EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0002

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Frar, 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/2)

OJ L 80, 18.3.2004, p. 33–41 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 005 P. 46 - 50
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 224 - 228
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 224 - 228
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 40 - 48

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/08/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/257/oj

32004D0002



Official Journal L 080 , 18/03/2004 P. 0033 - 0041


Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

tad-19 ta' Frar, 2004

li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

(ECB/2004/2)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artiklu 12.3;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

L-Artikolu Waħdieni

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew kif emendati fit-22 ta' April, 1999, u kif reġgħu ġew emendati bid-Deċiżjoni ECB/1999/6 tas-7 ta' Ottubru, 1999, li temenda r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew [1], għandhom jiġu sostitiwiti b' li ġejjin u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu, 2004.

IR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

KAPITLU PRELIMINARI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom iżidu mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. It-termini f'dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal fit-Trattat u l-Istatut. It-terminu "Ewrosistema"' għandu jfisser il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) u l-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-ewro.

KAPITLU I

IL-KUNSILL GOVERNATTIV

Artikolu 2

Id-data u l-post tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv

2.1 Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta mill-President. Il-Kunsill Governattiv għandu, fil-prinċipju, jiltaqa' regolarment skond skeda li huwa għandu jiddeċiedi fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta' kull sena kalendarja.

2.2 Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill Governattiv jekk it-talba biex issir laqgħa ssir mingħand mill-inqas tliet membri tal-Kunsill Governattiv.

2.3 Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Kunsill Governattiv kull meta huwa jidhirlu li jkun meħtieġ.

2.4 Il-Kunsill Governattiv għandu normalment iżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-ECB.

2.5 Laqgħat jistgħu wkoll isiru permezz ta' telekonferenza, sakemm mhux anqas minn tliet Gvernaturi joġġezzjonaw.

Artikolu 3

Attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv

3.1 Salv kif ipprovdut f'din id-Deċiżjoni, l-attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv għandha tkun limitata għall-membri tiegħu, il-President tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

3.2 Kull Gvernatur jista' normalment ikun akkumpanjat minn persuna waħda.

3.3 Jekk xi Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, huwa jista' jaħtar, bil-miktub, xi ħadd floku mingħajr preġudizzju għall-Artiklu 4. Din il-komunikazzjoni bil-miktub għandha tintbagħat lill-President f'ħin biżżejjed qabel il-laqgħa. Din il-persuna flok il-Gvernatur tista' normalment tkun akkompanjata minn persuna waħda.

3.4 Il-President għandu jaħtar membru mill-Istaff tal-ECB bħala Segretarju. Is-Segretarju għandu jassisti l-Bord Eżekuttiv fil-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u għandu jabbozza l-minuti ta' dawn il-laqgħat.

3.5 Il-Kunsill Governattiv jista' wkoll jistieden persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu jekk jidhirlu li jkun f'loku li jagħmel dan.

Artikolu 4

Votazzjoni

4.1 Biex il-Kunsill Governattiv jivvota, għandu jkun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri. Jekk il-kworum ma jitlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa staordinarja fejn fiha deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr il-ħtieġa ta' kworum.

4.2 Il-Kunsill Governattiv għandu jkompli biex jivvota fuq it-talba tal-President. Il-President għandu wkoll jagħti bidu għal proċedura ta‘ votazzjoni fuq talba minn kwalunkwe membru tal-Kunsill Governattiv.

4.3 Astensjonijiet m'għandhomx iżommu lill-Kunsill Governattiv milli jaddotta deċiżjonijiet skond l-Artikolu 41.2 ta' l-Istatut.

4.4 Jekk xi membru tal-Kunsill Governattiv jinżamm milli jivvota għal perjodu fit-tul (i.e. aktar minn xahar), huwa jista' jaħtar xi ħadd floku bħala membru tal-Kunsill Governattiv.

4.5 Skond l-Artiklu 10.3 ta' l-Istatut, jekk xi Gvernatur ma jkunx jista' jivvota dwar deċiżjoni li għandha tittieħed skond l-Artikli 28, 29, 30, 32, 33 u 51 ta' l-Istatut, il-persuna li huwa jaħtar floku jista' jitfa' l-vot ippeżat tiegħu.

4.6 Il-President jista' jagħti bidu għal votazzjoni sigrieta jekk mitlub biex jagħmel hekk minn mill-anqas tliet membri tal-Kunsill Governattiv. Jekk xi membri tal-Kunsill Governattiv huma milquta personalment minn proposta għal deċiżjoni skond l-Artikli 11.1, 11.3 or 11.4 ta' l-Istatut, għandha ssir votazzjoni sigrieta. F' dawn il-każijiet il-membri tal-Kunsill Governattiv interessati m'għandhomx jipparteċipaw fil-vot.

4.7 Deċiżjonijiet jistgħu wkoll jittieħdu bi proċedura bil-miktub, sakemm joġġezzjonaw mhux anqas minn tliet membri tal-Kunsill Governattiv. Proċedura bil-miktub għandha titlob: (i) normalment mhux anqas minn ħamest ijiem ta' xogħol biex tiġi kkunsidrata minn kull membru tal-Kunsill Governattiv; u (ii) il-firma personali ta' kull membru tal-Kunsill Governattiv (jew il-persuna f'loku skond l-Artiklu 4.4); u (iii) verbal ta' deċiżjoni bħal dik fil-minuti tal-laqgħa ta' wara tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

L-organizazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv

5.1 Il-Kunsill Governattiv għandu jaddotta l-aġenda għal kull laqgħa. Aġenda proviżorja għandha titħejja mil-Bord Eżekuttiv u għandha tintbagħat, flimkien ma' dokumenti relatati, lill-membri tal-Kunsill Governattiv u parteċipanti awtorizzati oħra ta' mill-anqas tmint ijiem qabel il-laqgħa relevanti, ħlief f'emerġenzi, f'liema każ il-Bord Eżekuttiv għandu jaġixxi kif ikun xieraq skond iċ-ċirkostanzi. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jneħħi jew iżid xi punti ma' l-aġenda proviżorja fuq proposta mill-President jew minn xi membru ieħor tal-Kunsill Governattiv. Punt għandu jitneħħa mill-aġenda fuq it-talba ta' mill-anqas tlieta mill-membri tal-Kunsill Governattiv jekk id-dokumenti relatati ma jkunux ġew ippreżentati lill-membri tal-Kunsill Governattiv fil-ħin.

5.2 Il-minuti tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni mill-membri tiegħu fil-laqgħa ta' wara (jew meta meħtieġ qabel permezz ta' proċedura ta' bil-miktub) u għandhom ikunu ffirmati mill-President.

5.3 Il-Kunsill Governattiv jista' jitstabbilixxi regoli interni dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

KAPITLU II

IL-BORD EŻEKUTTIV

Artikolu 6

Id-data u l-post tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv

6.1 Id-data tal-laqgħat għandha tiġi deċiża mill-Bord Eżekuttiv fuq proposta mill-President.

6.2 Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Bord Eżekuttiv kull meta huwa jidhirlu li jkun meħtieġ.

Artikolu 7

Votazzjoni

7.1 Biex il-Bord Eżekuttiv jivvota, skond l-Artiklu 11.5 ta' l-Istatut, għandu jkun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja fejn fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr il-ħtieġa ta' kworum.

7.2 Deċiżjonijiet jistgħu wkoll jittieħdu bi proċedura bil-miktub, sakemm mhux anqas minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv joġġezzjonaw.

7.3 Il-Membri tal-Bord Eżekuttiv li jintlaqtu personalment b'deċiżjoni futura skond l-Artikoli 11.1, 11.3 jew 11.4 ta' l-Istatut m'għandhomx jipparteċipaw fil-vot.

Artikolu 8

L-organizazzjoni tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv

Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-organizazzjoni tal-laqgħat tiegħu.

KAPITLU III

L-ORGANIZAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Artikolu 9

L-Ewrosistema/Il-kumitati tas-SEBĊ

9.1 Il-Kunsill Governattiv għandu jistabbilixxi u jxolji kumitati. Dawn għandhom jassistu fix-xogħol tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ECB u għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill Governattiv permezz tal-Bord Eżekuttiv.

9.2 Il-kumitati għandhom ikunu magħmulin minn mhux aktar minn żewġ membri minn kull NCB ta' l-Ewrosistema u l-ECB, maħturin minn kull Gvernatur u l-Bord Eżekuttiv rispettivament. Il-Kunsill Governattiv għandu jistabbilixxi l-mandati tal-kumitati u jaħtar il-presidenti tagħhom. Bħala regola, il-president għandu jkun membru ta' l-Istaff tal-ECB. Kemm il-Kunsill Governattiv u kemm il-Bord Eżekuttiv għandu d-dritt biex jitlob mill-kumitati studji ta' xogħlijiet speċifiċi. L-ECB għandu jipprovdi assistenza sekretarjali lill-kumitati.

9.3 Il-bank ċentrali nazzjonali ta' kull Stat Membru mhux parteċipanti jista' wkoll jaħtar sa żewġ membri ta' l-Istaff biex jieħdu parti fil-laqgħat ta' xi kumitat kull meta jkollu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam tal-kompetenza tal-Kunsill Ġenerali u kull meta l-president ta' xi kumitat u l-Bord Eżekuttiv jidhirlu li dan ikun f'loku.

9.4 Rappreżentanti ta' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Komunita' u kwalunkwe terza parti oħra jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jieħdu parti fil-laqgħat ta' kumitat kull meta l-president ta' xi kumitat u l-Bord Eżekuttiv jidhrilhom li dan huwa f'loku.

Artikolu 9a

Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jwaqqaf kumitati ad hoc responsabbli għal ħidmiet konsultattivi speċifiċi.

Artikolu 10

L-Istruttura interna

10.1 Wara li jkun ikkonsulta l-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar in-numru, l-isem u l-kompetenza rispettiva ta' kull qasam ta' xogħol tal-ECB. Din id-deċiżjoni għandha ssir pubblika.

10.2 L-oqsma kollha tax-xogħol tal-ECB għandhom jiġu mqiegħda taħt id-direzzjoni maniġerjali tal-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet individwali tal-membri tiegħu għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-oqsma tax-xogħol tal-ECB, u għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv, il-Kunsill Ġenerali u l-Istaff tal-ECB. Kull deċiżjoni bħal din għandha tittieħed biss fil-preżenza tal-membri kollha tal-Bord Eżekuttiv, u tista' ma titteħidtx kontra l-vot tal-President.

Artikolu 11

L-Istaff tal-ECB

11.1 Kull membru ta' l-Istaff tal-ECB għandu jiġi infurmat bil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-istruttura tal-ECB, il-linja ta' rappurtaġġ tiegħu u r-responsabbiltajiet professjonali tiegħu.

11.2 Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 36 u 47 ta' l-Istatut, il-Bord Eżekuttiv għandu jippromulga regoli ta' organizzazzjoni (minn issa 'l quddiem imsemmija bħala "Ċirkulari Amministrattivi") li jorbtu lill-Istaff tal-ECB.

11.3 Il-Bord Eżekuttiv għandu jaddotta u jaġġorna Kodiċi tal-Kondotta għall-gwida tal-membri tiegħu u l-membri ta' l-Istaff tal-ECB.

KAPITLU IV

INVOLVIMENT TAL-KUNSILL ĠENERALI FIL-ĦIDMIET TAS-SISTEMA EWROPEA TAL-BANEK ĊENTRALI

Artikolu 12

Relazzjoni bejn il-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali

12.1 Il-Kunsill Ġenerali tal-ECB għandu jingħata l-opportunita' biex jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma l-Kunsill Governattiv jaddotta:

- l-opinjonijiet skond l-Artikli 4 u 25.1 ta' l-Istatut,

- ir-rakkomandazzjonijiet fil-qasam ta' l-Istatistika, skond l-Artiklu 42 ta' l-Istatut,

- ir-rapport annwali,

- ir-regoli dwar l-istandardizzazzjoni tar-regoli tal-kontabilita' u r-rappurtaġġ ta' l-operazzjonijiet,

- il-miżuri għall-applikazzjoni ta' l-Artiklu 29 ta' l-Istatut,

- il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' l-Istaff tal-ECB,

- fil-kuntest tal-preparazzjonijiet għall-iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju, opinjoni tal-ECB; sew skond l-Artikolu 123(5) tat-Trattat, sew li titratta atti legali tal-Komunita', biex tiġi adottata meta deroga hija rrevokata.

12.2 Kull meta l-Kunsill Ġenerali huwa mitlub biex jippreżenta osservazzjonijiet skond l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artiklu, huwa għandu jingħata perjodu ta' żmien raġonevoli biex jagħmel dan, li ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem ta' xogħol. F' każ ta' xi urġenza, li għandha tiġi ġġustifikata fit-talba, il-perjodu jista' jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol. Il-President jista' jiddeċiedi li juża' l-proċedura ta' bil-miktub.

12.3 Il-President għandu jinforma lill-Kunsill Ġenerali, skond l-Artikli 47.4 ta' l-Istatut, bid-deċiżjonijiet addottati mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 13

Relazzjoni bejn il-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali

13.1 Il-Kunsill Ġenerali tal-ECB għandu jingħata l-opportunita' biex jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma l-Bord Eżekuttiv:

- jimplimenta atti legali tal-Kunsill Governattiv li skond l-Artiklu 12.1 hawn fuq, il-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali għalihom hija meħtieġa;

- jaddotta, bis-saħħa ta' setgħat iddelegati mill-Kunsill Governattiv skond l-Artikli 12.1 ta' l-Istatut, atti legali li skond l-Artiklu 12.1 ta' dawn ir-Regoli, il-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali għalihom hija meħtieġa.

13.2 Kull meta l-Kunsill Ġenerali huwa mitlub biex jippreżenta osservazzjonijiet skond l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artiklu, huwa għandu jingħata perjodu ta' żmien raġonevoli biex jagħmel dan, li ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem ta' xogħol. Fil-każ ta' urġenza, li għandha tiġi ġġustifikata fit-talba, il-perjodu jista' jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol. Il-President jista' jiddeċiedi li juża l-proċedura ta' bil-miktub.

KAPITLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI SPEĊIFIĊI

Artikolu 14

Delegazzjoni tas-setgħat

14.1 Id-delegazzjoni tas-setgħat tal-Kunsill Governattiv lill-Bord Eżekuttiv skond l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu ta' l-Artiklu 12.1 ta' l-Istatut, għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet interessati, jew jekk ikun xieraq ippubblikata, meta deċizjionijiet meħuda b'delegazzjoni jkollhom effetti legali fuq terzi partijiet. Il-Kunsill Governattiv għandu jiġi mgħarraf minnufih b' kwalunkwe att addottat b' delegazzjoni.

14.2 Il-Ktieb tal-Firmatarji Awtorizzati tal-ECB, stabbilit skond deċiżjonijiet addottati skond l-Artiklu 39 ta' l-Istatut, għandu jiġi mqassam lill-partijiet interessati.

Artikolu 15

Il-Proċedura dwar l-estimi

15.1 Il-Kunsill Governattiv, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv skond kwalunkwe prinċipji stabbiliti minn ta' l-ewwel, għandu jaddotta, qabel it-tmiem ta' kull sena finanzjarja, l-estimi tal-ECB għas-sena finanzjarja ta' wara.

15.2 Il-Kunsill Governattiv għandu jwaqqaf Kumitat ta' l-Estimi u jistabbilixxi l-mandat u l-kompożizzjoni tiegħu għal assistenza f'kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-estimi tal-ECB.

Artikolu 16

Kontijiet tar-rappurtaġġ u annwali

16.1 Il-Kunsill Governattiv għandu jaddotta r-rapport annwali meħtieġ skond l-Artiklu 15.3 ta' l-Istatut.

16.2 Il-kompetenza li taddotta u tippubblika r-rapporti ta' kull trimestru skond l-Artiklu 15.1 ta' l-Istatut, ir-rendikonti finanzjarji kkonsolidati ta' kull ġimgħa skond l-Artiklu 15.2 ta' l-Istatut, il-karti tal-bilanċ ikkonsolidati skond l-Artiklu 26.3 ta' l-Istatut u rapporti oħra għandhom ikunu ddelegati lill-Bord Eżekuttiv.

16.3 Skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jipprepara l-kontijiet annwali tal-ECB fl-ewwel xahar tas-sena finanzjarja ta' wara. Dawn għandhom jiġu ppreżentati lill-awditur barrani.

16.4 Il-Kunsill Governattiv għandu jaddotta l-kontijiet annwali tal-ECB fl-ewwel trimestru tas-sena ta' wara. Ir-rapport ta' l-awditur barrani għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Governattiv qabel l-addozzjoni tagħhom.

Artikolu 17

L-Istrumenti legali tal-ECB

17.1 Ir-Regolamenti tal-ECB għandhom jiġu addottati mill-Kunsill Governattiv u ffirmati għalih mill-President.

17.2 Il-Linji ta' Giwda tal-ECB għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm 'il quddiem innotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u ffirmati mill-President għall-Kunsill Governattiv. Huma għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bbażati. In-notifika tal-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir permezz tat-telefaks, jew tal-posta elettronika, jew tat-telex, jew permezz ta' ittra. Kull Linja ta' Gwida tal-ECB li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

17.3 Il-Kunsill Governattiv jista' jiddelega s-setgħat normattivi tiegħu lill-Bord Eżekuttiv għall-iskop biex jimplimenta r-regolamenti u l-linji ta' gwida tiegħu. Ir-regolament jew il-linja ta' gwida interessata għandha tispeċifika l-kwistjonijiet biex jiġu implimentati kif ukoll il-limiti u l-iskop tas-setgħat delegati.

17.4 Id-deċiżjonijiet tal-ECB u r-Rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu addottatti mill-Kunsill Governattiv jew mill-Bord Eżekuttiv fil-qasam tal-kompetenza rispettiva tagħhom, u għandhom ikunu ffirmati mill-President. Id-Deċiżjonijiet tal-ECB li jimponu sanzjonijiet fuq terzi partijiet għandhom ikunu ffirmati mill-President, il-Viċi-President jew kwalunkwe żewġ membri oħra tal- Bord Eżekuttiv. Id-Deċiżjonijiet tal-ECB u r-Rakkomandazzjonijiet għandhom jiddikjaraw r-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bbażati. Ir-Rakkomandazzjonijiet għal leġislazzjoni tal-Komunita' sekondarja skond l-Artiklu 42 ta' l-Istatut għandhom ikunu addottati mill-Kunsill Governattiv.

17.5 Bla ħsara għall-Artiklu 44, it-tieni paragrafu, u l-Artiklu 47.1, l-ewwel subinċiż, ta' l-Istatut, l-Opinjonijiet tal-ECB ghandhom ikunu addottati mill-Kunsill Governattiv. Madankollu, f'ċirkustanzi eċċezzjonali u sakemm mhux anqas minn tliet Gvernaturi jiddikjaraw ix-xewqa tagħhom li jibqgħu jżommu l-kompetenza tal-Kunsill Governattiv għall-addozzjoni ta' opinjonijiet speċifiċi, l-Opinjonijiet tal-ECB jistgħu jiġu addottati mill-Bord Eżekuttiv, konformi ma' kummenti magħmula mill-Kunsill Governattiv u f'konsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali. L-Opinjonijiet tal-ECB għandhom jiġu ffirmati mill-President.

17.6 L-Istruzzjonijiet tal-ECB għandhom jiġu addottati mill-Bord Eżekuttiv, u minn hemm 'il quddiem innotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u ffirmati mill-President jew kwalunkwe żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv għall-istess Bord. In-notifika tal-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir permezz tat-telefaks, jew tal-posta elettronika, jew tat-teleks jew permezz ta' ittra. Kull Struzzjoni tal-ECB li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

17.7 L-Istrumenti legali kollha tal-ECB għandhom jiġu nnumerati b'mod sekwenzjali għal identifikazzjoni aktar faċli. Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu passi biex jiżgura l-kustodja żgura tal-verżjonijiet oriġinali, in-notifika ta' min jirċievi jew ta' l-awtoritajiet konsultattivi, u l-pubblikazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-każi tar-Regolamenti tal-ECB, l-Opinjonijiet tal-ECB dwar l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni tal-Komunita' u dawk l-Istrumenti legali tal-ECB li l-pubblikazzjoni tagħhom tkun ġiet espressament deċiża.

17.8 Il-prinċipji tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1 li jiddeterminaw il-lingwa li għandha tintuża mill-Komunita' Ekonomika Ewropea [1] tal-15 ta' April, 1958, għandhom japplikaw għall-atti legali speċifikati fl-Artiklu 34 ta' l-Istatut.

Artikolu 18

Il-Proċedura skond l-Artiklu 106 (2) tat-Trattat

L-approvazzjoni msemmija fl-Artiklu 106 (2) tat-Trattat għandha tiġi addottata għas-sena ta' wara, mill-Kunsill Governattiv f'deċiżjoni waħda għall-Istati Membri parteċipanti kollha fl-aħħar trimestru ta' kull sena.

Artikolu 19

L-akkwist

19.1 L-akkwist ta' oġġetti u servizzi għall-ECB għandu jsir b'kunsiderazzjoni għall-prinċipji tal- pubbliċita', it-trasparenza, l-aċċess ugwali, it-trattament indaqs u l-amministrazzjoni effiċjenti.

19.2 Bl-eċċezzjoni tal-prinċipju ta' l-amministrazzjoni effiċjenti, derogi jistgħu jsiru mill-prinċipji ta' hawn fuq f'każijiet ta' urġenza; għal raġunijiet ta' sigurta' jew kunfidenzjalita'; meta jkun hemm l-uniku fornitur; għal provvisti mill-banek ċentrali nazzjonali lill-ECB; biex tiġi żgurata l-kontinwita' ta' xi fornitur.

Artikolu 20

L-għażla, il-ħatra u l-promozzjoni ta' l-Istaff

20.1 Il-membri kollha ta' l-Istaff tal-ECB għandhom jintgħażlu, jinħatru u jiġu mlaħħqa mill-Bord Eżekuttiv.

20.2 Il-membri kollha ta' l-Istaff tal-ECB għandhom jintgħażlu, jinħatru u jiġu mlaħħqa b'konsiderazzjoni għall-prinċipji tal-kwalifika professjonali, il-pubbliċita', it-trasparenza, l-aċċess ugwali u t-trattament indaqs. Ir-regoli u l-proċeduri għar-reklutaġġ u l-promozzjoni interna għandhom ikunu speċifikati aktar fid-dettal permezz ta' Ċirkulari Amministrattiva.

Artikolu 21

Il-kundizzjonijiet ta' l-Impjieg

21.1 Il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg u r-Regoli għall-Istaff għandhom jiddeterminaw ir-relazzjoni ta' l-impjieg bejn il-ECB u l-Istaff tiegħu.

21.2 Il-Kunsill Governattiv, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv u wara konsultazzjoni tal-Kunsill Ġenerali, għandu jaddotta l-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

21.3 Il-Bord Eżekuttiv għandu jaddotta r-Regoli għall-Istaff, li għandhom jimplimentaw il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

21.4 Il-Kumitat ta' l-Istaff għandu jiġi kkonsultat qabel l-addozzjoni ta' Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg jew Regoli għall-Istaff ġodda. L-opinjoni tiegħu għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Governattiv jew il-Bord Eżekuttiv rispettivament.

Artikolu 22

Komunikazzjonijiet u tħabbir

Il-komunikazzjonijiet ġenerali u t-tħabbir ta' deċiżjonijiet meħuda mill-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ECB jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-website tal-ECB, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, jew permezz ta' servizzi bil-wajer komuni għal swieq finanzjarji jew kwalunkwe mezz ta' xandir ieħor.

Artikolu 23

Kunfidenzjalita' ta', u aċċess għal, dokumenti tal-ECB

23.1 Il-proċedimenti tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ECB u ta' kwalunkwe kumitat jew grupp imwaqqaf minnhom għandhom ikunu kunfidenzjali, sakemm il-Kunsill Governattiv jawtorizza lill-President biex jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tagħhom.

23.2 L-aċċess pubbliku għal dokumenti mħejjija jew miżmuma mill-ECB għandhom ikunu rregolati b'deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.

23.3 Dokumenti mħejjija mill-ECB għandhom jiġu kklassifikati u ttrattati skond ir-regoli stabbiliti f'Ċirkulari Amministrattiva. Huma għandhom ikunu aċċessibbli liberament wara perjodu ta' 30 sena sakemm il-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jiddeċiedu mod ieħor.

KAPITLU VI

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 24

L-emendi għal dawn ir-Regoli tal-Proċedura

IL-Kunsill Governattiv jista' jemenda dawn ir-Regoli tal-Proċedura. Il-Kunsill Ġenerali jista' jipproponi emendi u l-Bord Eżekuttiv jista' jaddotta regoli supplimentari fil-qasam tal-kompetenza tiegħu.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fid-19 ta' Frar, 2004.

Il-President tal-ECB

Jean-Claude Trichet

[1] ĠU L 314, tat-8.12.1999 p. 32.

[1] ĠU C 17, tas-6.10.1958, p. 385.

--------------------------------------------------

Top