EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0015(01)

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar il-ħruġ ta' bankonoti ta' l-euro (BĊE/2001/15)

OJ L 337, 20.12.2001, p. 52–54 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Estonian: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Latvian: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Lithuanian: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Hungarian Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Maltese: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Polish: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Slovak: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56
Special edition in Slovene: Chapter 10 Volume 003 P. 54 - 56

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010; Imħassar b' 32010D0029(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/913/oj

32001D0913



Official Journal L 337 , 20/12/2001 P. 0052 - 0054


Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

tas-6 ta' Diċembru 2001

dwar il-ħruġ ta' bankonoti ta' l-euro

(BĊE/2001/15)

(2001/913/KE)

IL-KUNSILL LI JIRREGOLA L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ it-"Trattat") u partikolarment l-Artikolu 106(1) miġjub fih, u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa 'l quddiem imsejjaħ l-"Istatut"), u partikolarment l-Artikolu 16 miġjub fih,

Billi:

(1) Taħt l-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut, il-Kunsill li Jirregola tal-Bank Ċentrali Ewropea (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' bankonoti fil-Komunita; taħt dawn id-dispożizzjonijiet, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) jistgħu joħorġu bankonoti li huma l-uniċi bankonoti li għandhom l-istatus ta' muniti legali ġewwa l-Istati Membri parteċipanti. Il-liġi Komunitarja ipprevediet sistema ta' pluralita ta' dawk li joħorġu l-bankonoti. IL-BĊE u l-BĊN għandhom joħorġu bankonoti ta' l-euro.

(2) Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-dħul ta' l-euro [1] mill-1 ta' Jannar 2002, il-BĊE u l-BĊN (minn issa 'l quddiem imsejjħa bħala s-"Sistema Euro") joħorġu fiċ-ċirkolazzjoni bankonoti denominati fl-euro. Bankonoti ta' l-euro huma espressjonijiet ta' l-istess munita waħdiena, u suġġetti għal reġim legali waħdani.

(3) Il-ħruġ ta' bankonoti ta' l-euro ma jeħtieġx li jiġi soġġett għal limiti kwantitattivi jew limiti oħra, minħabba li l-ħruġ ta' bankonoti fiċ-ċirkolazzjoni huwa proċess immexxi mid-domanda.

(4) Id-Deċiżjoni BĊE/2001/7 tat-30 ta' Awissu 2001 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, l-iskambju u l-irtirar ta' bankonoti ta' l-euro [2], kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2001/14 [3], tikkontjeni regoli komuni dwar bankonoti ta' l-euro. Il-BĊE stabbilixxa speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għal bankonoti ta' l-euro u miżuri ta' kontroll ta' kwalita biex jiġi żgurat li l-bankonoti ta' l-euro jikkonformaw ma' speċifikazzjonijiet bħal dawn. Bħala konsegwenza il-bankonoti kollha ta' l-euro għandhom l-istess dehra fiżika u livell ta' kwalita u l-ebda distinzjoni m' għandha ssir bejn bankonoti ta' l-istess denominazzjoni.

(5) Il-bankonoti kollha ta' l-euro għandhom jiġu soġġetti għal aċċettazzjoni identika u ħtiġijiet ta' proċessar mill-membri tas-Sistema Euro irrispettivament minn min ħariġhom fiċ-ċirkolazzjoni. Għalhekk il-prattika korrenti ta' ripatrijazzjoni ta' bankonoti denominati fl-unitajiet ta' munita korrenti nazzjonali lill-bank ċentrali li qed j oħroġhom ma japplikawx għal bankonoti ta' l-euro. Ir-reġim għall-ħruġ tal-bankonoti ta' l-euro huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' nuqqas ta' ripatrijazzjoni ta' bankonoti ta' l-euro.

(6) Skond l-Artikolu 29.1 ta' l-Istatut, kull wieħed mill-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali huwa assenjat skond l-importanza (weighting) fil-iskeda għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE, kif preskritt mid-Deċiżjoni BĊE/1998/13 ta' l-1 ta' Diċembru1998 dwar il-persentaġġ ta' l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskeda għall-kapital tal-BĊE [4]; din l-għażla skond l-importanza (weighting) hija bbażata fuq il-popolazzjoni u l-prodott gross domestiku ta' kull Stat Membru u tirregola l-kontribuzzjonijiet lill-kapital tal-BĊE, it-trasferimenti ta' l-assi ta' riservi barranin tal-BĊN lill-BĊE, l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-BĊN, u d-distribuzzjoni ta' profitti u tqassim ta' telf tal-BĊE.

(7) Bankonoti ta' l-euro huma muniti legali fl-Istati Membri parteċipanti kollha, għandhom jiċċirkolaw b' mod ħieles fl-erja ta' l-euro, jerġgħu jinħarġu mill-membri tas-Sistema Euro, u jistgħu jinħażnu wkoll jew jintużaw barra miż-żona ta' l-euro. Il-lijabilitajiet rigward il-ħruġ tal-valur totali tal-bankonoti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom għalhekk jiġu allokati lilll-membri tas-Sistema Euro skond kriterju oġġettiv. Kriterju xieraq huwa s-sehem ta' kull BĊN fil-kapital imħallas tal-BĊE. Dan is-sehem jirriżulta minn applikazzjoni proporzjonali ta' l-iskeda tal-kapital riferit fl-Artikolu 29.1 ta' l-Istatut lill-BĊN. Dan il-kriterju mhuwiex applikabbli għall-BĊE, il-persentaġġ tas-sehem tal-bankonoti euro li jrid jinħareġ mill-BĊE iridu jiġi stabbilit mill-Kunsill li Jirregola.

(8) Taħt l-Artikolu 9.2 u l-Artikoku 12.1 ta' l-Istatut, li jistabbilixxu l-prinċipju ta' deċentralizzazzjoni għal operati tas-Sistema Euro, il-BĊN iridu jiġu fdati bil-ħruġ u l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni tal-bankonoti ta' l-euro kollha inklużi dawk maħruġa mill-BĊN. Konsistenti ma' dan il-prinċipju ta' deċentralizzazzjoni, il-maneġġjar fiżiku ta' bankonoti ta' l-euro jrid jitwettaq ukoll mill-BĊN.

(9) Id-differenza bejn il-valur tal-bankonoti ta' l-euro allokati lil kull BĊN bi qbil ma' l-iskeda ta' allokazzjoni tal-bankonoti u l-valur tal-bankonoti ta' l-euro li BĊN bħal dan joħroġ fiċ-ċirkolazzjoni għandha toħloq bilanċi ġewwa s-Sistema Euro. Billi l-BĊE mhuwiex qed joħroġ il-bankonoti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandu jżomm pretensjonijiet tas-Sistema Euro fuq BĊN għal valur ekwivalenti għas-sehem ta' bankonoti ta' l-euro li huwa joħroġ. Ir-rimunerazzjoni ta' dawn il-bilanċi tas-Sistema Euro għandha effett fuq il-pożizzjonijiet tad-dħul tal-BĊN u hija għalhekk is-suġġett tad-Deċiżjoni BĊN/2001/16 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 [5], ibbażata fuq l-Artikolu 32 ta' l-Istatut,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a) "BĊN" għandha tfisser il-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li adottaw il-munita waħdiena bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea;

(b) "bankonoti ta' l-euro" għandhom ifissru dawk il-bankonoti li jikkonformaw mal-ħtiġijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2001/7, u ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi preskritti mill-Kunsill li Jirregola;

(ċ) "skeda kapitali sottoskritta" għandha tfisser il-persentaġġi li jirriżultaw mill-applikazzoni għall-BĊN ta' l-importanza (weighting) fl-iskeda riferita fl-Artikolu 29.1 ta' l-Istatut u kif preskritt fid-Deċiżjoni BĊE/1998/13;

(d) "l-iskeda ta' allokazzjoni tal-bankonoti" għandha tfisser il-persentaġġi li jirriżultaw meta jitqies is-sehem tal-BĊE fil-ħruġ totali tal-bankonoti ta' l-euro u l-applikazzjoni ta' l-iskeda kapitali sottoskritta (bix-xtur imneħħija sa' l-eqreb multiplu ta' 0,0005 punt perċentwali) lis-sehem tal-BĊN f'total bħal dan. L-Anness ma' din id-Deċiżjoni jispeċifika l-iskeda ta' allokazzjoni tal-bankonoti li tapplika fl-1 ta' Jannar 2002.

Artikolu 2

Ħruġ ta' bankonoti ta' l-euro

IL-BĊE u l-BĊN għandhom joħorġu bankonoti ta' l-euro.

Artikolu 3

Obbligazzjonijiet ta' dawk li joħorġu l-bankonoti

1. Il-BĊN għandhom joħorġu u jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni bankonoti ta' l-euro, u jwettqu kull maniġġjar fiżiku rigward il-bankonoti kollha ta' l-euro, inklużi dawk maħruġa mill-BĊE.

2. Il-BĊN għandhom jaċċettaw il-bankonoti kollha ta' l-euro fuq it-talba tal-possessur għal skambju kontra bankonoti ta' l-euri ta' l-istess valur jew, fil-każ ta' possessuri ta' kontijiet, jiġu akkreditati lill-kontijiet miżmuma mill-BĊN reċipjent.

3. Il-BĊN għandhom jittrattaw il-bankonoti kollha ta' l-euro aċċettati minnhom bħala lijabilitajiet u jipproċessawhom f' manjiera identika.

4. Il-BĊN m' għandhomx jittrasferixxu l-bankonoti kollha ta' l-euro aċċettati minnhom lill-BĊN oħra u għandhom iżommu bankonoti ta' l-euro bħal dawn disponibbli għal ħruġ mil-ġdid. Bħala eċċezzjoni, u bi qbil ma' xi regoli preskritti mill-Kunsill li Jirregola tal-BĊN:

(a) bankonoti ta' l-euro imqattgħin, danneġġjati, użati ħafna jew irtirati jistgħu jinqerdu/jintremew mill-BĊN reċipjent;

(b) bankonoti ta' l-euro miżmuma mill-BĊN jistgħu, għal raġunijiet loġistiċi, jiġu distribwiti għal darb' oħra bil-massa fis-Sistema Euro.

Artikolu 4

Allokazzjoni ta' banonoti ta' l-euro fis-Sistema Euro

1. Il-valur totali tal-bankonoti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu jiġi allokat lill-membri tas-Sistema Euro permezz ta' applikazzjoni ta' l-iskeda ta' allokazzjoni tal-bankonoti.

2. (9) Id-differenza bejn il-valur tal-bankonoti ta' l-euro allokati lil kull BĊN bi qbil ma' l-iskeda ta' allokazzjoni tal-bankonoti u l-valur tal-bankonoti ta' l-euro li BĊN bħal dan joħroġ fiċ-ċirkolazzjoni għandha toħloq bilanċi ġewwa s-Sistema Euro. Il-BĊN għandu jżomm prestensjonijiet tas-Sistema Euro fuq il-BĊN bi proporzjoni ma' l-ishma tagħhom fl-iskeda kapitali sottoskritta, għal valur ekwivalenti għall-valur tal-bankonoti ta' l-euro li huwa joħroġ.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-6 ta' Diċembru 2001.

F'isem il-Kunsill li jirregola l-BĊE

Willem F. Duisenberg

[1] ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1.

[2] ĠU L 233,tal- 31.8.2001, p. 55.

[3] Għandha mhix publikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[4] ĠU L 125, tad-19.5.1999, p. 33.

[5] Ara paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

SKEDA TA' ALLOKAZZJONI TA' BANKONOTI FL-1 TA' JANNAR 2002

Bank Ċentrali Ewropew | 8 % |

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique | 3,2550 % |

Deutsche Bundesbank | 27,8215 % |

Bank of Greece | 2,3360 % |

Banco de España | 10,1020 % |

Banque de France | 19,1210 % |

Central Bank of Ireland | 0,9650 % |

Banca d'Italia | 16,9190 % |

Banque centrale du Luxembourg | 0,1695 % |

De Nederlandsche Bank | 4,8595 % |

Österreichische Nationalbank | 2,6800 % |

Banco de Portugal | 2,1845 % |

Suomen Pankki | 1,5870 % |

Total | 100,000 % |

--------------------------------------------------

Top