazzjoni sħiħa, minħabba l-għan ewlieni tar-riżoluzzjoni li tinżamm il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP. Għalhekk jirrakkomanda li t-terminazzjoni kompleta tiġi applikata biss f'sitwazzjonijiet fejn l-awtorità tar-riżoluzzjoni tikkunsidra li l-ebda għażla oħra ma tirriżulta f'eżitu aħjar għall-istabbiltà finanzjarja.

2.6.4.   Finanzjament ta' riżoluzzjoni

Minħabba l-għan ewlieni tar-regolament propost biex jiġi evitat telf ta' kontribwenti fir-riżoluzzjoni tas-CCP, il-BĊE jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet dwar għodda ta' stabbilizzazzjoni tal-gvern ma jiċċarawx biżżejjed il-garanziji meħtieġa. Bħala minimu, u kif stipulat fil-gwida internazzjonali mill-FSB (45), ir-regolament propost għandu jinkludi bħala l-aħħar rimedju, fost il-kundizzjonijiet għall-użu ta' għodod ta' stabbilizzazzjoni tal-gvern, rekwiżit għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex: (a) jiddefinixxu skeda ta' żmien ċara għall-irkupru ta' kwalunkwe riżorsi pprovduti; u (b) jiżguraw li jkun hemm arranġamenti effettivi u kredibbli għall-irkupru ta' dawn ir-riżorsi. F'dan il-kuntest, il-BĊE jikkunsidra wkoll li l-irkupru tal-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-użu tal-għodod tal-istabbilizzazzjoni (46) tal-gvern għandu jitwessa'. Il-BĊE jappoġġja l-proposta eżistenti li l-ispejjeż għandhom jiġu rkuprati fl-ewwel istanza mis-CCP taħt riżoluzzjoni, ix-xerrej tagħha jew mir-rikavati ġġenerati bħala riżultat tat-terminazzjoni ta' entità pont. Madankollu, dawn is-sorsi jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż kollha mġarrba. Għalhekk, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom ukoll ikunu mitluba jfittxu l-irkupru ex post ta' fondi pubbliċi mill-membri tal-ikklerjar skont ir-regoli u l-arranġamenti tas-CCP, filwaqt li jnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

2.7.   Prinċipju ta' “ebda kreditur agħar milli f'insolvenza”

Il-prinċipju tal-“ebda kreditur agħar milli f'insolvenza” (no-creditor-worse-off-than-insolvency – NCWO) huwa salvagwardja kritika biex jiġi żgurat li l-parteċipanti tas-CCP, l-azzjonisti u kredituri oħra ma jiġux ittrattati b'mod inqas favorevoli f'riżoluzzjoni milli taħt xenarju alternattiv ipotetiku fejn l-awtorità tar-riżoluzzjoni ma kinitx tintervjeni u s-CCP kienet tkun illikwidata skont il-liġi tal-insolvenza applikabbli. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-metodoloġija ta' valutazzjoni sottostanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju NCWO tirrifletti sew il-valur ġust tal-kontinwità tan-negozju konservata mir-riżoluzzjoni tas-CCP sabiex jiġu evitati pretensjonijiet ta' kumpens eċċessivi mill-partijiet interessati rilevanti. Il-ħtieġa għal approċċ ġust u bbilanċjat f'dan ir-rigward hija enfasizzata mir-riskji relatati għas-settur pubbliku, bil-piż finanzjarju fl-aħħar mill-aħħar jitħallas mill-kontribwenti. Il-kunsiderazzjoni xierqa tal-valur ġust tal-kontinwità tan-negozju konservata mir-riżoluzzjoni tas-CCP hija kunsiderazzjoni essenzjali fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tas-CCP, li tkun prevista biss li sseħħ f'avvenimenti tas-suq eċċezzjonalment severi, fejn it-tħarbit tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP x'aktarx ikun assoċjat ma' qerda fuq skala kbira ta' valur finanzjarju u opportunitajiet limitati ħafna għal alternattivi bilaterali tal-ikklerjar.

F'dan l-isfond, il-BĊE jikkunsidra li valutazzjoni ġusta tas-CCP għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-“ebda kreditur agħar milli fl-insolvenza” għandha tkun mhux biss imwettqa f'termini tal-assi u l-obbligazzjonijiet riflessi fuq il-karta tal-bilanċ tas-CCPs fil-mument meta tiġi attivata r-riżoluzzjoni, imma jeħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni aktar komprensiva u realistika tal-valur tas-CCP f'każ tal-likwidazzjoni tagħha, wara li jitqiesu għal kollox it-telf, l-ispejjeż ta' sostituzzjoni, u l-qerda tal-valur li jirriżultaw mill-għeluq tas-servizz jew il-likwidazzjoni tas-CCP.

2.8.   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta' abbozzar

Meta l-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmula fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Settembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2016) 856 finali.

(2)  Għal standards internazzjonali dwar l-irkupru ta' infrastrutturi tas-suq finanzjarju, ara r-rapport mill-Bank għal Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) l-Kumitat dwar Pagamenti u Infrastrutturi tas-Suq (CPMI) u l-Bord tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) “Recovery of financial market infrastructures – Revised Report” (2017), disponibbli fuq il-websajt tal-BIS fuq www.bis.org. Għal standards internazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni ta' infrastrutturi tas-suq finanzjarju, ara l-gwida stabbilita mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) fl-Appendiċi II-Anness 1 - Resolution of Financial Market Infrastructures (FMIs) and FMI Participants annexed to Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions (2014) [Riżoluzzjoni tal-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (FMIs) u Parteċipanti tal-IMF annessi ma' Attributi Ewlenin ta' Istituzzjonijiet (2014)], disponibbli fuq il-websajt tal-FSB fuq www.fsb.org. L-FSB ħareġ gwida iktar granulari f' “Guidance on Central Counterparty Resolution and Resolution Planning” f'Lulju 2017. Dan id-dokument huwa disponibbli wkoll fil-websajt tal-FSB.

(3)  Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(4)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta' CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi, COM(2017) 331 finali.

(7)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(8)  Ara l-Artikolu 4(2)(h) tar-regolament propost.

(9)  Ara l-Artikolu 4(2)(c) tar-regolament propost.

(10)  Ara r-risposta tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(11)  Ara l-Artikolu 1 tar-regolament propost.

(12)  Ara l-punt (17) tal-Artikolu 2 tad-direttiva proposta.

(13)  Ara l-Artikolu 3(1) tar-regolament propost.

(14)  Ara l-paragrafi 2.2 u 2.3 tal-Opinjoni CON/2017/2. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(15)  Ara l-Artikolu 42(2) tar-regolament propost.

(16)  Ara l-paragrafu 3.3 tal-Opinjoni CON/2012/99 tal-Bank Ċentrali tad-29 ta' Novembru 2012 dwar proposta għal direttiva li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (ĠU C 39, 12.2.2013, p. 1).

(17)  Ara l-Artikolu 44 tar-regolament propost.

(18)  Ara paragrafu 3.4 ta' Opinjoni CON/2012/99.

(19)  Ara l-Artikolu 27(3) u (4) tar-regolament propost.

(20)  Ara l-Artikolu 27(5) tar-regolament propost.

(21)  Ara l-Artikolu 13(3) tar-regolament propost.

(22)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2.

(23)  Ara l-Artikolu 13(4) tar-regolament propost.

(24)  Ara l-Artikolu 10(4) tar-regolament propost.

(25)  Ara l-Artikolu 12(2) sa (5) tar-regolament propost.

(26)  Dan jimplika li jekk il-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-kulleġġ esprimew opinjoni negattiva dwar il-pjan ta' rkupru, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet ikkonċernati tista' tittrasferixxi l-kwistjoni lill-ESMA għal medjazzjoni.

(27)  Ara l-Artikolu 13(3) tar-regolament propost.

(28)  Ara l-Artikolu 13(3)(a)(i) tar-regolamenti proposti.

(29)  Ara l-Artikolu 13(4) tar-regolament propost.

(30)  Ara l-Artikolu 13(6) tar-regolament propost.

(31)  Ara t-taqsima 7.5 (i) u (v) tar-rapport “Guidance on Central Counterparty Resolution and Resolution Planning” tal-FSB.

(32)  Ibid., sezzjoni 7.5 (xiii).

(33)  Ara l-Artikolu 13(8) tar-regolament propost.

(34)  Ara l-Artikolu 15 tar-regolament propost.

(35)  Ara l-Artikolu 16(4) tar-regolament propost.

(36)  Ara l-Artikolu 17(7)(l) tar-regolament propost.

(37)  Ara t-Taqsima C tal-Anness tar-regolament propost dwar kwistjonijiet li l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tikkunsidra meta tivvaluta r-riżolvibbiltà ta' CCP.

(38)  Ara t-taqsima 6 tar-rapport “Guidance on Central Counterparty Resolution and Resolution Planning” tal-FSB.

(39)  L-FSB ser ikompli l-ħidma tiegħu dwar ir-riżorsi finanzjarji għar-riżoluzzjoni tas-CCP u, abbażi ta' aktar analiżi u esperjenza miksuba fl-ippjanar ta' riżoluzzjoni, jiddetermina sa tmiem l-2018 jekk hemmx bżonn ta' xi gwida addizzjonali. Ara l-introduzzjoni tar-rapport FSB msemmija fin-nota 2.

(40)  Ara l-Artikolu 18 tar-regolament propost.

(41)  Ara l-Artikolu 21(1)(d) tar-regolament propost.

(42)  Ara l-Artikolu 22(1) tar-regolament propost.

(43)  Ara l-Artikolu 27 tar-regolament propost.

(44)  Dan huwa mifhum, skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(53) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190), bħala l-“qafas stabbilit mill-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE u regolamenti u l-atti kollha tal-Unjoni, inklużi linji gwida, komunikazzjonijiet u avviżi, magħmula jew adottati skont l-Artikolu 108(4) jew l-Artikolu 109 TFUE”.

(45)  Ara t-taqsima 6 tar-rapport “Guidance on Central Counterparty Resolution and Resolution Planning” tal-FSB.

(46)  Ara l-Artikolu 27(9) tar-regolament propost.


Top