EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AB0006

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 fuq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (CON/2019/6)

OJ C 84, 6.3.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta' Frar 2019

fuq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(CON/2019/6)

(2019/C 84/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-19 ta' Diċembru 2018 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja għal opinjoni dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa 'l quddiem “id-Deċiżjoni proposta”) (1).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi d-Deċiżjoni proposta għandha x'taqsam mal-BĊE u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Il-BĊE jieħu nota tad-Deċiżjoni proposta, li tapprova l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom). B'mod partikolari, l-BĊE jieħu nota tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq ir-rimborż tal-kapital mħallas ipprovdut mill-Bank of England lill-BĊE (2), u l-parteċipazzjoni tal-Bank of England fl-arranġamenti istituzzjonali stabbiliti fl-Artikoli 282 u 283 TFUE u l-iStatut tas-Sistema Ewropea ta Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa 'l quddiem “l-iStatut tas-SEBĊ”) waqt il-perijodu tranżitorju (3). Il-BĊE jieħu nota ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar l-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni fir-Renju Unit (4); l-applikazzjoni ta' ċerti artikoli tal-iStatut tas-SEBĊ fir-rigward il-BĊE fir-Renju Unit (5); u l-applikazzjoni ta' ċerti privileġġi u immunitajiet tal-BĊE, il-membri tal-organi tiegħu, tal-persunal tiegħu, u r-rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fis-SEBĊ fir-Renju Unit (6).

2.

Skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom li jqisu l-qafas għar-relazzjoni futura tagħhom. Il-konklużjoni tal-ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit ser iseħħ wara li r-Renju Unit isir pajjiż terz. Skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) TFUE u l-każistika relevanti tal-Unjoni (7), il-BĊE għandu jiġi ikkonsultat fuq il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit safejn dan jaqa' fl-oqsma tal-kompetenza tal-BĊE.

3.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi Kumitat Konġunt li ser ikun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Id-Deċiżjoni proposta tiċċara li l-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt u l-kumitati speċjalizzati tiegħu (8). F'każijiet varji speċifikati fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt ser ikollu l-poter li jadotta deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u r-Renju Unit, u l-Unjoni u r-Renju Unit ikollhom jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet (9). Skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tal-TFUE, u l-prinċipju ta kooperazzjoni leali taħt l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat fuq deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jaqgħu fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

4.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi li ċerti privileġġi u immunitajiet applikabbli lill-Unjoni ser japplikaw fir-rigward tal-BĊE, tal-membri tal-organi tiegħu, tal-persunal tiegħu, u tar-rappreżentanti tal-BĊN fis-SEBĊ li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-BĊE (10). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jimponi rekwiżiti diversi fuq l-Unjoni biex tinforma jew tinnotifika lir-Renju Unit fir-rigward ta' ċertu kwistjonijiet relevanti għal dawn il-privileġġi u l-immunitajiet (11). Fil-memorandum ta' spjegazzjoni għad-Deċiżjoni proposta, il-Kummissjoni iċċarat li l-għoti ta' tali informazzjoni jew notifiki għandu jsir, fil-prinċipju, mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni, jekk ikun meħtieġ abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri jew istituzzjonijiet oħra jew korpi jew entitajiet tal-Unjoni rilevanti (12). Il-BĊE jinnota din il-kjarifika, u lest li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti biex tiġi trasmessa lir-Renju Unit kif xieraq.

Din l-opinjoni ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta' Frar 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2018) 834 final.

(2)  Ara l-Artikolu 149 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)  Ara l-Artikolu 128(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(4)  Ara l-Artikolu 122 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(5)  Ara l-Artikolu 123 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(6)  Ara l-Artikolu 117 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(7)  Ara, per eżempju, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 1974, R. & V. Haegeman v Stat Belġjan, Kawża C-181/73, ECLI:EU:C:1974:41, paragrafu 5; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Awwissu 1994, ir-Repubblika Franċiża v il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Kawża C-327/91, ECLI:EU:C:1994:305, paragrafi 15 sa 17. Ara ujoll Opinjoni tal-BĊE CON/2005/7. Kull opinjoni tal-BĊE tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

(8)  Ara l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni proposta.

(9)  Ara l-Artikoli 164 u 166 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(10)  Ara l-Artikolu 117 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(11)  Ara, per eżempju, l-Artikoli 102, 103, u 116(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(12)  Ara paġna 4 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni.


Top