EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012O0013
2012/473/EU: Guideline of the European Central Bank of 18 July 2012 on TARGET2-Securities (recast) (ECB/2012/13)
2012/473/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta’ Lulju 2012 dwar TARGET2-Securities (riformulazzjoni) (BĊE/2012/13)
2012/473/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta’ Lulju 2012 dwar TARGET2-Securities (riformulazzjoni) (BĊE/2012/13)
OJ L 215, 11.8.2012, p. 19–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 156 - 166
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/06/2019
11.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 215/19 |
LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-18 ta’ Lulju 2012
dwar TARGET2-Securities
(riformulazzjoni)
(BĊE/2012/13)
(2012/473/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1, 12.1, 17, 18 u 22 tiegħu,
Billi:
(1) |
Saru numru ta’ bidliet lil-Linja Gwida BĊE/2010/2 tal-21 ta’ April 2010 dwar TARGET2-Securities (1). Fl-interessi taċ-ċarezza dik il-Linja Gwida għandha tiġi riformulata. |
(2) |
Fis-6 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jesplora, f’kooperazzjoni mad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs – Central Securities Depositories) u ma’ parteċipanti oħrajn fis-suq, il-possibbiltà li jitwaqqaf servizz ġdid tal-Eurosistema għas-saldu ta‘titoli fi flus ta’ bank ċentrali, li għandu jissejjaħ TARGET2-Securities (T2S). Bhala parti mill-kompiti tal-Eurosistema skont l-Artikoli 17, 18 u 22 tal-Istatut tas-SEBĊ, it-T2S għandu l-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ wara n-negozju billi joffri saldu pan-Ewropew ta’ flus kontanti u titoli li huwa bażiku, newtrali u mingħajr konfini fi flus ta’ bank ċentrali sabiex CSDs ikunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ saldu abbażi ta’ konsenja mal-ħlas li huma armonizzati u ttrasformati f’komoditajiet f’ambjent tekniku integrat b’kapaċitajiet transkonfinali. Billi l-provvista ta’ flus ta’ bank ċentrali hija kompitu bażiku tal-Eurosistema, it-T2S għandu n-natura ta’ servizz pubbliku. Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) taż-żona tal-euro ser jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-kollateral u ta’ saldu bi flus ta’ bank ċentrali fit-T2S. |
(3) |
Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ jagħti s-setgħa lill-Eurosistema biex ‘tiżgura sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni’. Barra minn dan, is-saldu fi flus ta’ bank ċentrali jevita r-riskji tal-likwidità u għalhekk huwa essenzjali għan-negozju ta’ wara b’saħħtu ta’ titoli, u għas-suq finanzjarju ġenerali. |
(4) |
Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi it-T2S u jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sat-tlestija tiegħu. Abbażi ta’ offerta li saret mid-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (minn issa ’l quddiem l-“4BĊ”), il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li t-T2S jiġi żviluppat u mħaddem mill-4BĊ. |
(5) |
Il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/6 tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar it-twaqqif tal-Bord T2S u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 (2). Il-Bord T2S huwa korp ta’ mmaniġġar effiċjenti tal-Eurosistema li ser jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi kompiti ta’ natura purament teknika. Il-mandat tal-Bord T2S li jinsab f’Anness I ta’ Deċizjoni BCE/2012/6, jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti tal-governanza tat-T2S. Fl-istess waqt il-Bord T2S ġie fdat b’ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema sabiex ikun jista’ jkun operattiv għal kollox u jaġixxi f’isem l-Eurosistema kollha. |
(6) |
Din il-Linja Gwida tistabbilixxi b’mod partikolari l-pedamenti bażiċi tat-T2S fil-fażijiet tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp u operattivi tiegħu. Ser ikollha jikkumplimentawha atti legali u arranġamenti kuntrattwali addizzjonali taħt ir-responsabbiltà aħħarija tal-Kunsill Governattiv hekk kif it-T2S jiġi żviluppat iktar. Il-governanza interna tat-T2S hija bbażata fuq tliet livelli. Fuq l-ewwel livell ta’ governanza, it-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S huwa vestit fil-Kunsill Governattiv, li jassumi r-responsabbiltà kumplessiva għat-T2S u, taħt l-Artikolu 8 tal-Istatut tas-SEBC, huwa dak li jieħu d-deċiżjonijiet għall-Eurosistema kollha. Fuq it-tieni livell ta’ governanza, il-Bord T2S ġie stabbilit biex jassisti l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-BĊE biex tiġi żgurata t-tlestija b’suċċess u fil-ħin tal-Programm T2S. Finalment, it-tielet livell ta’ governanza huwa pprovdut mill-4BĊ. |
(7) |
Peress illi s-servizzi tat-T2S huma offruti lil CSDs, lil BĊNi li mhumiex fiż-zona tal-euro u ‘l-banek ċentrali oħrajn fuq bażi ta’ arranġamenti kuntrattwali, huwa importanti illi r-relazzjoni magħhom tiġi strutturata matul l-iżvilupp, il-migrazzjoni u t-tħaddim sussegwenti tat-T2S. Għal dak il-għan twaqqfu Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u Grupp ta’ Tmexxija għall-Muniti li Mhumiex l-euro. Il-Gruppi tal-Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti esterni fit-T2S. |
(8) |
It-T2S mhuwiex impriża kummerċjali u mhuwiex intiż biex jikkompeti ma’ CSDs jew ma’ xi parteċipant ieħor fis-suq. Għalhekk, filwaqt li r-reġim finanzjarju tat-T2S jimmira lejn l-irkupru tal-kostijiet kollha, is-servizzi tat-T2S ma jiġux ipprovduti għal profitt. Ittieħdet deċiżjoni interna dwar l-investiment totali fit-T2S għall-Eurosistema, filwaqt li d-deċiżjoni dwar l-ipprezzar tas-servizzi tat-T2S timmira lejn l-irkupru tal-kostijiet kollha. Barra minn dan, l-Eurosistema għandha tapplika strettament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tas-CSDs, u jkollha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost is-CSDs li jgħaddu l-pjattaforma għas-saldu tagħhom lit-T2S. |
(9) |
It-T2S huwa strument tekniku li mhux ser ikun disponibbli biss għas-saldu f’euro, imma ser ikun miftuħ ukoll għal BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li jixtiequ jipparteċipaw billi jagħmlu l-munita tagħhom disponibbli għas-saldu fi flus ta’ bank ċentrali fit-T2S, kif stipulat f’din il-Linja Gwida, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u ambitu
1. It-T2S għandu jkun ibbażat fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ saldu gross f’ħin reali tal-banek ċentrali. Għandu jkun servizz ipprovdut mill-Eurosistema lil CSDs li jippermetti tranżazzjonijiet għas-saldu ta’ titoli li huwa bażiku, newtrali u mingħajr konfini fuq bażi ta’ konsenja mal-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali.
2. Din il-Linja Gwida tistabbilixxi r-regoli dwar il-governanza interna tat-T2S. Hija tistabbilixxi wkoll il-karatteristiċi ewlenin tat-T2S, billi tiddefinixxi l-irwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Bord tat-T2S u tal-4BĊ, u r-relazzjonijiet bejniethom matul il-fażijiet tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp u operattivi. Hija tispeċifika wkoll id-deċiżjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-T2S mill-Kunsill Governattiv. Barra minn dan, din il-Linja Gwida tistipula l-prinċipji bażiċi għal dawn kollha li ġejjin fir-rigward tat-T2S: (a) ir-reġim finanzjarju, drittijiet u garanziji; (b) kif għandhom jiġu ddeterminati l-aċċess ta’ CSDs għat-T2S u r-relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs; (c) kif il-muniti li mhumiex l-euro jsiru eliġibbli għall-użu fit-T2S; (d) l-iżvilupp tat-T2S.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:
(1) |
“depożitorju ċentrali tat-titoli” (CSD – Central Securities Depository) tfisser entità li: (a) tagħmilha possibbli għal titoli biex ikunu stabbiliti u saldati permezz ta’ entrata fil-kont, u/jew iżżomm u tamministra titoli f’isem oħrajn permezz tal-provvista jew żamma ta’ kontijiet ta’ titoli; (b) tħaddem jew tipprovdi għal sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (3) jew għal entitajiet li ma jinsabux fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti ekwivalenti għal Direttiva 98/26/KE u/jew li hija rregolata minn bank ċentrali; u (c) hija rikonoxxuta bħala CSD minn regolamenti u/jew leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew hija awtorizzata jew irregolata bħala tali minn awtorità kompetenti; |
(2) |
“konsenja mal-ħlas” tfisser mekkaniżmu għas-saldu ta’ titoli, li jorbot it-trasferiment ta’ titoli u t-trasferiment ta’ fondi b’mod li jiżgura li l-konsenja sseħħ biss jekk ikun sar il-ħlas korrispondenti; |
(3) |
“BĊN taż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; |
(4) |
“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE, skont il-każ; |
(5) |
“Ftehim Qafas” tfisser il-qafas kuntrattwali li jidħlu fih CSD u l-Eurosistema għall-fażi tal-iżvilupp u dik operattiva; |
(6) |
“speċifikazzjonijiet funzjonali ġenerali” (GFS - general functional specifications) tfisser deskrizzjoni ġenerali funzjonali tal-applikazzjoni li għandha tiġi żviluppata biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-utent tat-T2S. Hija ser tinkludi elementi bhall-arkitettura funzjonali (domains, moduli u interazzjonijiet), il-mudelli kunċettwali, il-mudell tad-dejta jew il-proċess tal-fluss ta’ dejta; |
(7) |
“ftehim Livell 2-Livell 3”, tfisser il-ftehim dwar il-provvista u t-tħaddim innegozjat bejn il-Bord T2S u l-4BĊ, approvat mill-Kunsill Governattiv u sussegwentement iffirmat mil-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-4BĊ, kif emendat fejn meħtieġ. Huwa fih id-dettalji addizzjonali dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, il-Bord T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema; |
(8) |
“BĊN li mhux fiż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro; |
(9) |
“fażi operattiva” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda wara li l-ewwel CSD tkun imxiet għat-T2S; |
(10) |
«bank ċentrali ieħor” tfisser il-bank ċentrali ta’ pajjiż li huwa barra mill-Unjoni; |
(11) |
“skeda ta’ ħlas” tfisser skeda li tindika s-sekwenza ta’ ħlas għal ħlasijiet akkont tar-rimborż lill-4BĊ; |
(12) |
“ftehim tal-livell ta’ servizz” tfisser kemm il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-4BĊ lill-Eurosistema, kif ukoll il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Eurosistema lis-CSDs, fir-rigward tat-T2S; |
(13) |
“fażi ta’ speċifikazzjoni u żvilupp” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda bl-approvazzjoni tal-URD mill-Kunsill Governattiv u li jintemm bil-bidu tal-fażi operattiva; |
(14) |
“applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S” tfisser is-software żviluppat u mħaddem mill-4BĊ f’isem l-Eurosistema bil-ħsieb li l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi servizzi T2S fuq il-pjattaforma tat-T2S; |
(15) |
“Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx” tfisser sett ta’ regoli u proċeduri li jiġu applikati kull meta titnieda bidla fis-servizzi tat-T2S; |
(16) |
“pjattaforma tat-T2S” tfisser il-hardware u l-komponenti kollha tas-software, jiġifieri s-software kollu użat bl-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S, meħtieġa biex titmexxa u titħaddem l-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S; |
(17) |
“Programm T2S” tfisser is-sett ta’ attivitajiet relatati u deliverables meħtieġa għall-iżvilupp tat-T2S sakemm isseħħ il-migrazzjoni sħiħa tas-CSDs kollha li ffirmaw il-Ftehim Qafas u tal-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema, ta’ BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro u ta’ banek ċentrali oħra; |
(18) |
“Bord T2S” tfisser il-korp ta’ manigment tal-Eurosistema stabbilit skont id-Deċiżjoni BĊE/2012/6, li għandu l-kompitu li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u li jeżegwixxi kompiti ta’ natura purament teknika fir-rigward tat-T2S; |
(19) |
“kont tal-proġett T2S” tfisser il-kont tat-T2S użat biex jinġabru u jitqassmu l-ħlasijiet akkont, ir-rimborż u l-miżati. Il-kont tal-proġett jista’ jkollu sub-kontijiet sabiex jigu mifrudin it-tipi differenti ta’ flussi ta’ flus kontanti. Huwa m’għandux natura baġitarja; |
(20) |
“Servizzi tat-T2S” tfisser is-servizzi li għandhom jingħataw mill-Eurosistema lil CSD u lil banek ċentrali abbażi tal-arranġamenti kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-Eurosistema u s-CSDs, BĊNi mhux fiż-żona tal-euro, jew banek ċentrali oħra; |
(21) |
“Utenti tat-T2S” tfisser parteċipanti f’CSD, entitajiet legali jew individwi li għandhom relazzjoni kuntrattwali mas-CSD għall-ipproċessar tal-attivitajiet tagħhom relatati mas-saldu ta’ titoli fit-T2S, jew membri ta’ bank ċentrali, li l-munita tagħhom tista’ tintuża għall-ipproċessar relatat mas-saldu fit-T2S, li għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-bank ċentrali għall-attivitajiet tagħhom ta’ pproċessar ta’ flus kontanti marbutin ma’ titoli fit-T2S; |
(22) |
“Speċifikazzjonijiet funzjonali dettaljati għall-utent (UDFS)” tfisser deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet li jimmaniġġjaw il-flussi esterni tad-dejta T2S, minn applikazzjoni għal applikazzjoni. Hija ser tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-utenti biex jaġġustaw jew jiżviluppaw is-sistema ta’ informazzjoni interna tagħhom bil-ħsieb li jqabbduha mat-T2S; |
(23) |
“Manwal għall-utent” tfisser id-dokument li jiddeskrivi l-mod kif utenti tat-T2S jistgħu jużaw numru ta’ funzjonijiet ta’ software tat-T2S li huma disponibbli f’modalità (ibbazata fuq skrin) utent għal applikazzjoni; |
(24) |
“Dokument dwar il-ħtiġijiet tal-utent” (URD) tfisser id-dokument li jistabbilixxi l-ħtiġijiet tal-utent għat-T2S kif ippubblikat mill-BĊE fit-3 ta’ Lulju 2008 u kif emendat sussegwentement permezz tal-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx. |
TAQSIMA II
GOVERNANZA TAT-T2S
Artikolu 3
Livelli ta’ governanza interna
Il-governanza interna tat-T2S għandha tkun ibbażata fuq tliet livelli. Livell 1 għandu jikkonsisti mill-Kunsill Governattiv, Livell 2 għandu jikkonsisti mill-Bord T2S u Livell 3 għandu jikkonsisti mill-4BĊ.
Artikolu 4
Il-Kunsill Governattiv
1. Il-Kunsill Governattiv għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni, il-maniġment kumplessiv u l-kontroll tat-T2S. Għandu jkun responsabbli wkoll għat-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S u għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ kompiti mhux attribwiti speċifikament lil-Livelli 2 u 3.
2. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu jkollu l-kompetenzi li ġejjin:
(a) |
responsabbiltà għall-governanza tat-T2S permezz tal-attivitajiet kollha li ġejjin:
|
(b) |
li jieħu ħsieb talbiet minn membri tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S, il-Grupp ta’ Tmexxija għall-Muniti li Mhumiex l-euro (NECSG – Non-euro Currencies Steering Group) jew il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD (CSG – CSD Steering Group) ippreżentati skont ir-regoli tal-grupp rispettiv; |
(c) |
li jiddeċiedi fuq ir-reġim finanzjarju bażika għat-T2S, jiġifieri:
|
(d) |
li jiddeċiedi dwar il-kriterji ta’ aċċess għas-CSD; |
(e) |
li jivvalida u jaċċetta l-Pjan tal-Programm T2S; jimmoniterja l-progress tal-Programm T2S u jiddeċiedi dwar mizuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S; |
(f) |
li jiddeċiedi fuq l-aspetti operattivi bażiċi tat-T2S, jigifieri:
|
(g) |
li japprova l-qafas kuntrattwali bażiku, jigifieri:
|
(h) |
ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri xierqa biex jiġi żgurat infurzar ta’ regoli u prinċipji dwar is-sorveljanza; |
(i) |
li jiddeċiedi dwar id-data tal-bidu tal-ewwel migrazzjoni ta’ CSDs għat-T2S. |
Artikolu 5
Il-Bord T2S
Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Bord T2S huma stabbiliti fid-Deċizjoni BĊE/2012/6. Il-Bord T2S għandu jkun inkarigat mill-kompiti assenjati lil-Livell 2 fi ħdan il-qafas ġenerali ddefinit mill-Kunsill Governattiv.
Artikolu 6
L-4BĊ
1. L-4BĊ għandhom jiżviluppaw u jħaddmu t-T2S u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-allokazzjoni tax-xogħol lill-Bord T2S.
Il-4CB għandhom, b’mod partikolari, iwettqu l-kompiti kollha li ġejjin:
(a) |
iħejju, abbażi tal-URD u tal-gwida tal-Bord T2S, il-GFS, l-UDFS u l-Manwali għall-Utent skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S; |
(b) |
jiżviluppaw u jibnu t-T2S f’isem l-Eurosistema, u jipprovdu l-komponenti tekniċi tat-T2S skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S u mal-URD, il-GFS u l-UDFS u speċifikazzjonijiet u livelli ta’ servizz oħra; |
(c) |
jagħmlu t-T2S disponibbli lill-Bord T2S skont iż-żmien, l-ispeċifikazzjonijiet u l-livelli ta’ servizz approvati; |
(d) |
jissottomettu dawn li ġejjin lill-Bord T2S għall-finijiet tal-arranġamenti finanzjarji tat-T2S skont l-Artikolu 12:
|
(e) |
jiksbu l-liċenzji kollha meħtieġa biex jinbena u jitħaddem it-T2S u biex l-Eurosistema tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi tat-T2S lil CSDs; |
(f) |
jimplimentaw bidliet fit-T2S skont il-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx; |
(g) |
jipprovdu tweġibiet fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom għal talbiet ifformulati mill-Kunsill Governattiv jew mill-Bord T2S; |
(h) |
jipprovdu taħriġ, appoġġ tekniku u operattiv għal testijiet u għal migrazzjoni, taht il-koordinazzjoni tal-Bord T2S; |
(i) |
jinnegozjaw kwalunkwe emendi għall-ftehim Livell 2-Livell 3 mal-Bord T2S. |
2. L-4BĊ għandhom ikunu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Eurosistema għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Ir-responsabbiltà għandha tkopri l-frodi, l-aġir doluż u t-traskuraġni grossa. Ir-reġim tar-responsabbiltà għandu jiġi speċifikat aktar fil-ftehim Livell 2-Livell 3.
3. L-outsourcing jew is-subappaltar tax-xogħol ta’ hawn fuq mill-4BĊ lil fornituri esterni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-4BĊ lejn l-Eurosistema u partijiet interessati oħra li għandhom interess u għandu jkun trasparenti għall-Bord T2S.
Artikolu 7
Relazzjonijiet ma’ partijiet interessati esterni
1. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti interessati esterni fit-T2S. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S għandu jagħti parir lill-Bord T2S u jista’, f’każijiet eċċezzjonali, iressaq kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-Kunsill Governattiv.
2. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S għandu jiġi ppresedut mill-president tal-Bord T2S. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S huma stipulati fl-Anness.
3. Il-Grupp Konsultattiv għandu jwettaq il-funzjoni tiegħu skont ir-Regoli ta’ Proċedura li huma mħejjija mill-Grupp Konsultattiv tat-T2S u approvati mill-Bord T2S.
4. Il-CSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim Qafas, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem CSDs li jkunu ffirmaw il-Ftehim Qafas. Il-mandat tal-CSG huwa anness mal-Ftehim Qafas.
5. In-NECSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem BĊNi li mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li jkunu ffirmaw il-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita. Il-mandat tan-NECSG huwa anness mal-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita.
6. Il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi tas-saldu ta’ titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom, biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-T2S u biex jiġi vvalutat l-impatt tat-T2S fis-swieq nazzjonali. Bħala regola, il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali għandhom ikunu ppreseduti mill-BĊNi rispettivi. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 8
Governanza tajba
1. Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-provvista ta’ servizzi tat-T2S mill-Eurosistema u l-funzjonijiet regolatorji tal-Eurosistema, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li:
(a) |
membri tal-Bord T2S m’humiex involuti direttament fis-sorveljanza tat-T2S jew ta’ CSDs li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta’ saldu lit-T2S. Huma ma jistgħux ikunu parti minn kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ li għandu kwalunkwe minn dawn ir-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza. Huma m’għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tat-Tmexxija IT tal-Eurosistema (EISC – Eurosystem IT Steering Commtitee) jew tal-Kumitat tal-Verifika Interna; u |
(b) |
ikun hemm distinzjoni bejn is-sorveljanza tat-T2S u l-attivitajiet operattivi tat-T2S. |
2. Il-Bord T2S għandu jkun suġġett għall-obbligi ta’ rapportar, kontroll u verifika, kif definit f’din il-Linja Gwida. Verifiki fir-rigward tal-iżvilupp, it-tħaddim u l-kost tat-T2S għandhom jinbdew u jitmexxew abbażi tal-prinċipji u l-arranġamenti stipulati fil-politika ta’ verifika tas-SEBĊ tal-Kunsill Governattiv fis-seħħ fiż-żmien meta sseħħ il-verifika rilevanti.
Artikolu 9
Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni
1. L-4BĊ u l-Bord T2S għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jiskambjaw informazzjoni u jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ natura oħra lil xulxin matul l-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S.
2. L-4BĊ, il-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema u l-Bord T2S għandhom jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw materjalment l-iżvilupp jew il-bini u t-tħaddim tat-T2S, u għandhom jipprovaw itaffu kull riskju relatat.
3. Il-Bord T2S għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Kunsill Governattiv dwar l-iżvilupp tal-Programm T2S u t-tħaddim tat-T2S. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-EISC, li jista’ jagħti parir lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-Kumitat għas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu (PSSC - Payment and Settlement Systems Commtitee) għandu jirċievi r-rapporti għal finijiet ta’ informazzjoni.
4. Il-Bord T2S għandu jaqsam l-aġendi, is-sommarji u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-laqgħat tiegħu mal-membri tal-PSSC, sabiex dawk il-membri jitħallew jagħtu kontribut jekk meħtieġ.
5. Il-Bord T2S jista’ jikkonsulta, u jista’ jiġi kkonsultat minn, kwalunkwe kumitat kompetenti tas-SEBĊ kif meħtieġ.
6. L-4BĊ għandhom jipprovdu rapporti regolari fuq il-Programm T2S u dwar l-operat tat-T2S lill-Bord T2S.
7. Il-kontenut u l-proċedura dettaljata għall-obbligi ta’ rapportar tal-Bord T2S u tal-4BĊ għandhom ikunu spjegati fid-dettall fil-ftehim Livell 2-Livell 3.
TAQSIMA III
REĠIM FINANZJARJU
Artikolu 10
Politika tal-ipprezzar
Il-politika tal-ipprezzar għat-T2S għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji bażiċi tan-nuqqas ta’ qligħ, tal-irkupru sħiħ tal-kost u tan-nondikriminazzjoni fil-konfront tas-CSDs.
Artikolu 11
Metodoloġija tal-kost u l-kontabilità
1. It-T2S għandu jkun suġġett għall-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema u għal-Linja Gwida BĊE/2010/20 tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (4), sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.
2. Il-Bord T2S għandu, fi stadju bikri ħafna, jinvolvi ‘l-kumitati relevanti tas-SEBĊ/tal-Eurosistema fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni korretta ta’:
(a) |
il-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema fil-kuntest tal-estimi tal-kost tat-T2S u l-kalkolu tal-ispejjeż annwali tat-T2S; u |
(b) |
il-Linja Gwida BĊE/2010/20 mill-BĊE u l-4BĊ fil-kuntest tal-kost tat-T2S u r-rikonoxximent tal-attiv. |
Artikolu 12
Arranġamenti finanzjarji
1. Il-Bord T2S għandu jippreżenta proposta dwar l-aġġustar tar-reġim finanzjarju tat-T2S lill-Kunsill Governattiv, li għandha tinkludi l-kost tat-T2S, jiġifieri l-kostijiet tal-4BĊ u tal-BĊE għall-iżvilupp, il-manteniment u l-operat tat-T2S.
2. Il-proposta għandha tinkludi wkoll:
(a) |
it-tip tal-offerta; |
(b) |
l-iskeda tal-ħlas; |
(c) |
il-perjodu ta’ żmien kopert; |
(d) |
il-mekkaniżmu biex jinqasam il-kost; |
(e) |
il-kost tal-kapital. |
3. Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar ir-reġim finanzjarju tat-T2S.
Artikolu 13
Ħlasijiet
1. Għandu jkun hemm kont tal-proġett T2S miżmum għand il-BĊE f’isem l-Eurosistema. Il-kont tal-proġett T2S m’għandux ikollu natura baġitarja iżda għandu jintuża sabiex jinġabru u jitqassmu il-ħlasijiet bil-quddiem kollha marbutin mal-kost tat-T2S, ħlasijiet akkont u rimborżi, kif ukoll il-miżati għall-użu tat-T2S.
2. Il-Bord T2S għandu jiġġestixxi l-kont tal-proġett T2S f’isem l-Eurosistema. Bla ħsara għall-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ dak li jrid jiġi kkonsenjat mill-4BĊ, il-Bord T2S għandu japprova l-pagament ta’ kull hlas akkont lill-4BĊ, skont l-iskeda tal-ħlas miftehma approvata mill-Kunsill Governattiv u stipulata fil-ftehim Livell 2-Livell 3.
Artikolu 14
Id-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S
1. L-applikazzjoni tan-negozju tat-T2S għandha tkun kollha l-proprjetà tal-Eurosistema.
2. Għal dan il-għan, l-4BĊ għandhom jagħtu lill-Eurosistema liċenzji fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meħtieġa biex l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tat-T2S lil CSDs taħt ir-regoli applikabbli u l-livelli ta’ servizz komuni u fuq bażi ugwali. L-4BĊ għandhom jikkumpensaw lill-Eurosistema għal kwalunkwe talba dwar ksur imqajma minn partijiet terzi fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.
3. Id-dettalji fir-rigward tad-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S għandhom ikunu miftehma bejn l-4BĊ u l-Bord T2S fil-ftehim Livell 2-Livell 3. Id-drittijiet tal-awtoritajiet li jkunu ffirmaw ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita kif definit fl-Artikolu 18 għandhom ikunu stabbiliti f’dan il-ftehim.
TAQSIMA IV
DEPOŻITORJI ĊENTRALI TAT-TITOLI
Artikolu 15
Kriterji ta’ aċċess għal CSD
1. CSDs għandhom ikunu eliġibbli għall-aċċess għas-servizzi tat-T2S sakemm huma:
(a) |
ikunu ġew innotifikati skont Artikolu 10 ta’Direttiva 98/26/KE jew, f’każ ta’ CSD minn ġuriżdizzjoni li mhix fiż-ŻEE, joperaw taħt qafas legali u regolatorju illi huwa ekwivalenti għal dak fis-seħħ fl-Unjoni; |
(b) |
ikunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv mill-awtoritajiet kompetenti fil-konfront tar-Rakkomandazzjonijiet għas-Sistema tas-Saldu ta’ Titoli tas-CESR/SEBC; |
(c) |
wara li jkunu ntalbu jagħmlu dan, ikunu poġġew għad-dispożizzjoni ta’ CSDs oħra fit-T2S kull titolu/ISIN li tagħhom ikunu CSD emittent (jew CSD emittent tekniku); |
(d) |
jintrabtu li joffru lil CSDs oħra fit-T2S servizz bażiku ta’ kustodja fuq bażi nondiskriminatorja; |
(e) |
jintrabtu ma’ CSDs oħra fit-T2S li jwettqu s-saldu tal-flus tal-bank ċentrali tagħhom fit-T2S, jekk il-munita hija disponibbli fit-T2S. |
2. Ir-regoli fir-rigward tal-kriterji ta’ aċċess għal CSDs huma stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2011/20 tas-16 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-TARGET2-Securities (5), u għandhom ikunu implimentati fil-ftehim kuntrattwali bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs.
3. Il-BĊE għandu jżomm lista fuq il-websajt tiegħu li tidentifika lis-CSDs ammessi biex jagħmlu saldu fit-T2S.
Artikolu 16
Relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs
1. Il-kuntratti bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs, inkluż il-ftehim tal-livell ta’ servizz, għandhom ikunu armonizzati kompletament.
2. Il-Bord T2S, b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għandu jinnegozja l-emendi għall-kuntratti mas-CSDs.
3. Il-kuntratti mas-CSDs u l-emendi li jsirulhom għandhom ikunu approvati mill-Kunsill Governattiv u wara ffirmati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-pajjiż fejn tinsab is-sede tas-CSD, jew mill-BĊE għal CSDs li jinsabu barra ż-żona tal-euro, f’kull każ waqt li jaġixxu f’isem jew bħala rappreżentant tal-banek ċentrali tal-Eurosistema kollha. Fir-rigward tal-Irlanda, il-kuntratt jigi ffirmat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-Istat Membru li jkun innotifika s-sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE.
Artikolu 17
Konformità mar-rekwiziti regolatorji
1. Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkollu l-għan li jappoġġa konformità kontinwa minn CSDs mar-rekwiżiti legali, regolatorji u ta’ sorveljanza rilevanti.
2. Il-Bord T2S għandu jikkunsidra jekk il-BĊE għandux joħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex irawwem adattamenti leġiżlattivi biex jiġu żgurati drittijiet ta’ aċċess ugwali għas-servizzi tat-T2S minn CSDs, u jsiru proposti fir-rigward tagħhom lill-Kunsill Governattiv.
TAQSIMA V
MUNITI LI MHUX L-EURO
Artikolu 18
Kundizzjonijiet ta’ eliġibilità għall-inklużjoni fit-T2S
1. Munita taż-ŻEE li mhux l-euro għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-BĊN li mhux fiż-żona tal-euro, bank ċentrali ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jkunu daħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita mal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibbiltà ta’ dik il-munita.
2. Munita li ma tkunx munita taż-ŻEE għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibiiltà ta’ dik il-munita, jekk:
(a) |
il-qafas legali, regolatorju u ta’ sorveljanza applikabbli għas-saldu f’dik il-munita jipprovdi sostanzjalment l-istess livell ta’ ċertezza jew ogħla bħal dak fis-seħħ fl-Unjoni; |
(b) |
l-inkluzjoni ta’ dik il-munita fit-T2S ikollha impatt pożittiv fuq il-kontribut tat-T2S fis-suq tas-saldu tat-titoli tal-Unjoni; |
(c) |
il-bank ċentrali l-ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jidħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita sodisfaċenti reċiprokament mal-Eurosistema. |
3. Skont il-mandat tal-Bord T2S, BĊNi mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra jistgħu jkunu rrappreżentati fil-Bord T2S.
TAQSIMA VI
ŻVILUPP TAL-PROGRAMM T2S
Artikolu 19
Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S
1. Fuq il-bażi proposti magħmulin mill-Bord T2S, il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta, jivvalida u jaċċetta emendi għall-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S.
2. Il-Bord T2S għandu jistabbilixxi pjan operattiv fuq il-bażi tal-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S. Il-pjan operattiv u l-aġġornamenti tiegħu għandhom ikunu ppubblikati u kkomunikati lil parteċipanti interessati fit-T2S ikkonċernati.
3. Jekk hemm riskju serju li mhux ser jinkiseb stadju fil-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S, il-Bord T2S għandu jinforma minnufih lill-Kunsill Governattiv b’dan, u jipproponi miżuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S.
TAQSIMA VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 20
Ftehim Livell 2-Livell 3
1. Bla ħsara għal din il-Linja Gwida, ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jipprovdi għad-dettalji addizzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, il-Bord T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema.
2. Il-ftehim Livell 2-Livell 3 u l-abbozz tal-emendi tiegħu għandhom ikunu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv u mbagħad iffirmati mill-Eurosistema u l-4CB.
Artikolu 21
Soluzzjoni ta’ tilwim
1. Jekk tilwima fir-rigward ta’ kwistjoni rregolata minn din il-Linja Gwida ma tkunx tista’ tiġi solvuta bi ftehim bejn il-partijiet milqutin, kull parti milquta tista’ tippreżenta l-kwistjoni lill-Kunsill Governattiv għal deċiżjoni.
2. Il-ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jistipola illi l-Bord T2S jew l-4BĊ jistgħu jressqu kull tilwima li tinqala’ mill-ftehim Livell 2-Livell 3 lill-Kunsill Governattiv.
Artikolu 22
Tħassir
1. Il-Linja Gwida BĊE/2010/2 hija mħassra.
2. Referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 24
Indirizzati u miżuri implimentattivi
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 65.
(2) ĠU L 117, 1.5.2012, p. 13.
(3) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.
(5) ĠU L 319, 2.12.2011, p. 117.
ANNESS
GRUPP KONSULTATTIV TAT-T2S
MANDAT
1. Preambolu u għanijiet
B’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Eurosistema timmira li toffri is-servizzi tat-TARGET2-Securities (T2S) tagħha lil depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u lil banek ċentrali fl-Ewropa. Is-servizzi tat-T2S jippermettu tranżazzjonijiet ta’ saldu ta’ titoli li huma ċentrali, newtrali u mingħajr konfini fuq bażi ta’ konsenja mal-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali. Dan jitwettaq fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ saldu gross f’ħin reali ta’ bank ċentrali għall-muniti parteċipanti kollha.
Bil-ħsieb li jiġu pprovduti s-servizzi tat-T2S, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala l-korp aħħari fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Eurosistema, waqqaf il-Grupp Konsultattiv tat-T2S (AG - T2S Advisory Group) biex jiżgura illi t-T2S ikompli jaqdi l-ħtiġijiet tas-suq. L-AG iżomm l-irwol tiegħu bħala korp konsultattiv għall-Eurosistema għall-kwistjonijiet kollha relatati mat-T2S. Huwa jista’ jagħti pariri wkoll lill-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhux l-Euro.
2. Responsabbiltajiet u kompiti
L-AG huwa responsabbli biex:
— |
jappoġġa l-konsistenza tal-ambitu tas-sett ta’ dokumenti li jiddefinixxu t-T2S, b’mod partikolari l-konformità sħiħa tagħhom mad-dokument dwar il-ħtiġijiet tal-utent; |
— |
jappoġġa r-rieżami tal-Eurosistema u l-prijoritizzazzjoni ta’ talbiet għal tibdil għas-sett ta’ dokumenti li jiddefinixxu l-ambitu tat-T2S, skont il-proċeduri applikabbli speċifikati fl-Iskedi tal-Ftehim Qafas (FQ) dwar “Il-Governanza” u “Il-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx”; |
— |
jappogga lill-Eurosistema fi kwalunkwe aġġustament għall-qafas dwar l-ipprezzar; |
— |
ikompli jrawwem ix-xogħol fuq l-armonizzazzjoni fil-qasam tas-saldu tat-titoli fir-rigward tat-T2S u jappoġġa l-isforzi fl-implimentazzjoni fis-suq; |
— |
jagħti pariri dwar deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kunsill Governattiv, il-Bord T2S, il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u l-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro li, fil-fehma tal-Bord T2S, għandhom implikazzjonijiet għall-utenti tat-T2S; |
— |
jagħti parir dwar prattiċi u politika li jikkontribwixxu għal implimentazzjoni tat-T2S fl-ambjent tat-T2S wara n-negozju li huwa effettiv u kost-effiċjenti; |
— |
jagħti parir dwar kwistjonijiet operattivi; |
— |
jagħti parir meta jinqalgħu tilwimiet bejn l-Eurosistema u CSD waħda jew aktar u/jew bejn l-Eurosistema u wieħed jew aktar mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) li mhux fiż-żona tal-euro, skont il-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-FQ u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita (CPA – Currency Participation Agreement). |
Kull membru sħiħ individwali tal-AG jista’:
— |
joffri parir dwar kwistjonijiet relatati mat-T2S; |
— |
jibda talba għal tibdil skont il-proċedura fl-Iskeda tal-FQ dwar “Il-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx”. |
3. Kompożizzjoni u mandat
L-AG huwa kompost mill-President, is-Segretarju, membri sħaħ u osservaturi.
L-AG huwa ppresedut mill-President tal-Bord T2S. Is-Segretarju tal-AG huwa membru tal-persunal tal-BĊE b’livell ta’ esperjenza għoli u jinħatar mill-President tal-AG. Il-BĊE jipprovdi lis-Segretarju tal-AG b’appoġġ operattiv u segretarjali. Il-President tal-AG jista’ jinnomina persuna alternattiva biex tieħu post is-Segretarju tal-AG f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Rappreżentant ta’ kwalunkwe wieħed mill-gruppi segwenti huwa eliġibbli sabiex ikun membru sħiħ tal-AG:
(a) |
Banek ċentrali: Il-BĊE u kull wieħed mill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma rrappreżentati minn membru sħiħ wieħed. Fejn Stat Membru jadotta l-euro, il-BĊN rispettiv jipparteċipa bħala membru sħiħ tal-AG mid-data tal-adozzjoni tal-euro. Bank ċentrali li mhux fiż-żona tal-euro li jkun iffirma il-CPA u jipparteċipa b’effett immedjat fit-T2S ser ukoll ikun irrappreżentat minn membru sħiħ wieħed mid-data tal-firma. Rappreżentant ta’ bank ċentrali jiġi nnominat mill-Gvernatur jew President tal-bank ċentrali konċernat skont l-istatut tal-bank ċentrali applikabbli; |
(b) |
CSDs: Il-membri sħaħ kollha tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-CSD huma membri sħaħ tal-AG. Bħala eċċezzjoni u riflessjoni ta’ sehemhom fil-volum ta’ saldu, il-Grupp Euroclear għandu erba’ membri, il-Grupp Clearstream erbgħa u Monte Titoli tnejn (1). Din il-kompożizzjoni hija ffriżata għal sena mill-bidu tal-operat tat-T2S, meta l-Kunsill Governattiv jirrevedi l-membri addizzjonali sabiex jiġi rifless il-volum ta’ saldu attwali fit-T2S; |
(c) |
Utenti: Kemm il-grupp ta’ Utenti li għandhom interess u l-grupp tas-CSD għandhom l-istess numru ta’ membri fl-AG, sabiex il-gruppi ta’ dawk li għandhom interess fis-suq tat-T2S ikunu rrappreżentati b’mod ugwali. Il-Kunsill Governattiv jinnomina rappreżentati tal-utenti fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord T2S. Il-proposta tal-Bord T2S hija bbażata fuq applikazzjonijiet li jaslu mingħand il-Federazzjoni Bankarja Ewropea, il-Grupp Ewropew ta’ Banek għat-Tfaddil, l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Kooperattivi, l-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa, u l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Entitajiet tal-Ikklerjar bil-ħsieb li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-utenti differenti fit-T2S, inkluż istituzzjonijiet u swieq żgħar u kbar, parteċipanti domestiċi u internazzjonali, u ambiti differenti ta’ servizzi pprovduti minn utenti, li jiffukaw fuq utenti li għandhom negozju sinifikanti ta’ titoli fit-T2S, f’euro jew f’muniti oħra li huma eliġibbli għal saldu fit-T2S, irrispettivament mill-post fejn ġew inkorporati. Kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet għandu jkollha mill-inqas wieħed mill-applikanti tagħha magħżul. Barra minn dan, japplikaw il-parametri li ġejjin:
|
Kull wieħed mill-kapijiet tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet li ġejjin huwa intitolat jinnomina osservatur wieħed għall-AG:
— |
l-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa, |
— |
l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Kooperattivi; |
— |
il-Federazzjoni Bankarja Ewropea, |
— |
l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Entitajiet tal-Ikklerjar, |
— |
il-Grupp Ewropew ta’ Banek għat-Tfaddil, |
— |
il-Federazzjoni tal-Boroż Ewropej tat-Titoli, |
— |
l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, |
— |
il-Kummissjoni Ewropea, |
— |
il-funzjoni ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, |
— |
rappreżentant wieħed minn kull wieħed mill-4BĊ (dawn ir-rappreżentanti għandhom jippreżentaw l-opinjoni tagħhom lill-AG b’mod uniformi). |
Barra minn dan, il-membri tal-Bord T2S huma mistiedna għal-laqgħat tal-AG bħala osservaturi.
Kull innominat għandu jkollu l-livell xieraq ta’ anzjanità u l-esperjenza teknika relevanti. L-entitajiet li jinnominaw għandhom jiżguraw illi nominat għandu ħin bizzejjed biex ikun involut b’mod attiv fil-ħidma tal-AG.
Sabiex jiġi limitat id-daqs tal-AG, ma jistgħux jattendu aktar minn żewġ membri sħaħ jew osservaturi li joriġinaw minn bank ċentrali wieħed għall-AG fl-istess ħin. Il-President tal-AG huwa eżentat minn din ir-regola sabiex ikun jista’ jkun hemm newtralità suffiċjenti.
Il-membri sħaħ u l-osservaturi huma nnominati għal mandat ta’ sentejn li jista’ jiġġedded. Is-sostituti ta’ membri utenti li jirriżenjaw matul mandat regolari jistgħu jkunu nnominati mill-Bord T2S fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet li jkun irċieva mill-organizzazzjoni utenti relevanti. Il-mandat tal-AG jibda f’Lulju tal-2012, u jissostitwixxi l-mandat u r-regoli tal-proċedura tal-AG li kienu inizjalment abbozzati għall-fażi tal-ispeċifikazzjoni u estiżi sakemm jidħol fis-seħħ il-FQ. Il-mandat il-ġdid jiskadi bis-sostituzzjoni tal-FQ u tal-CPA bi ftehim ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-FQ u l-CPA mill-firmatarji.
4. Rapportar
L-AG jagħti parir lill-Bord T2S. Fuq talba, l-AG jista’ jagħti wkoll parir wkoll lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro. F’każijiet eċċezzjonali, l-AG jista’ jagħti parir direttament lill-Kunsill Governattiv jekk l-AG iqis illi l-Prinċipji Ġenerali tat-T2S jew elementi bażiċi oħrajn tat-T2S huma mhedda.
Il-Kunsill Governattiv u l-Bord T2S (għal kwistjonijiet iddelegati lit-T2S mill-Kunsill Governattiv) jistgħu jipprovdu gwida ġenerali lill-AG, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew wara li ssir talba.
5. Proċeduri tax-Xogħol
Il-membri sħaħ huma intitolati li jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-AG. L-osservaturi huma intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-AG, iżda ma jipparteċipawx fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu.
Id-deċiżjonijiet tal-AG jieħdu l-forma ta’ parir jew ta’ riżoluzzjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-AG jew ix-xogħol tas-subgruppi. Il-parir tal-AG jintbagħat direttament lill-Bord T2S, lill-Kunsill Governattiv, lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro, skont il-każ. Il-parir u r-riżoluzzjonijiet tal-AG għandhom ikunu adottati permezz ta’ konsensus. Fejn ma jistax jintlaħaq konsensus, il-President tal-AG jista’ jiddeċiedi li jevalwa l-grad ta’ appoġġ għal deċiżjoni speċifika, f’liema każ il-parir jew ir-reżoluzzjonijiet tagħhom jiġu adottati permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri sħaħ tal-AG. Il-President u s-Segretarju tal-AG mhumiex intitolati jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ parir jew ta’ reżoluzzjonijiet.
L-AG jista’ jwaqqaf sub-strutturi li jappoġġaw il-ħidma tiegħu jekk dan ikun meqjus neċessarju. Huwa jikkoordina mal-Bord T2S li jorganizza x-xogħol sabiex il-korpi ta’ governanza kollha relevanti jiġu involuti sew mingħajr id-duplikazzjoni ta’ sub-strutturi dwar suġġetti simili.
Bħala regola, l-AG għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-President tal-AG jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali, li d-dati tagħhom jiġu kkomunikati lill-AG bi preavviz suffiċjenti. Bħala prinċipju, il-laqgħat isiru fil-bini tal-BĊE. Barra minn dan, il-President tal-AG jista’ jistieden lill-AG biex jagħti l-parir tiegħu permezz ta’ mezzi oħra, bħal ma huma proċeduri bil-miktub.
L-AG jaħdem b’mod miftuħ u trasparenti u d-dokumentazzjoni tal-AG tiġi ppubblikata fuq il-websajt tat-T2S. Proċeduri tax-xogħol dettaljati jridu jiġu speċifikati fir-‘Regoli tal-Proċedura’ abbozzati mill-AG u approvati mill-Bord T2S.
GRUPPI TA’ UTENTI NAZZJONALI
MANDAT
1. Għanijiet
Il-Gruppi ta’ Utenti Nazzjonali (NUGs – National User Groups) jiġbru flimkien fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli fi ħdan is-swieq nazzjonali tagħhom biex jiġu appoġġati l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tat-TARGET2-Securities (T2S). Huma joħolqu forum għall-involviment tal-parteċipanti tas-suq nazzjonali fix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S (AG –Advisory Group) u jistabbilixxi r-rabta formali bejn l-AG u s-swieq nazzjonali. Huma jaġixxu kemm bħala mezz biex jinstemgħu l-fehmiet għall-Uffiċċju tal-Programm T2S kif ukoll bħala fornituri ta’ kontribut lill-AG fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha kkunsidrati mill-AG. Bħala tali, huma jistgħu wkoll jissuġġerixxu kwistjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-AG.
In-NUGs jistgħu jkunu involuti fil-proċess tal-ġestjoni tal-bidla u tar-rilaxx u jistgħu jkollhom rwol importanti fil-valutazzjoni ta’ talbiet bħal dawn fil-kuntest tal-operat tas-swieq nazzjonali. In-NUGs għandhom jadottaw il-prinċipju tat-T2S li jipprova jiġi evitat li jiġu inkorporati karatteristiċi speċifiċi nazzjonali fit-T2S, u għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni b’mod attiv.
2. Responsabbiltajiet u Kompiti
In-NUGs fis-swieq li jipparteċipaw fit-T2S huma responsabbli biex:
— |
jevalwaw l-impatt tal-funzjonalità tat-T2S, u b’mod partikolari kwalunkwe bidliet fir-rekwiżiti tal-utent tat-T2S, fuq is-suq nazzjonali tagħhom; meta jsir dan, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lill-kunċett ta’ “T2S effiċjenti” li jimmira li jiġu evitati speċifiċitajiet nazzjonali u li tiġi promossal-armonizzazzjoni; |
— |
jikkontribwixxu għall-kompiti ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni assoċjati mal-attivitajiet ta’ armonizazzjoni tat-T2S appoġġati mill-AG; |
— |
iġibu t-tħassib materjali tas-suq nazzjonali għall-attenzjoni tal-AG; |
— |
ikabbar il-konsapevolezza tat-T2S fis-setturi kollha tal-komunità tat-titoli nazzjonali; |
— |
jappoġġa lill-membri tal-AG li jirrappreżentaw il-komunità nazzjonali. |
Waqt illi jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, in-NUGs isegwu l-istandards għoljin ta’ trasparenza illi huma element ewlieni tat-T2S.
Għalkemm il-fokus ta’ dan il-mandat huwa fuq is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S, is-swieq li għadhom mhux qed jipparteċipaw fit-T2S huma wkoll mistiedna jistabbilixxu NUGs. Jekk swieq bħal dawn jiddeċiedu li jistabbilixxu NUG, huma għandhom isegwu mandat simili sabiex iħejju s-swieq tagħhom għall-parteċipazzjoni fit-T2S.
3. Kompożizzjoni u Mandat
In-NUGs jikkonsistu mill-President, is-Segretarju u l-membri.
Il-President ta’ NUG għandu preferibbilment ikun membru sħiħ jew osservatur tal-AG. Dan ir-rwol tipikament ser jitwettaq minn uffiċjal anzjan tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti. F‘każ fejn il-bank ċentrali nazzjonali relevanti ma jipprovdix jew ma jinnominax il-president tan-NUG, il-President għandu jiġi nnominat mill-President tal-AG li għandu jfittex il-kunsens fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq relevanti. Jekk il-President ma jkunx membru tal-AG, membru tal-AG għandu jikkoordina bejn l-AG u l-President tal-NUG biex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn l-AG u n-NUG. Jekk ebda membru ta’ NUG ma jkun irrappreżentat fl-AG, in-NUG għandu jfittex kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju tal-AG sabiex ikun informat dwar l-iżvilippi tat-T2S.
Is-segretarju ta’ NUG jigi pprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali relevanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro; f’pajjiżi oħrajn is-segretarju tan-NUG jinħatar mill-President tan-NUG u idealment għandu jkun ipprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv. Is-segretarju huwa mistenni li jattendi laqgħat ta’ informazzjoni regolari organizzati għal segretarji tan-NUG mill-Uffiċċju tal-Programm T2S permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG. Is-segretarji tan-NUG ta’ swieq li ma jipparteċipawx fit-T2S jistgħu jipparteċipaw bħala mistednin fin-netwerk tal-esperti tan-NUG.
Il-membri ta’ NUG jinkludu l-membri u l-osservaturi tal-AG relevanti (jew ir-rapprezentanti anzjani nnominat tagħhom, aċċettabbli għall-President tan-NUG) u persuni addizzjonali bil-kompetenza u r-reputazzjoni meħtieġa biex jirrappreżentaw fil-wisa’ l-kategoriji kollha ta’ utenti u fornituri fis-suq nazzjonali, inkluż esperti fuq kwistjonijiet ta’ flus kontanti. Membri tan-NUG jistgħu għalhekk jinkludu CSDs, sensara, banek, banek ta’ investiment, kustodji, emittenti u/jew l-aġenti tagħhom, kontropartijiet ċentrali, uffiċċji tal-kambji u faċilitajiet għan-negozju multilaterali, il-bank ċentrali nazzjonali relevanti, awtoritajiet regolatorji u l-assoċjazzjonijiet bankarji relevanti.
Il-mandat tan-NUGs jiskadi fl-istess ħin bħall-mandat tal-AG, jiġifieri bis-sostituzzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita b’kuntratt ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita mas-CSDs u banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro firmatarji kollha.
4. Proċeduri tax-Xogħol
In-NUGs jittrattaw biss kwistjonijiet relevanti għat-T2S. Huma jiġu mistiedna biex attivament ifittxu li jiġu infurmati mill-Uffiċċju tal-Programm T2S fir-rigward ta’ kwistjonijiet attwali, u jipprovdu fehmiet nazzjonali fil-ħin fuq kwistjonijiet mitlubin mis-Segretarju tal-AG jew imqajmin min-NUG. L-Uffiċċju tal-Programm T2S jipprovdi regolarment informazzjoni lin-NUGs tas-swieq li jipparteċipaw fit T2S u jorganizza laqgħat ma’ dawn is-segretarji tan-NUGs permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG biex irawwem l-interazzjoni bejn in-NUGs u l-Uffiċċju tal-Programm T2S.
In-NUGs għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikollhom laqgħat regolari allinjati mal-iskeda tal-laqgħat tal-AG, sabiex ikunu jistgħu joffru parir lill-membri nazzjonali tal-AG. Madankollu, l-ebda membru tal-AG ma huwa marbut b’dan il-parir. In-NUGs jistgħu jagħmlu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub lill-AG permezz tas-Segretarju tal-AG u jistiednu membru tal-AG biex jippreżenta l-fehma tiegħu.
Is-Segretarju tan-NUG jimmira li jiċċirkola aġenda u d-dokumenti relevanti għad-diskussjoni f’laqgħa ta’ NUG tal-anqas ħamest ijiem tan-negozju qabel il-laqgħa. Sommarju ta’ laqgħa ta’ NUG jiġi ppubblikat fuq il-websajt tat-T2S u, jekk meqjus xieraq, fuq il-websajt tal-BĊN rispettiv. Idealment il-pubblikazzjoni għandha ssir bl-Ingliż u, jekk meħtieġ, fil-lingwa nazzjonali relevanti fi żmien tliet ġimgħat wara kull laqgħa ta’ NUG.
Il-membri tan-NUGs għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S. In-NUGs għandu jippubblika wkoll indirizz tal-e-Mail għall-kuntatt man-NUG fuq il-websajt tat-T2S, sabiex il-parteċipanti fis-swieq nazzjonali jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.
(1) Din il-kompożizzjoni hija speċifikata taħt l-assunzjoni illi l-Euroclear Group jipparteċipa permezz ta’ Euroclear Belgium, Euroclear Finland, Euroclear France u Euroclear Nederland u l-Clearstream Group jipparteċipa permezz ta’ Clearstream Banking Frankfurt u ta’ LuxCSD fit-T2S.