EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010O0002

Linja ta’ gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta’ April 2010 dwar TARGET2-Securities (BĊE/2010/2)

OJ L 118, 12.5.2010, p. 65–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2012; Imħassar b' 32012O0013

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2010/272/oj

12.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/65


LINJA TA’ GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta’ April 2010

dwar TARGET2-Securities

(BĊE/2010/2)

(2010/272/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’l quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1, 12.1, 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jesplora, f’kooperazzjoni mad-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) u parteċipanti oħrajn tas-suq, il-possibbiltà li jitwaqqaf servizz ġdid tal-Eurosistema għas-saldu tat-titoli fi flus ta’ bank ċentrali, li jissejjaħ TARGET2-Securities (T2S). Bħala parti mill-ħidmiet tal-Eurosistema skont l-Artikoli 17, 18 u 22 tal-Istatut tas-SEBĊ, it-T2S għandu l-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ wara n-negozju billi joffri saldu ta’ titoli u kontanti fi flus ta’ bank ċentrali mal-Ewropa kollha, ċentrali, newtrali u transkonfini biex is-CSDs jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ saldu konsenja-kontra-ħlas armonizzati u ttrasformati f’komoditajiet f’ambjent tekniku integrat b’kapaċitajiet transkonfini. Billi l-forniment ta’ flus ta’ bank ċentrali huwa kompitu ċentrali tal-Eurosistema, it-T2S għandu n-natura ta’ servizz pubbliku. Il-BĊNi taż-żona euro ser jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni ta’ garanziji u ta’ saldu ta’ flus ta’ bank ċentrali fit-T2S.

(2)

L-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li l-Eurosistema għandha “tiżgura sistemi ta’ ikklerjar u ħlas fi ħdan l-Unjoni”. Barra minn dan, is-saldu fi flus ta’ bank ċentrali jevita r-riskji tal-likwidità u għalhekk huwa essenzjali għan-negozju ta’ wara xieraq ta’ titoli u għas-suq finanzjarju in ġenerali.

(3)

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi l-proġett T2S u li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sakemm jitlesta. Abbażi ta’ offerta li saret mid-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (minn issa ‘l quddiem il-“4CB”), il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li t-T2S jiġi żviluppat u mħaddem mill-4CB.

(4)

Il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 tad-19 ta’ Marzu 2009 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (1) bħala bord ta’ maniġment effettiv tal-Eurosistema li ser jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi ħidmiet ta’ natura purament teknika. Il-mandat tal-Bord għall-Programm T2S, li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni BĊE/2009/6, jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti tal-governanza tat-T2S. Il-Bord għall-Programm T2S ġie fl-istess waqt fdat b’ċerti dmirijiet ta’ implimentazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema sabiex ikun jista’ jkun operattiv għal kollox u jaġixxi f’isem l-Eurosistema kollha.

(5)

Din il-Linja ta’ Gwida tipprovdi b’mod partikolari l-pedamenti bażiċi għall-Programm T2S fil-fażi tal-ispeċifikazzjoni u l-iżvilupp tiegħu. Tirrappreżenta l-qofol tad-deċiżjonijiet imsemmijin qabel tal-Kunsill Governattiv u tispeċifika wkoll b’mod partikolari r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Bord għall-Programm T2S u tal-4CB kif ukoll ir-relazzjoni reċiproka tagħhom. Ser ikollha jikkumplimentawha atti legali addizzjonali u arranġamenti kuntrattwali taħt ir-responsabbiltà aħħarija tal-Kunsill Governattiv hekk kif il-Programm T2S jiġi żviluppat iktar.

(6)

Skont id-deċiżjonijiet imsemmijin iktar ‘il fuq tal-Kunsill Governattiv, il-governanza tal-Programm T2S hija bbażata fuq tliet livelli. Fuq l-ewwel livell ta’ governanza, it-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S huwa vestit fil-Kunsill Governattiv, li jassumi r-responsabbiltà kumplessiva għall-Programm T2S u, taħt l-Artikolu 8 tal-Istatut tas-SEBĊ, huwa dak li jieħu d-deċiżjonijiet għall-Eurosistema kollha. Fuq it-tieni livell ta’ governanza, il-Bord għall-Programm T2S ġie stabbilit biex jassisti l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-BĊE biex jiġi żgurat li jintemm b’suċċess u fil-ħin il-Programm T2S. Fl-aħħar, it-tielet livell ta’ governanza huwa kompost mill-4CB.

(7)

Billi s-servizzi tat-T2S jiġu offruti lis-CSDs, huwa importanti li r-relazzjoni tiġi strutturata magħhom matul l-iżvilupp, il-migrazzjoni u l-operazzjoni sussegwenti tat-T2S. Ser jitwaqqaf Grupp ta’ Kuntatt għal dak l-iskop. Il-Gruppi tal-Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni mal-fornituri u l-utenti ta’ servizzi tas-sald tat-titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom. Il-Grupp Konsultattiv T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni bejn l-Eurosistema u l-parteċipanti T2S esterni.

(8)

It-T2S mhuwiex impriża kummerċjali u mhuwiex intiż biex jikkompeti ma’ CSDs jew ma’ xi parteċipant ieħor fis-suq. Għalhekk, filwaqt li s-sistema finanzjarja tat-T2S għandha l-iskop li tirkupra l-ispejjeż kollha, is-servizzi tat-T2S ma jiġux ipprovduti għal profitt. Ser tittieħed deċiżjoni interna dwar l-investiment totali fit-T2S għall-Eurosistema, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-prezzijiet tas-servizzi T2S ikollha l-għan li jiġu rkuprati l-ispejjeż kollha. Barra minn hekk, l-Eurosistema għandha tapplika strettament il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward tas-CSDs, u jkollha l-għan li tiżgura ambjent ekwu fost is-CSDs li jgħaddu l-pjattaforma għas-sald tagħhom lit-T2S.

(9)

It-T2S huwa mekkaniżmu tekniku li ma jkunx disponibbli biss għas-sald f’euro, ikun miftuħ ukoll għall-BĊNi mhux fiż-żona tal-euro u banek oħra ċentrali li jixtiequ jipparteċipaw billi jagħmlu l-valuta tagħhom disponibbli għas-sald tal-flus ta’ bank ċentrali fit-T2S, kif maħsub f’din il-Linja ta’ Gwida,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA’ GWIDA:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   It-T2S għandu jkun ibbażat fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ sald gross f’ħin reali ta’ bank ċentrali. Għandu jkun servizz ipprovdut mill-Eurosistema lis-CSDs li jippermetti tranżazzjonijiet għas-sald ta’ titoli mingħajr fruntieri, newtrali u ċentrali fuq bażi ta’ konsenja-kontra-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali.

2.   Din il-Linja ta’ Gwida tistabbilixxi r-regoli dwar il-governanza tal-programm T2S. Tistabbilixxi wkoll il-karatteristiċi ewlenin tal-Programm T2S, billi tiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Bord għall-Programm T2S u tal-4CB, u r-relazzjonijiet ta’ bejniethom matul il-fażi tal-ispeċifikazzjoni u tal-iżvilupp. Tispeċifika wkoll id-deċiżjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-T2S mill-Kunsill Governattiv. Barra minn hekk, din il-Linja ta’ Gwida tipprovdi għall-prinċipji bażiċi ta’ dan kollu li ġej fir-rigward tat-T2S: (a) is-sistema finanzjarja, drittijiet u garanziji; (b) kif jiġu ddeterminati l-aċċess għas-CSDs u relazzjonijiet kuntrattwali mas-CSDs; (c) kif valuti li mhumiex l-euro jsiru eliġibbli għall-użu fit-T2S; u (d) l-iżvilupp tal-Programm T2S.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din il-Linja ta’ Gwida:

“depożitarju ċentrali tat-titoli” (CSD) tfisser entità li: (a) tippermetti li jiġu pproċessati u jsir sald b’entrata fi ktieb ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli; u (b) tipprovdi servizzi ta’ kustodja, eż il-ġestjoni ta’ azzjonijiet tal-korporazzjoni u ammortamenti; u (c) ikollha rwol attiv f’li tiġi żgurata l-integrità ta’ ħruġ ta’ titoli;

“kunsinna kontra ħlas” tfisser mekkaniżmu li jorbot trasferiment ta’ titoli u trasferiment ta’ fondi b’mod li jiżgura li l-kunsinna ta’ titoli sseħħ biss jekk ikun sar il-ħlas ta’ fondi;

“BĊN taż-żona euro” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro;

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew BĊN taż-żona euro jew il-BĊE, skont il-każ;

“Ftehim Qafas” tfisser il-qafas kuntrattwali li jidħol fih CSD u l-Eurosistema għall-fażi tal-iżvilupp u operattiva;

“speċifikazzjonijiet funzjonali ġenerali” (GFS) tfisser deskrizzjoni ġenerali tas-soluzzjoni funzjonali li tiġi żviluppata biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-utent T2S. Tinkludi elementi bħall-arkitettura funzjonali (domains/moduli u interazzjonijiet), il-mudelli kunċettwali, il-mudell ta’ dejta jew il-proċess tal-fluss ta’ dejta;

“ftehim Livell 2-Livell 3”, tfisser il-ftehim ta’ provvista u tħaddim innegozjat bejn il-Bord għall-Programm T2S u l-4CB, approvat mill-Kunsill Governattiv u sussegwentement iffirmat mil-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-4CB. Huwa fih id-dettalji addizzjonali dwar id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-4CB, il-Bord għall-Programm T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema;

“Stat Membru” tfisser pajjiż li huwa membru tal-Unjoni;

“BĊN li mhux taż-żona euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-valuta tiegħu mhijiex l-euro;

“fażi operattiva” tfisser il-perijodu ta’ żmien li jibda wara li l-ewwel CSD tkun imxiet għat-T2S;

“bank ċentrali ieħor” tfisser il-bank ċentrali ta’ pajjiż li huwa barra l-Unjoni;

“skeda ta’ ħlas” tfisser skeda li tindika s-sekwenza ta’ ħlas għall-ħlasijiet rateali ta’ rimborż lill-4CB;

“ftehim tal-livell ta’ servizz” tfisser kemm il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-4CB lill-Eurosistema, u l-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Eurosistema lis-CSDs fir-rigward tat-T2S;

“fażi ta’ speċifikazzjoni u żvilupp” tfisser il-perijodu ta’ żmien li jibda bl-approvazzjoni tal-URD mill-Kunsill Governattiv u t-tmiem bil-bidu tal-fażi operattiva;

“T2S” tfisser l-applikazzjoni ta’ negozju T2S u l-pjattaforma T2S;

“applikazzjoni ta’ negozju T2S” tfisser is-software żviluppat u mħaddem mill-4CB f’isem l-Eurosistema biex l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi servizzi T2S fuq il-pjattaforma T2S;

“Proċedura ta’ Maniġment ta’ Bidla u Rilaxx T2S” tfisser sett ta’ regoli u proċeduri li jiġu applikati kull meta titnieda bidla fis-servizzi ta’ T2S;

“allokazzjoni finanzjarja T2S” tfisser il-limitu superjuri għar-rimborż tal-ispiża totali tat-T2S. L-allokazzjoni finanzjarja tiddetermina (a) għall-BĊNi parteċipanti l-ammont massimu li għandu jitħallas għat-T2S u (b) għall-4CB l-ammont li jieħdu lura mingħand il-BĊNi parteċipanti mal-kunsinna, skont l-iskeda tal-ħlas miftiehma;

“pjattaforma T2S” tfisser, għall-finijiet ta’ din il-Linja ta’ Gwida u minkejja l-użu tat-terminu pjattaforma T2S f’dokumentazzjoni T2S relatata oħra, il-hardware u l-komponenti kollha tas-software tas-sistema (jiġifieri s-software kollu użat bl-esklużjoni tal-applikazzjoni tan-negozju T2S) meħtieġa biex titħaddem u topera l-applikazzjoni tan-negozju T2S;

“Programm T2S” tfisser is-sett ta’ attivitajiet relatati u deliverables meħtieġa biex it-T2S jiġi żviluppat sakemm ikun hemm il-migrazzjoni sħiħa tas-CSDs kollha li ffirmaw il-Ftehim Qafas mal-Eurosistema;

“Bord għall-Programm T2S” tfisser il-korp ta’ maniġment tal-Eurosistema stabbilit bis-saħħa tad-Deċiżjoni BĊE/2009/6, li għandu l-ħidma li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi ħidmiet ta’ natura purament teknika fir-rigward tat-T2S;

“kont tal-proġett T2S” tfisser il-kont T2S użat għall-ġbir u tqassim ta’ ħlasijiet akkont, rimborż u miżati. Il-kont tal-proġett jista’ jkollu sub-kontijiet sabiex jiġu mifrudin it-tipi differenti ta’ dħul u ħruġ ta’ flus. Mhuwiex ta’ natura baġitarja;

“servizzi T2S” tfisser is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Eurosistema lis-CSDs abbażi tal-Ftehim Qafas;

“utenti tat-T2S” tfisser entitajiet legali li, għall-finijiet tat-T2S, ikunu daħlu f’relazzjoni kuntrattwali mas-CSDs li ffirmaw il-Ftehim Qafas mal-Eurosistema biex jużaw it-T2S. Tinkludi wkoll banek ta’ ħlas li għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-banek ċentrali u jipprovdu likwidità fuq kont ta’ kontanti T2S dedikat permezz ta’ kont tas-sistema ta’ sald gross f’ħin reali lil istituzzjoni finanzjarja, li tagħmel sald f’T2S;

“Speċifikazzjonijiet funzjonali dettaljati għall-utent” (UDFS) tfisser deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet li jiġġestixxu l-flussi tad-dejta esterni T2S (minn applikazzjoni għal applikazzjoni). Tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-utenti biex jaġġustaw jew jiżviluppaw is-sistema ta’ informazzjoni interna tagħhom biex tqabbadhom mat-T2S;

“Manwal għall-utent” tfisser id-dokument li jiddeskrivi l-mod kif utenti T2S jistgħu jużaw numru ta’ funzjonijiet ta’ software T2S li huma disponibbli f’modalità (ibbażata fuq skrin) utent għal applikazzjoni;

“Dokument dwar il-ħtiġijiet tal’utent” (URD) tfisser id-dokument li jiistabbilixxi r-rekwiżiti tal-utent għat-T2S kif ippubblikat mill-BĊE fit-3 ta’ Lulju 2008 u kif sussegwentement emendat permezz tal-Proċedura ta’ Maniġment ta’ Bidla u Rilaxx T2S.

TAQSIMA II

GOVERNANZA TAL-PROGRAMM T2S

Artikolu 3

Livelli ta’ governanza

Il-governanza tal-Programm T2S għandha tkun ibbażata fuq tliet livelli kif deskritt f’din it-Taqsima tal-Linja ta’ Gwida. Il-Livell 1 għandu jikkonsisti mill-Kunsill Governattiv, il-Livell 2 għandu jikkonsisti mill-Bord għall-Programm T2S u l-Livell 3 għandu jikkonsisti mill-4CB.

Artikolu 4

Il-Kunsill Governattiv

1.   Il-Kunsill Goverattiv għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni, il-maniġment kumplessiv u l-kontroll tal-Programm T2S. Għandu jkun responsabbli wkoll għat-teħid ta’ deċiżjoni finali fir-rigward tal-Programm T2S u għandu jiddeċiedi fuq l-allokazzjoni ta’ ħidmiet mhux attribwiti speċifikament lil-Livelli 2 u 3.

2.   B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu jkollu l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

responsabbiltà għall-governanza tal-Programm T2S permezz tal-attivitajiet kollha li ġejjin:

(i)

li jiddeċiedi fuq kull kwistjoni dwar il-governanza tat-T2S; li jassumi r-responsabbiltà għall-Programm T2S in ġenerali u għalhekk ikun dak li jieħu d-deċiżjoni finali jekk tinqala’ xi kwistjoni;

(ii)

jieħu, fuq bażi ad hoc, deċiżjonijiet dwar ħidmiet assenjati lill-Bord għall-Programm T2S jew lill-4CB;

(iii)

jalloka t-twettiq ta’ ħidmiet speċifiċi addizzjonali jew sussegwenti dwar il-Programm T2S lill-Bord għall-Programm T2S u/jew lill-4CB, filwaqt li jiddetermina liema deċiżjonijiet dwarhom iżomm għalih;

(iv)

jadotta kwalunkwe deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni tal-Bord għall-Programm T2S;

(b)

jieħu ħsieb talbiet minn membri tal-Grupp Konsultattiv T2S ippreżentati skont ir-regoli tal-Grupp Konsultattiv T2S;

(c)

jiddeċiedi fuq is-sistema finanzjarja bażika għat-T2S, jiġifieri:

(i)

il-politika dwar il-prezzijiet għal servizzi T2S;

(ii)

il-metodoloġija tal-ispiża għat-T2S;

(iii)

l-arranġamenti finanzjarji skont l-Artikolu 12;

(d)

jiddeċiedi dwar il-kriterji ta’ aċċess tas-CSD;

(e)

jivvalida u jaċċetta l-Pjan tal-Programm T2S; jimmoniterja l-progress tal-Programm T2S u jiddeċiedi dwar miżuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S;

(f)

jiddeċiedi fuq l-aspetti operattivi bażiċi tat-T2S, jiġifieri:

(i)

il-qafas operattiv tat-T2S, inkluża l-istrateġija tal-immanniġġar ta’ inċidenti u kriżi;

(ii)

il-qafas tas-sigurtà ta’ informazzjoni T2S;

(iii)

il-Proċedura ta’ Maniġment ta’ Bidla u Rilaxx T2S;

(iv)

l-istrateġija għall-ittestjar tat-T2S;

(v)

l-istrateġija ta’ migrazzjoni tat-T2S;

(vi)

il-qafas ta’ maniġment ta’ riskju tat-T2S;

(g)

japprova l-qafas kuntrattwali bażiku, jiġifieri:

(i)

il-ftehim bejn il-Livelli 2 u 3;

(ii)

il-ftehim tal-livell ta’ servizz innegozjat bejn il-Bord għall-Programm T2S u s-CSDs u l-banek ċentrali tal-Eurosistema kif ukoll mal-4CB;

(iii)

il-kuntratti mas-CSDs li huma nnegozjati mill-Bord għall-Programm T2S konġuntament mal-banek ċentrali tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, is-CSDs;

(iv)

il-kuntratti mal-BĊNi mhux taż-żona euro, banek ċentrali oħrajn jew awtoritajiet monetarji kompetenti oħrajn, inkluż ftehim tal-livell ta’ servizz rispettiv;

(h)

responsabbiltà biex jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ regoli u prinċipji ta’ sorveljanza;

(i)

jiddeċiedi dwar id-data tal-bidu tal-migrazzjoni tas-CSDs għat-T2S.

Artikolu 5

Il-Bord għall-Programm T2S

1.   Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Bord għall-Programm T2S huma stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2009/6. Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkun inkarigat mid-dmirijiet assenjati lil-Livell 2 fi ħdan il-qafas ġenerali definit mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-mandat tal-Bord għall-Programm T2S jinkludi wkoll:

(a)

id-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-GFS, l-UDFS u l-Manwali għall-Utent;

(b)

l-implimentazzjoni tal-qafas operattiv T2S, inkluża l-istrateġija tal-immaniġġar ta’ inċidenti u kriżi, fil-parametri magħmulin mill-Kunsill Governattiv:

(c)

l-innegozjar tal-ftehim ta’ parteċipazzjoni tal-valuta msemmi fl-Artikoli 19(1) u (2);

(d)

għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji u/jew ta’ sorveljanza kompetenti;

(e)

l-innegozjar tal-ftehim Livell 2-Livell 3 mal-4CB, għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 6

Il-4CB

1.   Il-4CB għandhom jiżviluppaw u joperaw T2S u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-allokazzjoni tax-xogħol lill-Bord għall-Programm T2S.

Il-4CB għandhom, b’mod partikolari, jagħmlu l-ħidmiet kollha li ġejjin:

(a)

jippreparaw, abbażi tal-URD u l-gwida tal-Bord għall-Programm T2S, il-GFS, l-UDFS u l-Manwali għall-Utenti skont il-Pjan tal-Programm T2S;

(b)

jiżviluppaw u jibnu T2S f’isem l-Eurosistema, u jipprovdu l-komponenti tekniċi tat-T2S skont il-Pjan tal-Programm T2S u mal-URD, il-GFS u l-UDFS u livelli oħrajn ta’ speċifikazzjonijiet u servizz;

(c)

jagħmlu t-T2S disponibbli lill-Bord għall-Programm T2S skont iż-żmien, l-ispeċifikazzjonijiet u l-livelli ta’ servizz approvati;

(d)

jissottomettu s-segwenti lill-Bord għall-Programm T2S għall-finijiet tal-arranġamenti finanzjarji T2S skont l-Artikolu 12:

(i)

stima, f’forma li tista’ tiġi evalwata u/jew awditjata mill-kumitat relevanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) jew tal-Eurosistema u/jew minn awdituri esterni, tal-ispejjeż li se jeħlu biex jiżviluppaw u joperaw it-T2S;

(ii)

offerta finanzjarja, li tinkludi t-tip, l-iskeda tal-ħlas kif ukoll il-perijodu ta’ żmien kopert;

(e)

jiksbu l-liċenzji kollha meħtieġa biex jinbena u jiġi operat it-T2S u biex l-Eurosistema tkun f’posizzjoni li tipprovdi servizzi T2S lis-CSDs;

(f)

jimplimentaw tibdil fit-T2S skont il-Proċedura ta’ Maniġment ta’ Bidla u Rilaxx T2S;

(g)

jipprovdu risposti fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom għal talbiet ifformulati mill-Kunsill Governattiv jew il-Bord għall-Programm T2S;

(h)

jipprovdu taħriġ, appoġġ tekniku u operattiv għal testijiet u għal migrazzjoni, taħt il-koordinazzjoni tal-Bord għall-Programm T2S;

(i)

jinnegozjaw il-ftehim tal-Livell 2-Livell 3 mal-Bord għall-Programm T2S.

2.   Il-4CB għandhom ikunu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Eurosistema għat-twettiq tal-ħidmiet tagħhom. Ir-responsabbiltà għanda tkopri frodi, aġir doluż u traskuraġni kbira. Is-sistema ta’ responsabbiltà għandha tiġi speċifikata iżjed fil-ftehim tal-Livell 2-Livell 3.

3.   L-outsourcing jew is-subappaltar tax-xogħol ta’ hawn fuq mill-4CB lil fornituri esterni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-4CB lejn l-Eurosistema u parteċipanti oħrajn u għandu jkun trasparenti għall-Bord għall-Programm T2S.

Artikolu 7

Relazzjonijiet ma’ parteċipanti esterni

1.   Il-Grupp Konsultattiv T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti T2S esterni. Il-Grupp Konsultattiv T2S għandu jirrapporta lill-Bord għall-Programm T2S u jista’, f’każijiet eċċezzjonali, iressaq kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-Kunsill Governattiv.

Il-Grupp Konsultattiv T2S għandu jiġi ppresedut mill-president tal-Bord għall-Programm T2S. Il-komposizzjoni u l-mandat tal-Grupp Konsultattiv T2S huma stabbiliti fl-Anness ta’ din il-Linja ta’ Gwida.

Il-Grupp Konsultattiv għandu jwettaq il-funzjoni tiegħu skont ir-Regoli ta’ Proċedura li huma approvati mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-Grupp ta’ Kuntatt CSD huwa forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni mas-CSDs. Huwa jiffaċilita t-tħejjija u l-innegozjar tal-Ftehim Qafas bejn l-Eurosistema, minn naħa, u s-CSDs li jixtiequ jipparteċipaw fit-T2S, min-naħa l-oħra. Il-Grupp ta’ Kuntatt CSD għandu jkun ippresedut mill-president tal-Bord għall-Programm T2S. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Grupp ta’ Kuntatt CSD huma stabbiliti fl-Anness.

3.   Il-Gruppi ta’ Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi għas-sald ta’ titoli ġewwa s-suq nazzjonali tagħhom, biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-T2S u biex jiġi vvalutat l-impatt tat-T2S fis-swieq nazzjonali. Il-Gruppi ta’ Utenti Nazzjonali għandhom jiġu ppreseduti mill-BĊNi rispettivi. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal- Gruppi ta’ Utenti Nazzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 8

Governanza tajba

1.   Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-provvista ta’ servizz ta’ T2S tal-Eurosistema u l-funzjonijiet regolatorji tagħha, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li:

(a)

membri tal-Bord għall-Programm T2S ma jipparteċipawx f’attivitajiet ta’ sorveljanza tal-bank ċentrali tagħhom marbutin mat-T2S. kif speċifikat fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord għall-Programm T2S, kif approvati mill-Kunsill Governattiv. M’għandhomx ikunu membri tal-Kumitat tas-Sistemi ta’ Ħlas u Sald (PSSC), tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITC) jew il-Kumitat tat-Tmexxija IT tal-Eurosistema (EISC);

(b)

ikun hemm distinzjoni bejn is-sorveljanza T2S u l-attivitajiet operattivi tat-T2S.

2.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkun suġġett għall-obbligi ta’ rappurtar, kontroll u verifika, kif definit f’din il-Linja ta’ Gwida. Verifiki dwar l-iżvilupp, l-operazzjoni u l-ispiża ta’ T2S għandhom jibdew u jitmexxew abbażi ta’ prinċipji u arranġamenti li jidhru fil-politika ta’ verifika tas-SEBĊ tal-Kunsill Governattiv fis-seħħ fiż-żmien meta ssir l-verifika rilevanti.

Artikolu 9

Kooperazzjoni u informazzjoni

1.   Il-4CB u l-Bord għall-Programm T2S għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jiskambjaw informazzjoni u jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ natura oħra lil xulxin matul l-iżvilupp tal-Programm T2S.

2.   Il-4CB, il-banek ċentrali tal-Eurosistema l-oħrajn u l-Bord għall-Programm T2S għandhom jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kull kwistjoni li tista’ taffettwa materjalment l-iżvilupp jew bini ta’ T2S, u għandhom jipprovaw jimmitigaw kull riskju relatat.

3.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jirrapporta fuq bażi timestrali lill-Kunsill Governattiv fuq l-iżvilupp tal-Programm T2S. Għandhom jintbagħtu lill-PSSC u lill-EISC abbozzi ta’ rapporti għal kummenti qabel is-sottomissjoni permezz tal-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv.

4.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jaqsam l-aġendi, is-sommarji u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-laqgħat tiegħu mal-membri tal-PSSC, biex dawk il-membri jkunu jistgħu jipprovdu reazzjoni f’każ ta’ bżonn.

5.   Il-Bord għall-Programm T2S jista’ jikkonsulta, u jista’ jiġi kkonsultat minn kwalunkwe kumitat tas-SEBĊ kompetenti kif ikun meħtieġ.

6.   Il-4CB għandu jipprovdi rapporti regolari fuq il-Programm T2S lill-Bord għall-Programm T2S.

7.   Il-kontenut u l-proċedura dettaljata għar-rappurtar ta’ obbligi tal-Bord għall-Programm T2S u tal-4CB huma spjegati fid-dettall fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

TAQSIMA III

SISTEMA FINANZJARJA

Artikolu 10

Politika tal-prezzijiet

1.   Il-politika tal-prezzijiet għat-T2S għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji bażiċi li mhijiex għall-profitt, hija għall-irkupru sħiħ tal-ispejjeż u għan-nondikriminazzjoni fil-konfront tas-CSDs.

2.   Fi żmien 6 xhur wara l-adozzjoni ta’ din il-Linja ta’ Gwida, il-Bord għall-Programm T2S għandu jibgħat lill-Kunsill Governattiv proposta fuq il-politika tal-prezzijiet għal servizzi T2S, inklużi l-proċeduri ġenerali u rapport fuq il-konformità tat-T2S mal-oġġettiv ta’ operazzjoni fuq bażi li mhijiex għall-profitt u biex jinkiseb l-irkupru tal-ispejjeż kollha, inkluża l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe riskju finanzjarju riżultanti li tista’ tkun esposta għalih l-Eurosistema. Il-politika tal-prezzijiet ser tiġi diskussa mas-CSDs u l-utenti qabel ma tintbagħat lill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 11

Metodoloġija għall-ispejjeż u l-kontabbiltà

1.   It-T2S ser ikun suġġett għall-metodoloġija komuni għall-ispejjeż tal-Eurosistema u għal-Linja ta’ Gwida BĊE/2006/16 dwar il-qafas legali għall-kontabbiltà u rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (2), sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.

2.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu, fi stadju bikri ħafna, jinvolvi ‘l-kumitati relevanti tas-SEBĊ/Eurosistema fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni korretta ta’:

(i)

il-metodoloġija komuni għall-ispiża tal-Eurosistema fil-kuntest tal-istimi tal-ispiża T2S u l-kalkolu tal-ispejjeż annwali T2S; u

(ii)

il-Linja ta’ Gwida BĊE/2006/16 mill-BĊE u l-4CB fil-kuntest tal-ispiża T2S u r-rikonoxximent tal-attiv.

Artikolu 12

Arranġamenti finanzjarji

1.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jippreżenta proposta dwar l-allokazzjoni finanzjarja T2S lill-Kunsill Governattiv, li għandha tinkludi l-ispejjeż T2S, jiġifieri l-ispejjeż tal-4CB u tal-BĊE għall-iżvilupp, il-manteniment u l-operat tat-T2S.

2.   Il-proposta għandha tinkludi wkoll:

(a)

it-tip tal-offerta;

(b)

skeda tal-ħlas;

(c)

perijodu ta’ żmien kopert;

(d)

mekkaniżmu biex tinqasam in-nefqa;

(e)

l-ispiża tal-kapital.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jicceċiedi dwar l-arranġamenti finanzjarji.

Artikolu 13

Ħlasijiet

1.   Għandu jkun hemm kont tal-proġett T2S miżmum għand il-BĊE f’isem l-Eurosistema. Il-kont tal-proġett T2S m’għandux ikollu natura baġitarja iżda għandu jintuża sabiex jinġabru u jitqassmu il-pagamenti bil-quddiem kollha marbutin mal-ispiża T2S, ħlasijiet akkont u rimborżi, kif ukoll il-miżati għall-użu tat-T2S.

2.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jiġġestixxi l-kont tal-proġett T2S f’isem l-Eurosistema. Bla ħsara għall-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ dak li jrid jiġi kkunsinnat mill-4CB, il-Bord għall-Programm T2S għandu japprova l-pagament ta’ kull ħlas akkont lill-4CB skont l-iskeda għall-ħlas approvata mill-Kunsill Governattiv u stabbilita fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

Artikolu 14

Id-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S

1.   Il-programm tat-T2S għandu jkun għal kollox proprjetà tal-Eurosistema.

2.   Għal dan il-għan, il-4CB għandhom jagħtu liċenzji tal-Eurosistema dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meħtieġa biex jippermettu lill-Eurosistema tipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi T2S lis-CSDs taħt ir-regoli applikabbli u l-livelli ta’ servizz komuni u fuq bażi ugwali. Il-4CB għandhom jikkumpensaw ‘il-Eurosistema għal kwalunkwe talba dwar ksur magħmulin minn terzi fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

3.   Id-dettalji dwar id-drittijiet tal-Eurosistema lit-T2S għandhom jiġu miftiehma bejn il-4CB u l-Bord għall-Programm T2S fil-ftehim Livell 2-Livell 3. Id-drittijiet tal-awtoritajiet li ffirmaw ftehim ta’ parteċipazzjoni tal-valuta kif definit fl-Artikolu 18 għandhom jitniżżlu f’dak il-ftehim.

TAQSIMA IV

DEPOŻITARJI ĊENTRALI TA’ TITOLI

Artikolu 15

Kriterji ta’ aċċess tas-CSD

1.   Is-CSDs għandhom ikunu eliġibbli għall-aċċess għas-servizzi T2S sakemm:

(a)

ikunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (3) jew, fil-każ ta’ CSD mhux minn ġurisdizzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), joperaw taħt qafas legali u regolatorju li huwa ekwivalenti għal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

(b)

ġew ivvalutati pożittivament mill-awtoritajiet kompetenti fil-konfront tar-Rakkomandazzjonijiet għas-Sistema ta’ Sald ta’ Titoli tas-CESR/SEBĊ;

(c)

wara li jkunu ntalbu jagħmlu dan, ikunu poġġew għad-dispożizzjoni ta’ CSDs oħra fit-T2S kull titolu/ISIN li tiegħu ikunu s-CSDs li ħarġu (jew is-CSD tekniku li ħarġu);

(d)

jintrabtu li joffru lil CSDs oħrajn fit-T2S is-servizz bażiku ta’ kustodja fuq bażi mhux diskriminatorja;

(e)

jintrabtu ma’ CSDs oħrajn fit-T2S li jagħmlu s-saldu tal-flus tal-bank ċentrali tagħhom fit-T2S, jekk il-valuta hija disponibbli fit-T2S.

2.   Ir-regoli fir-rigward tal-kriterji ta’ aċċess għas-CSDs għandhom jiġu implimentati fil-ftehim kuntrattwali bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs.

3.   Il-BĊE għandu jżomm lista fuq is-sit elettroniku tiegħu li tidentifika lis-CSDs ammessi biex jagħmlu saldu fit-T2S.

Artikolu 16

Relazzjonijiet kontrattwali ma’ CSDs

1.   Il-kuntratti bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs, inklużi l-ftehim tal-livell ta’ servizz għandhom ikunu armonizzati kompletament.

2.   Il-Bord għall-Programm T2S, konġuntament mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għandhom jinnegozjaw il-kuntratti mas-CSDs.

3.   Il-kuntratti mas-CSDs għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Ġenerali u wara ffirmati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-pajjiż fejn tinsab is-sede tas-CSD, jew mill-BĊE għas-CSDs li jinsabu barra ż-żona euro, f’kull każ waqt li jaġixxu f’isem il-banek ċentrali tal-Eurosistema kollha. Fir-rigward tal-Irlanda, il-kuntratt ser jiġi ffirmat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-Istat Membru li nnotifika s-sistema ta’ saldu ta’ titoli lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE.

Artikolu 17

Konformità mar-rekwiżiti regolatorji

1.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkollu l-għan li jappoġġa konformità kontinwa mis-CSDs mar-rekwiżiti legali, regolatorji u ta’ sorveljanza rilevanti.

2.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jikkunsidra jekk il-BĊE għandux joħroġ rakkomandazzjonijiet biex iħajjar adattamenti leġiżlattivi biex jiġu żgurati drittijiet ta’ aċċess ugwali għas-servizzi T2S mis-CSDs u jsiru proposti dwarhom lill-Kunsill Governattiv.

TAQSIMA V

VALUTI LI MHUMIEX F’EURO

Artikolu 18

Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-inklużjoni fit-T2S

1.   Valuta taż-ŻEE li mhijiex l-euro għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-BĊN mhux fiż-żona tal-euro, bank ċentrali ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-valuta ikunu daħlu fi ftehim ta’ parteċipazzjoni tal-valuta mal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibbiltà ta’ dik il-valuta.

2.   Valuta li ma tkunx valuta ŻEE għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibbiltà ta’ dik il-valuta, jekk:

(a)

il-qafas legali, regolatorju u ta’ sorveljanza applikabbli għas-saldu f’dik il-valuta jipprovdi sostanzjalment l-istess livell ta’ ċertezza jew ogħla bħal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

(b)

l-inklużjoni ta’ dik il-valuta fit-T2S ikollha impatt pożittiv fuq il-kontribuzzjoni tat-T2S fis-suq tas-saldu tat-titoli tal-Unjoni;

(c)

il-bank ċentrali l-ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-valuta jidħlu fi ftehim ta’ parteċipazzjoni tal-valuta sodisfaċenti reċiprokament mal-Eurosistema.

3.   Skont il-mandat tal-Bord għall-Programm T2S, BĊNi li mhumiex taż-żona tal-euro jistgħu jiġu rappreżentati fil-Bord għall-Programm T2S.

TAQSIMA VI

ŻVILUPP TAL-PROGRAMM T2S

Artikolu 19

Pjan tal-Programm T2S

1.   Mal-adozzjoni ta’ din il-Linja ta’ Gwida, il-Bord għall-Programm T2S għandu jagħmel proposti lill-Kunsill Governattiv għall-Pjan ta’ Programm T2S, ibbażat fuq l-URD, li jikkonsisti minn lista strutturata ta’ deliverables u attivitajiet fir-rigward tal-Programm T2S, flimkien mal-interdipendenzi tagħhom u dati tal-bidu u tat-tmiem intenzjonati.

2.   Abbażi tal-proposti magħmulin mill-Bord għall-Programm T2S, il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta, jivvalida u jaċċetta il-Pjan tal-Programm T2S.

3.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jistabbilixxi skeda ta’ programm dettaljata abbażi tal-Pjan tal-Programm T2S li jidentifika l-milestones tal-Programm T2S. L-iskeda għandha tiġi ppubblikata u kkomunikata lill-parteċipanti fit-T2S.

4.   Jekk hemm riskju serju li milestone tal-Programm T2S mhux ser jintlaħaq, il-Bord għall-Programm T2S għandu jinforma minnufih lill-Kunsill Governattiv b’dan, u jipproponi miżuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm T2S.

TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Ftehim Livell 2-Livell 3

1.   Bla ħsara għal din il-Linja ta’ Gwida, ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jipprovdi għad-dettalji addizzjonali tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-4CB, il-Bord għall-Programm T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema.

2.   L-abbozz ta’ ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jintbagħat għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv imbagħad jiġi ffirmat mill-Eurosistema u l-4CB.

Artikolu 21

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.   Jekk tilwima fir-rigward ta’ kwistjoni regolata minn din il-Linja ta’ Gwida ma tkunx tista’ tiġi solvuta bi ftehim bejn il-partijiet milqutin, kull parti milquta tista’ tibgħat il-kwistjoni lill-Kunsill Governattiv għal deċiżjoni.

2.   Il-ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jipprovdi li l-Bord għall-Programm T2S jew l-4CB jistgħu jressqu kull tilwima li tinqala’ mill-ftehim Livell 2-Livell 3 lill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta’ Gwida għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 23

Indirizzati u miżuri ta’ implimentazzjoni

Din il-Linja ta’ Gwida tapplika għall-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ April 2010.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 102, 22.4.2009, p. 12.

(2)  ĠU L 348, 11.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.


ANNESS

GRUPP KONSULTATTIV T2S

Mandat u komposizzjoni

1.   Mandat u kompetenzi

Il-Grupp Konsultattiv (AG) dwar it-TARGET2-Securities (T2S) għandu l-mandat segwenti:

(a)

li jappoġġja r-reviżjoni mill-Eurosistema tal-Ispeċifikazzjonijiet Ġenerali (ĠS) u tal-Ispeċifikazzjonijiet Funzjonali Dettaljati għall-Utent (UDFS) sabiex jiżgura li jikkonformaw bis-sħiħ mad-Dokument dwar ir-Rekwiżiti għall-Utent (URD);

(b)

li jappoġġja r-reviżjoni mill-Eurosistema ta’ kull talba għal tibdil fil-URD;

(c)

li jagħti parir dwar id-definizzjoni ulterjuri tat-tisħiħ legali għall-GS u l-UDFS;

(d)

li jappoġġja lill-Eurosistema fl-irfinar ulterjuri tal-qafas dwar il-prezzijiet;

(e)

li jkompli x-xogħol fuq l-armonizzazzjoni fil-qasam ts-sald ta’ titoli marbutin mat-T2S;

(f)

li jsostni l-isforzi għall-implimentazzjoni fis-suq;

(g)

li jagħti pariri dwar, u jsostni l-implimentazzjoni, ta’ ftehim u politika li jikkontribwixxu għal ambjent fit-T2S wara n-negozju li huwa effettiv u jiffranka l-ispejjeż bejn it-T2S u s-CSDs, u b’hekk jinkoraġġixxi lis-CSDs u lill-utenti tas-suq li jintrabtu li jċaqalqu l-bilanċi u l-attività ta’ saldu għat-T2S;

(h)

li jagħti parir dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u t-tqassim f’fażijiet.

2.   Komposizzjoni

2.1.

L-AG huwa kompost mill-President, is-Segretarja, membri sħaħ u osservaturi.

2.2.

Kull meta jidhirlu li huwa xieraq, il-President jista’ fid-diskrezzjoni tiegħu jistieden esperti addizzjonali għal-laqgħat tal-AG fuq bażi ad hoc u jinforma lill-AG dwar dan.

3.   Membri sħaħ

3.1.

Il-membri sħaħ huma intitolati li jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-AG.

3.2.

Kull grupp li huwa eliġibbli għall-isħubija sħiħa skont il-paragrafu 3.3 huwa allokat l-istess numru ta’ membri sħaħ. In-numru ta’ membri sħaħ ta’ kull grupp ieħor li għandu interess huwa ugwali għan-numru ta’ membri sħaħ fil-grupp tal-banek ċentrali li għandhom interess.

3.3.

Rappreżentant ta’ wieħed mill-gruppi segwenti huwa eliġibbli sabiex ikun membru sħiħ tal-AG:

(a)

Banek ċentrali – il-BĊE u kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) taż-żona euro għandu jkun irrappreżentat minn membru sħiħ wieħed. Malli Stat Membru jadotta l-euro, il-BĊN rispettiv jipparteċipa ukoll bħala membru sħiħ fl-AG mid-data tad-dħul fiż-żona euro. Bank ċentrali barra ż-żona euro li ddeċieda li jinkludi l-valuta tiegħu fit-T2S huwa ukoll irrappreżentat minn membru sħiħ wieħed sa mid-data ta’ dik id-deċiżjoni. Bħala awtorità pubblika, il-Kummissjoni Ewropea hija membru sħiħ u hija magħduda bħala membru tal-grupp tal-banek ċentrali;

(b)

Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (CSDs) – kull grupp ta’ CSDs, li jista’ jkun fih bosta CSDs, jew kull CSD, skont il-każ, li jħallas it-transazzjonijiet tiegħu tal-euro u/jew it-transazzjonijiet tiegħu fil-valuta nazzjonali tiegħu li mhijiex l-euro, u li jkun issodisfa l-kriterji li ġejjin, huwa membru sħiħ tal-AG u jista’ jinnomina rappreżentant wieħed:

ikun iddikjara s-sostenn tiegħu lejn it-T2S,

irid jidħol f’arranġament kuntrattwali mal-Eurosistema,

ikun iddikjara l-intenzjoni tiegħu li juża t-T2S la tibda titħaddem.

Skont il-paragrafi 3.2 u 3.3(a), in-numru ta’ rappreżentanti tas-CSD huwa ugwali għan-numru ta’ rappreżentanti tal-banek ċentrali. B’hekk, gruppi ta’ CSDs li huma akbar u CSDs akbar għandhom numru ogħla ta’ rappreżentanti, skont il-volum ta’ sald tagħhom. In-numru ta’ rappreżentanti addizzjonali huwa determinat mis-CSDs rappreżentati fl-AG u mill-President tal-AG, skont il-metodoloġija d’Hondt għar-rappreżentanza proporzjonata;

(c)

Utenti – il-Kumitat għan-Nomini (NC) jagħżel il-membri mill-komunità ta’ utenti abbażi tal-applikazzjonijiet li jkun irċieva s-Segretarju skont kriterju speċifikat minn qabel:

mill-inqas ħdax-il membru sħiħ li jirrappreżentaw il-banek kummerċjali ewlenin li huma attivi fin-negozju tat-titoli f’valuti li huma eliġibbli għas-sald fit-T2S, irrispettivament mill-post fejn ġew inkorporati,

mill-inqas żewġ membri sħaħ li jirrappreżentaw banek internazzjonali għall-investiment,

mill-inqas żewġ membri sħaħ li jirrappreżentaw banek li huma attivi fl-industrija tas-sald tat-titoli sabiex jaqdu l-klijienti lokali tagħhom,

mill-inqas membru sħiħ wieħed li jirrappreżenta kontroparti ċentrali.

4.   Osservaturi

4.1.

L-osservaturi huma intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-AG, iżda ma jistgħux jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu.

4.2.

Rappreżentant ta’ kull wieħed mill-gruppi/istituzzjonijiet li ġejjin huwa eliġibbli sabiex ikun osservatur tal-AG:

(a)

il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej;

(b)

il-Federazzjoni Bankarja Ewropea;

(c)

il-Grupp Ewropew ta’ Banek għat-Tfaddil;

(d)

l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek għall-Koperattivi;

(e)

il-Forum Ewropew għas-Servizzi tat-Titoli;

(f)

il-Federazzjoni għall-Iskambji tat-Titoli Ewropej;

(g)

CSDs li jappoġġjaw t-T2S u li jitħaddmu minn BĊN;

(h)

Presidenti ta’ sottokumitati tal-AG.

4.3.

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema li ser jibnu u joperaw il-pjattaforma T2S (4CB) jistgħu jinnominaw rappreżentant għal kull bank ċentrali individwali sabiex jipparteċipa fl-AG bħala osservatur. Dawn ir-rappreżentanti jippreżentaw l-opinjoni tagħhom lill-AG b’mod uniformi.

5.   Proċeduri għan-nomina

5.1.

Il-proċeduri għan-nomini li ġejjin japplikaw għall-membri sħaħ u għall-osservaturi:

(a)

rappreżentant ta’ bank ċentrali huwa nominat mill-Gvernatur/President tal-bank ċentrali konċernat skont l-istatut tal-bank ċentrali applikabbli;

(b)

rappreżentant tas-CSD jiġi nominat mill-kap tas-CSD konċernat;

(c)

rappreżentant tal-utenti jiġi nominat mill-organizzazzjonijiet rispettivi abbażi ta’ applikazzjonijiet ad personam. Huma jinħatru mill-NC skont il-proċeduri applikabbli u l-kriterji tal-NC;

(d)

osservatur jiġi nominat mill-kap tal-grupp/istituzzjoni konċernat(a);

5.2.

Kull min jiġi nominat għandu jkollu l-livell propizju ta’ anzjanità u l-esperjenza teknika relevanti. L-entitajiet li jinnominaw huma responsabbli sabiex jiżguraw illi nominat jista’ jsib biżżejjed ħin sabiex ikun involut b’mod attiv fil-ħidma tal-AG.

5.3.

Kull nomina trid tiġi kkonfermata lis-Segretarju bil-miktub.

6.   Il-Parteċipazzjoni

6.1.

Membri sħaħ u osservaturi fl-AG jipparteċipaw fl-AG strettament fuq bażi personali. L-attendenza tagħhom għal-laqgħat tal-AG hija meqjusa bħala sinjal tar-rabta tagħhom mal-proġett.

6.2.

Il-membri sħaħ u l-osservaturi huma intitolati li jaħtru rappreżentant alternattiv (b’livell ekwivalenti ta’ anzjanità u ta’ esperjenza) li, f’ċirkostanzi straordinarji, jattendi għall-AG fl-assenza ta’ dawk tal-ewwel u jista’ jesprimi opinjonijiet jew, fil-każ tal-membri sħaħ, jivvota f’ismu/isimha permezz ta’ prokura. Il-membri sħaħ u l-osservaturi kkonċernati jinformaw lis-Segretarju b’dan permezz ta’ preavviż suffiċjenti.

6.3.

Kull meta membru sħiħ jew osservatur ikun ħalla l-entità li jirrappreżenta, is-sħubija tiegħu tieqaf b’effett immedjat.

6.4.

Il-President tal-AG għandu jitlob lill-organizzazzjoni responsabbli li qed tinnomina jew lill-NC, skont il-każ, sabiex jaħtar rappreżentant alternattiv kull darba li membru sħiħ jew osservatur jirriżenja jew li tieqaf is-sħubija tagħhom, skont il-proċedura għan-nomina applikabbli stabbilita fl-Artikolu 5.

7.   Il-President

7.1.

Il-President għandu jkun maniġer anzjan tal-BĊE u jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Il-President huwa intitolat illi jaħtar sostitut sabiex joħodlu postu f’ċirkostanzi straordinarji.

7.2.

Il-President huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-AG u jmexxi dawk il-laqgħat. F’din il-funzjoni, huwa jiddeċiedi dwar l-aġenda tal-laqgħat, billi jieħu kont tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-AG, u jiddeċiedi dwar id-dokumenti li għandhom jintbagħtu lill-AG.

7.3.

Il-President jiddeċiedi dwar jekk suġġett jappartjenix għall-qasam ta’ kompetenza tal-AG (skont paragrafu 1.2) u jinforma lil-AG skont il-każ jekk jiddeċiedi li kwistjoni mhijiex fil-qasam ta’ kompetenza tal-AG.

7.4.

Il-President jaqdi l-funzjonijiet kollha stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, kif ukoll kull funzjoni li tiġi sussegwentement iddelegata lilhom mill-AG.

7.5.

Il-President jinnomina lill-presidenti u lill-membri regolari tas-sottokumitati li huma mwaqqfin taħt l-awspiċi tal-AG.

7.6.

Il-President huwa l-uniku persuna li jirrappreżenta lill-AG esternament. L-AG jiġi infurmat b’mod propizju qabel kull sottomissjoni esterna relevanti li ssir mill-President f’isem l-AG. Kull komunikazzjoni esterna tal-AG tinġieb għall-attenzjoni tal-AG permezz ta’ preavviż suffiċjenti.

8.   Is-Segretarjat

8.1.

Is-Segretarju għandu jkun membru tal-persunal tal-BĊE b’livell ta’ esperjenza għoli u jinħatar mill-President. Il-President jista’ jaħtar sostitut sabiex jieħu post is-Segretarju f’ċirkostanzi straordinarji.

8.2.

Is-Segretarju huwa pprovdut bl-għajnuna operazzjonali u segretarjali mill-BĊE.

8.3.

Is-Segretarju jaħdem taħt it-tmexxija tal-President. Id-dmirjiet tas-Segretarju jinvolvu, partikolarment:

(a)

li jassisti lill-President fil-qadi ta’ dmirjietu;

(b)

li jorganizza l-laqgħat u jipprepara l-minuti tal-laqgħat;

(c)

li jassisti fl-abbozzar ta’ dokumenti adottati mill-AG;

(d)

li jagħmilha ta’ koordinatur għall-konsultazzjonijiet;

(e)

li jorganizza komunikazzjoni esterna marbuta max-xogħol tal-AG u l-gruppi l-oħra (bħall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti tal-AG);

(f)

li jeżegwixxi l-funzjonijiet kolla l-oħra assenjati lili/lilha minn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jew mill-AG jew mill-President, skont il-każ.

8.4.

Is-Segretarju huwa membru ex officio tan-NC. Huwa jista’ jipparteċipa ukoll fis-sottokumitati tal-AG.

8.5.

Is-Segretarju mhuwiex intitolat illi jieħu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-AG.

9.   Proċeduri għall-Ħidma

9.1.

Bħala regola, l-AG jiltaqa’ darba kull tliet xhur. Laqgħat addizzjonali jistgħu jissejħu mill-President, bid-dati jiġu kkomunikati bi preavviż suffiċjenti lill-AG. Fil-prinċipju, il-laqgħat isiru fil-bini tal-BĊE.

9.2.

Il-ħidma ssir bil-lingwa Ingliża.

9.3.

Il-konklużjonijiet preliminari dwar l-eżitu ewlieni ta’ laqgħa tal-AG jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol wara l-laqgħa. Dawn il-konklużjonijiet preliminari jiġu ppubblikati taħt ir-responsabbiltà tal-President, u mmarkati bħala tali, mingħajr l-involviment tal-AG. Is-Segretarju jipprovdi ukoll lista ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu wara kull laqgħa tal-AG li fiha jiġu elenkati d-dmirijiet u t-termini li jkunu ġew allokati matul dik il-laqgħa. Abbozz tal-minuti ta’ laqgħa tal-AG isir mis-Segretarju u jiġi ċċirkolat lill-membri tal-AG fi żmien sitt ijiem tax-xogħol wara l-laqgħa. Kummenti dwar l-abbozz tal-minuti għandhom jintbagħtu mill-membri tal-AG fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol. Il-verżjoni finali tal-minuti tiġi ppubblikata wara li tkun ġiet approvata mill-AG. Tieħu post il-konklużjonijiet preliminari tal-President, li jitneħħew mis-sit elettroniku wara l-pubblikazzjoni tal-minuti. Il-minuti jindikaw is-suġġetti li jkunu ġew ikkunsidrati, kif ukoll ir-riżultati tad-diskussjonijiet.

9.4.

L-AG jaħdem b’mod miftuħ u trasparenti.

L-aġenda għal laqgħa u d-dokumenti għad-diskussjoni (inkluż il-kontribut mis-sottokumitati tal-AG) jiġu ċċirkolati lill-membri u ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE mill-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa. Huwa fid-diskrezzjoni tal-AG li jiddeċiedi jekk dokumenti li jkunu ntbagħtu anqas minn ħamest ijiem qabel laqgħa jiġux diskussi matul dik il-laqgħa. Kummenti u sottomissjonijiet oħra li jirċievi s-Segretarju mhux aktar tard minn tlitt ijiem tax-xogħol qabel laqgħa jitqassmu lill-AG u, fil-prinċipju, għandhom jiġu ppubblikati ukoll fis-sit elettroniku tal-BĊE. Dokumenti ta’ natura kunfidenzjali (bħal dokumenti li jiġu rċevuti mingħand il-parteċipanti fis-suq bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità jew dokumenti meqjusin bħala kunfidenzjali mill-President) ma jiġux ippubblikati.

9.5.

Deċiżjonijiet tal-AG jistgħu jieħdu l-forma jew ta’ parir li jintbagħat direttament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet, jiġifieri l-Kunsill Governattiv u l-Bord Eżekuttiv, jew ta’ reżoluzzjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-AG jew ix-xogħol tas-sub-gruppi.

9.6.

Bħala regola, kull parir lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet jiġi addottat permezz ta’ kunsens fost il-membri tal-AG li qed jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet tal-AG. Jekk ma jistax jintlaħaq kunsens, il-President jista’ jiddeċiedi li jevalwa l-livell ta’ appoġġ għal parir speċifiku billi jistaqsi lill-membri sħaħ kollha tal-AG li qed jieħdu parti fid-deċiżjoni jekk jaqblux jew le mal-proposta. Il-livell ta’ sostenn jiġi kkomunikat lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. F’każ li jkun hemm bosta proposti għal parir dwar l-istess suġġett, huma biss dawk il-proposti li jkollhom l-appoġġ ta’ mill-anqas seba’ membri sħaħ tal-AG (jew is-rappreżentant alternattiv tagħhom) li jiġu notifikati lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Membri sħaħ mhumiex permessi li jappoġġjaw aktar minn proposta waħda dwar l-istess suġġett. Għal kwistjonijiet ta’ importanza estrema, seba’ membri sħaħ jistgħu jitolbu li l-opinjoni minoritarja tagħhom tiġi immedjatament ippreżentata lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

9.7.

L-AG jista’ jwaqqaf sottokumitati li jgħinuh fil-ħidma tiegħu fir-rigward ta’: (a) l-implimentazzjoni teknika tar-rekwiżiti tal-utent, (b) l-armonizzazzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mat-T2S, (c) kwistjonijiet legali marbutin mat-T2S, u (d) kull qasam ieħor fejn l-AG jidhirlu li għajnuna speċifika hija meħtieġa. Il-mandati ta’ dawn is-sub-gruppi huma definiti u adottati mill-AG.

L-AG jista’ jwaqqaf sub-gruppi li jinkludu l-gruppi ta’ kull min għandu interess fl-AG u li huma ta’ natura aktar permanenti. Barra minn hekk, l-AG jista’ jwaqqaf ukoll gruppi ta’ ħidma li mhux neċessarjament jinkludu lil kull min għandu interess fl-AG u/jew huma għal perijodu iqsar. Barra minn hekk kemm l-AG kif ukoll it-tim tal-proġett T2S jistgħu jagħmlu sejħa għal workshops sabiex jindirizzaw suġġetti partikolari fuq bażi ad hoc.

Deċiżjonijiet tal-AG li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol tas-sottokumitati għandhom jittieħdu permezz ta’ kunsens, jew vot b’maġġoranza sempliċi, jekk ma jintlaħaqx kunsens.

9.8.

L-AG għandu jiżgura illi firxa wiesgħa ta’ parteċipanti fis-suq u ta’ awtoritajiet jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għall-AG u li jiġu infurmati bid-deliberazzjonijiet tiegħu. Is-Segretarju jagħmilha ta’ koordinatur għal konsultazzjonijiet bħal dawn u jiġi megħjun mit-tim tat-T2S tal-BĊE, u minn impjegati oħra tal-BĊE fejn meħtieġ.

Għal dan il-għan, f’kull pajjiż, għandu jitwaqqaf Grupp ta’ Utenti Nazzjonali (NUG) biex jgħaqqad is-suq nazzjonali mal-AG. L-NUGs jistgħu jissottomettu suġġerimenti jew riżoluzzjonijiet lill-AG permezz tas-Segretarju.

L-AG għandu juża mezzi propizji sabiex jikkonsulta mal-parteċipanti fis-suq, mal-awtoritajiet, kif ukoll ma’ kull min għandu interess u partijiet konċernati, per eżempju permezz ta’ NUGs, konsultazzjonijiet pubbliċi, assemblej għad-diskussjoni, laqgħat iddedikati u sessjonijiet ta’ informazzjoni, jew il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet bir-reazzjonijiet wara l-konsultazzjonijiet.

Il-konsultazzjonijiet kollha għandhom, bħala regola, jagħtu perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn tliet ġimgħat għall-kummenti, sakemm il-President tal-AG ma jiddeċidix mod ieħor.

10.   Linji ta’ rappurtar u relazzjoni mal-Kumitati tas-Sistema Europea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ)

10.1.

Il-Kunsill Governattiv jista’ jagħti gwida ġenerali lill-AG, kemm fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll wara li jiġi mitlub jagħmel dan.

10.2.

L-AG jissottometti l-parir tiegħu direttament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-kunsiderazzjoni tagħhom.

10.3.

L-AG jista’ jagħti gwida direttament lil sottokumitat permezz tal-president rispettiv tiegħu fir-rigward tal-ħidma li trid titwettaq wara l-mandat, kemm fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll wara li jintalab minnhom biex jagħmel dan.

10.4.

Permezz tal-President, l-AG jista’ jikkonsulta ma’ Kumitat tas-SEBĊ jew ma’ sottokumitat(i) tiegħu dwar kwistjonijiet tekniċi speċifiċi fil-qasam ta’ kompetenza u esperjenza ta’ dak il-Kumitat (bħal kwistjonijiet legali marbutin mat-T2S). Fil-prinċipju, jingħata perijodu minimu ta’ tliet ġimgħat għal konsultazzjoni bħal din, sakemm ċirkostanzi speċjali ma jitolbux perijodu iqsar. Il-President jiżgura ukoll illi x-xogħol tal-AG ma jikkoinċidix mal-mandat ta’ Kumitat tas-SEBĊ.

GRUPP TA’ KUNTATT CSD

Mandat u komposizzjoni

1.   Ambitu tal-mandat

Il-grupp ta’ Kuntatt CSD (CCG) għandu jkun responsabbli għat-tħejjija u n-negozjati tal-Ftehim Qafas, bejn l-Eurosistema, fuq naħa, u s-CSDs li jixtiequ jipparteċipaw fit-T2S, fuq in-naħa l-oħra. Il-Ftehim Qafas għandu jkun dokument li jiġi propost mill-Kunsill Governattiv lis-CSDs Ewropej kollha. Għandu jkopri l-fażijiet tal-iżvilupp u operattivi tat-T2S. Għandu jiġi ffirmat mis-CSDs individwalment.

2.   Komposizzjoni

Is-CCG għandu jkun kompost mill-isponsors tal-proġett CSD u mill-membri u r-rappreżentanti alternattivi tal-Bord tal-Programm.

L-isponsors tal-proġett huma nominati mill-bordijiet ta’ tmexxija ta’ dawk is-CSDs li ffirmaw l-MoU mal-Eurosistema fis-16 ta Lulju 2009 jew li għamlu dikjarazzjoni unilaterali tal-aċċettazzjoni tagħhom wara dan. Kull membru tas-CSD jista’ jinnomina rappreżentant alternattiv li jista’ jissostitwih/a fil-każ li ma jkunx disponibbli. Fil-każ li kemm l-isponsor tal-proġett kif ukoll ir-rappreżentant alternattiv tiegħu/tagħha ma jkunux disponibbli, is-CSD ma jkunx rappreżentat. Fil-każ li membri tal-Bord tal-Programm T2S u r-rappreżentanti alternattivi ma jkunux disponibbli, ma jkunux jistgħu jinbidlu.

Il-president tas-CCGs għandu jkun il-president tal-Bord għall-Programm T2S. Il-president għandu b’koordinazzjoni mas-CSDs (1) jiddeċiedi dwar il-frekwenza, il-format u l-aġenda tal-laqgħat; (2) jistieden esperti esterni u/jew membri tat-Tim T2S għal-laqgħat fuq suġġetti speċifiċi. Ir-rapporteur għandu jkun membru tat-Tim T2S fil-BĊE. Huwa/hija għandu/għandha (1) jikkoordina l-organizzazzjoni tal-laqgħat u t-trażmissjoni fil-ħin tad-dokumenti rilevanti; (2) jappoġġa lill-president fit-tħejjijiet għal-laqgħat tal-grupp; (3) jabbozza l-minuti dwar l-eżitu tal-laqgħat; (4) jappoġġa lill-president fit-tmexxija tar-relazzjonijiet mas-(sub)gruppi rilevanti.

3.   Proċeduri tax-xogħol, interazzjoni u appoġġ

Proċeduri tax-xogħol

Is-CCG għandu jimmira biex jadotta r-reżoluzzjonijiet tiegħu bil-kunsens. F’każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens f’żewġ laqgħat konsekuttivi, id-diverġenzi għandhom jiġu ddokumentati bir-reqqa. F’dan il-każ, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Bord għall-Programm T2S li jagħmel proposta lill-Kunsill Governattiv. CSDs li ma jaqblux mal-proposta tal-Bord għall-Programm T2S għandhom ikollhom il-possibbiltà li jesprimu opinjoni diverġenti.

Interazzjoni bejn l-AG u l-Grupp ta’ Kuntatt CSD

Il-president tas-CCG għandu, fuq bażi regolari, jinforma lill-AG dwar il-progress fil-proċess ta’ negozjati tal-Ftehim Qafas.

Meta jkun rilevanti s-CCG (possibbilment permezz tas-sottokumitat tal-Maniġers tal-Proġett (PMSG) u t-TaskForce dwar Kwistjonijiet Kuntrattwali (TCI) jirċievi kontribut mingħand is-sottostrutturi eżistenti tal-AG.

Appoġġ għas-CCG

Is-CCG għandu jkun appoġġat minn:

Il-PMSG, responsabbli biex iħejji r-reazzjoni tan-negozju għan-negozjati, (inkluż fost l-oħrajn affarijiet funzjonali, tekniċi u tal-ippJannar),

It-TCI li għandha tipprovdi appoġġ legali lis-CCG u f’dak ir-rwol “tittraduċi” r-reazzjoni tan-negozju rċevuta mis-CCG u l-PMSG f’termini legali propizji.

Is-CCG jiddefinixxi l-mandat ta’ dawn iż-żewġ task forces u jistabbilixxi l-aġenda tagħhom f’termini wesgħin.

GRUPP TA’ UTENTI NAZZJONALI

Mandat u komposizzjoni

1.   Introduzzjoni

Il-Grupp ta’ Utenti Nazzjonali (NUG) jiġbor flimkien fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli fis-suq nazzjonali tiegħu biex jiġu appoġġati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-T2S. Huwa joħloq forum għall-involviment tal-parteċipanti tas-suq nazzjonali fix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv T2S (AG) u jistabbilixxi r-rabta formali bejn l-AG u s-suq nazzjonali. Jaġixxi kemm bħala mezz biex jinstemgħu l-veduti għat-tim tal-proġett T2S, kif ukoll biex jipprovdi kontribut lill-AG fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha kkunsidrati mill-AG. Bħala tali, jista’ wkoll jissuġġerixxi kwistjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-AG.

In-NUG jistgħu jkunu involuti fil-proċess tal-ġestjoni tal-bidla tal-URD u jista’ jkollhom rwol importanti fil-valutazzjoni ta’ dawn it-talbiet fil-kuntest tat-tħaddim tas-suq nazzjonali. In-NUG għandhom jadottaw il-prinċipju T2S li jipprova jevita li jiġu inkorporati karatteristiċi speċifiċi nazzjonali fit-T2S, u għandu jippromwovi l-armonizzazzjoni b’mod attiv.

2.   Mandat

Il-mandat tan-NUGs huwa li:

jevalwaw l-impatt tal-funzjonalità tat-T2S, u partikolarment kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tal-utent T2S, fis-suq nazzjonali tagħhom; meta jsir dan, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-kunċett ta’ “T2S effiċjenti” li jimmira li jevita karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u li tiġi promossal-armonizzazzjoni,

iġib it-tħassib materjali tas-suq nazzjonali għall-attenzjoni tal-AG,

jkabbar il-konsapevolezza tat-T2S fis-setturi kollha tal-komunità tat-titoli nazzjonali,

jappoġġa lill-membri tal-AG fir-rappreżentanza tal-komunità nazzjonali.

3.   Komposizzjoni

In-NUG jikkonsistu mill-President, is-Segretarju u l-membri.

Il-President ta’ NUG għandu preferibbilment ikun membru sħiħ jew osservatur tal-AG. Dan ir-rwol tipikament jitwettaq minn uffiċjal anzjan tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti. F’każ fejn il-bank ċentrali rilevanti ma jipprovdix jew ma jinnominax lill-president tan-NUG, il-President għandu jiġi nnominat mill-President tal-AG li għandu jfittex il-kunsens fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq rilevanti. Jekk il-President ma jkunx membru tal-AG, membru tal-AG għandu jikkoordina bejn l-AG u l-President tal-NUG biex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn l-AG u n-NUG.

Is-segretarju tan-NUG jiġi pprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti fil-pajjiżi taż-żona euro; f’pajjiżi oħrajn is-segretarju tan-NUG jinħatar mill-president tan-NUG. Is-segretarju huwa mistenni li jattendi laqgħat regolari organizzati għas-segretarji tan-NUG mit-tim T2S.

Il-membri tan-NUG jinkludu l-membri u l-osservaturi tal-AG rilevanti (jew ir-rappreżentant anzjan nominat tagħhom, aċċettabbli għall-president tan-NUG) u persuni addizzjonali bil-kompetenza u r-reputazzjoni biex jirrappreżentaw fil-wisa’ l-kategoriji kollha ta’ utenti u fornituri fis-suq nazzjonali. Membri tan-NUG jistgħu għalhekk jinkludu depożitarji ċentrali ta’ titoli, sensara, banek, banek ta’ investiment, kustodji, emittenti u/jew l-aġenti tagħhom, kontropartijiet ċentrali, uffiċċji tal-kambji u faċilitajiet għan-negozju multilaterali, il-bank ċentrali nazzjonali rilevanti, awtoritajiet regolatorji u l-assoċjazzjonijiet bankarji rilevanti.

4.   Proċeduri tax-xogħol

In-NUGs jittrattaw biss kwistjonijiet rilevanti għat-T2S. Huma mistiedna biex attivament ifittxu li jiġu infurmati mit-tim tat-T2S fir-rigward ta’ kwistjonijiet attwali, u jipprovdu fehmiet nazzjonali fil-ħin fuq kwistjonijiet mitlubin mis-Segretarju tal-AG jew imqajmin min-NUG. It-tim tat-T2S jipprovdi regolarment informazzjoni lin-NUG u jorganizza laqgħat mas-segretarji tan-NUG biex jinkoraġġixxi l-interazzjoni bejn in-NUG u t-tim tat-T2S.

In-NUG għandhom jagħmlu ħilithom biex ikun hemm laqgħat regolari allinjati mal-iskeda ta’ laqgħat tal-AG, sabiex ikunu jistgħu joffru parir lill-membri nazzjonali tal-AG. Madankollu, l-ebda membru tal-AG ma huwa marbut b’dan il-parir. InL-NUGs jistgħu jagħmlu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub lill-AG permezz tas-Segretarju tal-AG u jistiednu membru tal-AG biex jagħti l-fehma tiegħu.

Is-Segretarju tan-NUG jimmira li jiċċirkola aġenda u d-dokumenti rilevanti għal diskussjoni f’laqgħa tan-NUG tal-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa. Sommarju tal-laqgħat tal-NUG jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tat-T2S - u, jekk meqjus propizju, fuq is-sit elettroniku tal-BĊN rispettiv - bl-Ingliż u fi kwalunkwe lingwa oħra tal-Unjoni fi żmien tliet ġimgħat wara kull laqgħa.

Il-membri tan-NUG għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tat-T2S. In-NUG għandu jippubblika wkoll indirizz tal-e-mail għall-kuntatt man-NUG fuq is-sit elettroniku tat-T2S, sabiex il-parteċipanti fis-swieq nazzjonali ikunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.


Top