EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010O0001

Linja ta’ gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 4 ta’ Marzu 2010 li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2010/1)

OJ L 63, 12.3.2010, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32011O0014

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2010/154/oj

12.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/22


LINJA TA’ GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Marzu 2010

li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema

(BĊE/2010/1)

(2010/154/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, (minn hawn ‘il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ), u partikolarment l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 18.2 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tintlaħaq politika monetarja waħdanija tinħtieġ definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li se jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti fil-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn “’il quddiem l-Istati Membri parteċipanti”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), sabiex din il-politika tiġi implimentata bl-istess mod fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

(2)

Żviluppi riċenti fis-swieq tat-titoli sostnuti mill-assi wasslu għall-ħtieġa li jiġi emendat il-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu (ECAF) sabiex jiġi żgurat illi r-rekwizit tal-Eurosistema li jkun hemm standards ta’ kreditu għoljin għall-garanziji kollha eliġibbli jiġi sodisfatt. B’mod partikolari, huwa neċessarju li r-rekwiżiti għall-klassifika sabiex titoli garantiti minn assi ikunu eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ li l-operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ma’ parteċipanti oħra fis-suq ikunu bbażati fuq garanzija xierqa minn perspettiva ta’ politika monetarja tal-Eurosistema. Minbarra l-fuq imsemmi, l-emendi għandhom l-għan li jagħmlu kontribuzzjoni ulterjuri għall-irkupru tal-funzjonament tajjeb tas-suq tat-titoli garantiti minn assi.

(3)

Sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-22 ta’ Ottubru 2009, huwa neċessarju li tiġi emendata l-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema. (1)

ADOTTA DIN IL-LINJA TA’ GWIDA:

Artikolu 1

Emendi għall-Anness I tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7

Fit-Taqsima 6.3.2, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara l-ewwel inċiż dwar “Valutazzjoni tal-kreditu ECAI”:

“—

Valutazzjoni tal-kreditu ECAI ta’ titoli garantiti minn assi: Għal titoli garantiti minn assi maħruġin f’nhar jew wara l-1 ta’ Marzu 2010, l-Eurosistema titlob mill-anqas żewġ valutazzjonijiet ta’ kreditu minn ECAIs aċċettati għall-ħruġ tagħhom.. Sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta’ dawn it-titoli garantiti minn assi, ir-‘regola tat-tieni l-aqwa’ għandha tiġi applikata, li jfisser li mhux biss l-aqwa, iżda wkoll it-tieni l-aqwa valutazzjoni tal-kreditu ECAI li hija disponibbli għandha tkun konformi mal-limitu tal-kwalità tal-kreditu għat-titoli garantiti minn assi. Skont din ir-regola, l-Eurosistema titlob għaż-żewġ valutazzjonijiet ta’ kreditu livell ‘AAA’/‘Aaa’ mal-ħruġ u ta’ livell ‘single A’ tul it-terminu tat-titolu sabiex it-titoli jkunu eliġibbli.

Mill-1 ta’ Marzu 2011 it-titoli kollha garantiti minn assi, irrispettivament mid-data tal-ħruġ tagħhom, għandhom ikollhom mill-anqas żewġ valutazzjonijiet tal-kreditu minn kull ECAI aċċettata għall-ħruġ, u r-regola tat-tieni l-aqwa għandha tkun rispettata sabiex it-titoli jibqgħu eliġibbli.

F’każ ta’ titoli garantiti minn assi maħruġin qabel l-1 ta’ Marzu 2010 li għandhom biss valutazzjoni tal-kreditu waħda, valutazzjoni tal-kreditu oħra għandha wkoll tinkiseb qabel l-1 ta’ Marzu 2011. Għal titoli garantiti minn assi maħruġin qabel l-1 ta’ Marzu 2009 iż-żewġ valutazzjonijiet tal-kreditu għandhom ikunu konformi mal-livell ‘A waħdanija’ tul it-terminu tat-titolu. Għal titoli garantiti minn assi maħruġin bejn l-1 ta’ Marzu 2009 u t-28 ta’ Frar 2010, l-ewwel valutazzjoni tal-kreditu għandha tkun konformi mal-livell ‘AAA’/‘a’ mal-ħruġ u ma’ ‘single A’ tul it-terminu tat-titolu, filwaqt illi t-tieni valutazzjoni tal-kreditu għandha tkun konformi mal-livell ‘single A’ kemm mal-ħruġ (*) kif ukoll tul it-terminu tat-titolu.

Il-BĊE tippubblika l-limitu għall-kwalità tal-kreditu għal kull ECAI aċċettat, kif stabbilit taħt Taqsima 6.3.1. (**)

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta’ Gwida tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 3

Indirizzati

1.   Din il-Linja ta’ Gwida hija indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri parteċipanti.

2.   Il-BĊNi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom, sal-11 ta’ Marzu 2010, jibagħtu lill-BĊE il-miżuri li permezz tagħhom għandhom il-ħsieb li jikkonformaw ma’ din il-Linja ta’ Gwida.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Top