EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005O0001

Linja ta' gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta' Jannar 2005 li temenda l-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (Target) (BĊE/2005/1)

OJ L 30, 3.2.2005, p. 21–26 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 269M, 14.10.2005, p. 326–331 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/03/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2005/88/oj

14.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

326


LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Jannar 2005

li temenda l-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (Target)

(BĊE/2005/1)

(2005/88/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunita` Ewropea, partikolarment l-ewwel u r-raba' subinċiż ta' l-Artiklu 105(2),

Wara li kkunsidra l-iStatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikli 3.1, 12.1, 14.3, 17, 18 u 22,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Ottubru, 2002, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħa nota ta' numru ta' għażliet differenti li jagħmluha possibbli biex il-banek ċentrali jikkunnettjaw mat-TARGET, ħlief permezz ta' l-interlinking. Barra minn dan, kien deċiż li wara s-sħubija fl-UE ta' l-10 Stati Membri l-ġodda fl-1 ta' Mejju 2004, il-banek ċentrali ta' dawn l-iStati Membri, bis-saħħa ta' waħda minn dawn l-għażliet, jingħataw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-komunikazzjoni mat-TARGET bħall-banek ċentrali l-oħra. Dan ħoloq il-ħtieġa li tiġi emendata l-Linja tal-Gwida BĊE/2001/3 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (“TARGET”) (1).

(2)

Emenda żgħira oħra tal-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 hija meħtieġa biex tirrifletti l-prattika ta' bħalissa dwar l-aċċess tal-parteċipanti għat-TARGET.

(3)

Skond l-Artiklu 12.1 u l-Artiklu 14.3 ta' l-iStatut, il-linji ta' gwida tal-BĊE jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Komunita`,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

Artiklu 1

Il-Linja ta' Gwida BĊE/2001/3 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artiklu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Id-definizzjonijiet li ġejjin huma mdaħħlin, skond l-ordni alfabetika:

“‘BĊN kkonnettjat’ għandha tfisser BĊN li s-sistema real-time gross settlement (RTGS) tiegħu hija kkonnettjata mat-TARGET permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz,

‘Stati Membri mhux parteċipanti’ għandha tfisser l-iStati Membri li ma adottawx l-valuta waħdanija skond it-Trattat,

‘BĊN li jipprovdi servizz’ għandha tfisser BĊN: (i) li s-sistema RTGS tiegħu hija kkonnettjata mat-TARGET permezz ta' l-interlinking; u (ii) li jipprovdi servizzi lil xi BĊN kkonnettjat għall-ipproċessar ta' ħlasijiet internazzjonali fi ħdan it-TARGET, b'hekk tiġi stabbilita link bilaterali,”

(b)

Id-definizzjoni ta' “EEA” hija sostitwita b4li ġej:

“‘EEA’ għandha tfisser iż-Żona Ekonomika Ewropea kif iddefinita fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea miftiehem fit-2 ta' Mejju, 1992, bejn il-Komunita` Ewropea u l-iStati Membri tagħha u l-iStati Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, kif emendat,”

(c)

Id-definizzjoni ta' “finalita`” jew “finali” hija sostitwita b' li ġej:

“‘finalita`’ jew ‘finali’ għandha tfisser li s-settlement ta' xi ordni ta' ħlas ma' jistax jiġi rrevokat, imreġġa' lura (reversed) jew annullat mill-BĊN kkonnettjat, mill-BĊN/BĊE li jibgħat, mill-parteċipant li jibgħat jew minn kwalunkwe terza parti, jew anke fil-kas ta' proċedimenti ta' insolvenza kontra xi parteċipant, ħlief f'każijiet ta' imperfezzjonijiet fit-tranżazzjoni(ijiet) jew ordni(jiet) ta' ħlas bażi li jirriżultaw minn reati kriminali jew atti frodjulenti (fejn fil-każ ta' insolvenza l-atti frodjulenti għandhom jinkludu wkoll preferenzi u tranżazzjonijiet sotto vvalutati waqt il-perjodi suspettivi) bil-kundizzjoni li dan ikun ġie deċiż każ b' każ minn qorti ta' ġurisdizzjoni kompetenti jew minn korp kompetenti ieħor għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, jew inkella jkun irriżulta mill-iżbalji,”

(d)

Id-definizzjoni ta' “kontijiet inter-BĊN” hija sostitwita b' li ġej:

“‘kontijiet inter-BĊN’ għandha tfisser il-kontijiet li kull BĊN u l-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-Artiklu 4a ta' din il-Linja ta' Gwida, għandhom jiftħu lil xulxin fil-kotba rispettivi tagħhom għall-operat tal-ħlasijiet internazzjonali tat-TARGET; kull wieħed minn dawn il-kontijiet inter-BĊN huwa miżmum għall-benefiċċju tal-BĊE jew il-BĊN li f'ismu l-kont ikun miftuħ,”

(e)

Id-definizzjoni ta' “ħsara ta' sistema RTGS nazzjonali” jew “ħsara tat-TARGET” jew “ħsara” hija sostitwita b' li ġej:

“‘ħsara ta' xi sistema RTGS nazzjonali’ jew ‘ħsara tat-TARGET’ jew ‘ħsara’ għandha tfisser diffikultajiet tekniċi, difetti jew nuqqasijiet fl-infrastruttura teknika u/jew fis-sistemi tal-kompjuter ta' kwalunkwe sistema RTGS nazzjonali, jew fil-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, jew fin-network connections kompjuterizzati għall-interlinking jew għal-link bilaterali, jew kwalunkwe inċident ieħor relatat ma' kwalunkwe sistema RTGS nazzjonali, jew mal-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE, ma' l-interlinking jew ma' kwalunkwe link bilaterali, li jagħmel impossibbli l-esekuzzjoni u t-tlestija ta' l-ipproċessar fl-istess ġurnata ta' ordnijiet ta' ħlas fi ħdan it-TARGET; id-definizzjoni għandha tkopri wkoll każijiet fejn il-ħsara sseħħ fl-istess ħin f'aktar minn sistema RTGS nazzjonali waħda (minħabba, per eżempju, ħsara relatata man-network service provider),”

(f)

Id-definizzjoni ta' “standing facilities” hija sostitwita b' li ġej:

“‘standing facilities’ għandha tfisser il-faċilita` ta' self marġinali u l-faċilita` ta' depożitu pprovduti mill-Ewrosistema.”

2.

L-Artiklu 2 huwa sostitwit b'li ġej:

“Artiklu 2

Deskrizzjoni tat-TARGET

1.   Is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer hija sistema real-time gross settlement għall-euro. It-TARGET hija komposta mis-sistemi RTGS nazzjonali, il-mekkaniżmu tal-ħlas tal-BĊE u l-interlinking. Is-sistemi RTGS jistgħu jikkonnettjaw mat-TARGET permezz ta' l-interlinking jew permezz ta' link bilaterali.

2.   Is-sistemi RTGS ta' Stati Membri mhux parteċipanti jistgħu jikkonnettjaw mat-TARGET dejjem jekk dawn is-sistemi RTGS jikkonformaw mal-karatteristici komuni minimi stabbiliti fl-Artiklu 3, u huma f' pożizzjoni li jipproċessaw il-euro fl-istess waqt mal-valuta nazzjonali rispettiva tagħhom. Kwalunkwe komunikazzjoni mat-TARGET ta' sistema RTGS ta' Stat Membru mhux parteċipanti hija suġġett għal ftehim, fejn il-banek ċentrali nazzjonali konċernati jaqblu li jżommu mar-regoli u l-proċeduri tat-TARGET imsemmija f'din il-Linja ta' Gwida (bi speċifikazzjonijiet u modifikazzjonijiet, fejn xieraq, kif imsemmi f'dan il-ftehim).”

3.

L-Artiklu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt li ġej (a)(1)(v) huwa miżjud:

“(v)

banek ċentrali stabbiliti fl-UE, li s-sistemi RTGS tagħhom mhumiex ikkonnettjati mat-TARGET.”

(b)

Il-paragrafu (b) huwa sostitwit b'li ġej:

“(b)

Unita` ta' valuta

Il-ħlasijiet kollha internazzjonali għandhom ikunu fil-euro.”

(c)

Il-paragrafu (ċ)(3) huwa sostitwit b'li ġej:

“3.

Kull ħlas internazzjonali eżegwit fi ħdan it-TARGET għandu jkun suġġett għal prezz komuni stabbilit mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u speċifikat fl-Anness III.”

(d)

Il-paragrafu (f)(3) huwa sostitwit b' li ġej:

“3.

Intraday credit għandu jkun ibbażat fuq garanzija adegwata. Il-garanzija eliġibbli għandha tkun l-istess attiv u strumenti, u suġġetta għall-istess valutazzjoni u regoli dwar il-kuntroll tar-riskju bħal dawk preskritti fir-rigward tal-garanzija eliġibbli għall-operat tal-politika monetarja. Ħlief għal dipartimenti tat-teżor u entitajiet fis-settur pubbliku msemmija rispettivament fl-Artiklu 3(a)(1)(i) u (ii), xi BĊN m'għandux jaċċetta bħala attiv-bażi strumenti ta' debitu maħruġa jew iggarantiti mill-parteċipant, jew minn kwalunkwe entita oħra` li magħha l-kontroparti għandu rabtiet mill-qrib, kif iddefiniti fl-Artiklu 1(26) tad-Direttiva 2000/12/KE u kif applikati għall-operat tal- politika monetarja.

Kull wieħed mill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri mhux parteċipanti li s-sistema RTGS tiegħu hija kkonnettjata mat-TARGET skond l-Artiklu 2(2), jista' jistabbilixxi u jżomm lista ta' attiv eliġibbli li jista jintuża mill-istituzzjonijiet parteċipanti fis-sistema RTGS nazzjonali tagħhom relevanti kkonnettjata mat-TARGET biex jiġu ggarantiti krediti tal-euro mogħtija minn dawn il-banek ċentrali nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-attiv fuq dik il-lista jissodisfa l-istess standards ta' kwalita`, u huwa suġġett għall-istess valutazzjoni u regoli dwar il-kuntroll tar-riskju bħal dawk preskritti fir-rigward tal-garanzija eliġibbli għall-operat tal-politika monetarja. L-imsemmi bank ċentrali nazzjonali għandu jippreżenta din il-lista ta' attiv eliġibbli għall-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE.”

4.

L-Artiklu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titlu huwa sostitwit b' li ġej:

Arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti permezz ta' l-interlinking

(b)

Il-paragrafu introduttorju huwa sostiwit b' li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artiklu għandhom japplikaw għall-arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti jew li għandhom jiġu eżegwiti permezz ta' l-interlinking.”

(c)

Il-paragrafu (b)(3) huwa sostitwit b' li ġej:

“3.

Il-kontijiet kollha inter-BĊN għandhom ikunu miżmuma fil-euro.”

5.

L-Artiklu 4a li ġej huwa mdaħħal:

“Artiklu 4a

Arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti permezz ta' BĊN li jipprovdi servizz

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artiklu għandhom japplikaw għall-arranġamenti għal ħlasijiet internazzjonali eżegwiti jew li għandhom jiġu eżegwiti permezz ta' link bilaterali.

(a)

Deskrizzjoni tal-komunikazzjoni

 

Meta jiġi eżegwit ħlas internazzjonali permezz ta' link bilaterali:

Il-BĊN li jipprovdi s-servizz għandu jkun meqjus bħala l-BĊN li jirċievi u li jibgħat, skond kif ikun il-każ, fir-rigward ta' l-obbligi u r-responsabbiltajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ipproċessar tal-ħlas internazzjonali permezz ta' l-interlinking fil-konfront ta' kemm il-BĊN/BĊE li jibgħat jew li jirċievi,

il-BĊN kkonnettjat għandu jitqies bħala l-BĊN li jirċievi jew li jibgħat, skond kif ikun il-każ, fir-rigward ta' l-obbligi u r-responsabbiltajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ikkreditar/iddebitar tal-kont RTGS tal-parteċipant li jirċievi/jibgħat.

(b)

Il-ftuħ ta' kont għall-BĊN kkonnettjat u t-tħaddim ta' dak il-kont

1.

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiftaħ kont fil-euro fuq il-kotba tiegħu għall-BĊN kkonnettjat.

2.

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jagħti faċilita` ta' kreditu bla limitu u mhix iggarantita lill-BĊN kkonnettjat.

3.

Biex jiġu eżegwiti ħlasijiet internazzjonali mibdija minn xi parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiddebita l-kont tal-BĊN kkonnettjat u jikkredita xi kont RTGS tal-parteċipant tal-BĊN li jipprovdi servizz jew jikkredita l-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jirċievi miżmum mill-BĊN li jipprovdi servizz. Biex jiġu eżegwiti ħlasijiet internazzjonali lil xi parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jiddebita l-kont inter-BĊN tal-BĊN/BĊE li jibgħat jew jiddebita xi kont RTGS tal-parteċipant tal-BĊN li jipprovdi servizz u jikkredita l-kont tal-BĊN kkonnettjat.

(c)

Obbligi u responsabbiltajiet tal-BĊN li jipprovdi servizz u l-BĊN kkonnettjat

1.

Verifika

(a)

Kemm il-BĊN kkonnettjat u l-BĊN li jipprovdi servizz għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni u s-sintassi tad-data li huma jipprovdu lil xulxin, u għandhom jiftiehmu dwar standards li għandhom jiġu applikati għal dik id-data.

(b)

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu, malli jirċievi xi ordni ta' ħlas ippreżentata mill-BĊN kkonnettjat, jiċċekkja mingħajr dewmien id-dettalji kollha inklużi fl-ordni tal-ħlas li huma meħtieġa għall-ipproċessar xieraq tagħha. Jekk il-BĊN li jipprovdi servizz jiskopri żbalji sintattiċi jew raġunijiet oħra biex jirrifjuta xi ordni ta' ħlas, huwa ma għandux jipproċessa dik l-ordni ta' ħlas, u għandu jitratta d-data u l-ordni tal-ħlas skond regoli speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma bejn il-BĊN li jipprovdi servizz u l-BĊN kkonnettjat.

2.

Settlement

(a)

Biex jiġi eżegwit ħlas internazzjonali mibdi minn parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, il-BĊN kkonnettjat għandu jiddebita l-kont tal-parteċipant tiegħu u, skond it-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-BĊN kkonnettjat u l-BĊN li jipprovdi servizz, jippreżenta ordni ta' ħlas korrispondenti lill-BĊN li jipprovdi servizz.

(b)

Hekk if il-BĊN li jipprovdi servizz ikun iċċekkja l-validita` ta' l-ordni ta' ħlas ppreżentata skond l-Artiklu 4a(ċ)(1)(b), il-BĊN li jipprovdi servizz għandu mingħajr dewmien:

(i)

jiddebita l-kont tal-BĊN kkonnettjat; u

(ii)

jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva lill-BĊN kkonnettjat.

(c)

Hekk kif il-kont tal-BĊN kkonnettjat ikun iddebitat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu mingħajr dewmien jikkredita l-kont RTGS tal-parteċipant fis-sistema RTGS nazzjonali tiegħu jew jipproċessa l-ordni ta' ħlas permezz ta' l-interlinking skond l-Artiklu 4. Meta l-BĊN li jipprovdi servizz jirċievi dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva jew negattiva mill-BĊN/BĊE li jirċievi, huwa għandu jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta lill-BĊN kkonnettjat.

(d)

Biex jeżegwixxi ħlas internazzjonali, li ġie mibdi minn parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN li jipprovdi servizz, lil xi parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jikkredita l-kont tal-BĊN kkonnettjat minnufih malli jirċievi dik l-ordni ta' ħlas. Il-BĊN kkonnettjat imbagħad għandu jikkredita minnufih il-kont tal-parteċipant fis-sistema tal-BĊN kkonnettjat.

(e)

Biex jeżegwixxi ħlas internazzjonali, li ġie mibdi minn parteċipant f'sistema RTGS minbarra dik tal-BĊN li jipprovdi servizz, lil xi parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu, malli jirċievi ordni ta' ħlas mill-BĊN/BĊE li jibgħat:

(i)

iwettaq il-proċeduri deskritti fl-Artiklu 4(d)(1) u 4(d)(2)(a);

(ii)

imbagħad jikkredita l-kont tal-BĊNi kkonnettjati u jinnotifika lill-BĊN kkonnettjat; u

(iii)

imbagħad jibgħat dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva lill-BĊN/BĊE li jibgħat .

Malli jirċievi n-notifikazzjoni skond punt (ii), il-BĊE kkonnettjat għandu minnufih jikkredita l-kont ta' xi parteċipant fis-sistema RTGS tiegħu.

(f)

Il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, kif miftiehma mal-BĊN kkonnettjat, sabiex jiżgura li l-informazzjoni u d-data kolha meħtieġa biex jikkredita l-kont tal-parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, huma disponibbli għall-BĊN kkonnettjat f'kwalunkwe ċirkustanza.

(g)

L-orarju ta' l-operat tas-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat għandhom jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

3.

Finalita`

Il-finalita` ta' ħlasijiet internazzjonali pproċessati permezz ta' link bilaterali għandha tkun iddeterminata skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikli 4(ċ)(2) u 4(d)(2).

4.

Trasferiment ta' responsabbilta` għall-esekuzzjoni ta' ordni ta' ħlas

Għal ħlasijiet internazzjonali mibdija minn parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, ir-responsabbilta` għall-esekuzzjoni ta' xi ordni ta' ħlas għandha tgħaddi mill-BĊN kkonnettjat għall-BĊN li jipprovdi servizz, fil-mument li l-kont tal-BĊN kkonnettjat mal-BĊN li jipprovdi servizz jiġi ddebitat, u imbagħad għandha tgħaddi għall-BĊN/BĊE li jirċievi skond l-Artiklu 4(e). Għal ħlasijiet internazzjonali lil xi parteċipant fis-sistema RTGS tal-BĊN kkonnettjat, ir-responsabbilta` għall-esekuzzjoni ta' xi ordni ta' ħlas għandha tgħaddi mingħand il-BĊN li jibgħat għall-BĊN li jipprovdi servizz, malli l-BĊN/BĊE li jibgħat jirċievi dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva kif deskritt fl-Artiklu 4a(ċ)(2)(e)(iii).

(d)

Trattament ta' l-iżbalji

It-trattament speċifikat fl-Artiklu 4(f) għandu japplika għall-BĊNi kkonnettjati.

(e)

Relazzjoni man-network service provider

Il-BĊN kkonnettjat għandu jkun ikkonnettjat jew ikollu entry point għan-network service provider. Għandha tkun ir-responsabbilta` tal-BĊN ikkonnettjat biex jitlob kumpens mingħand in-network service provider jekk il-BĊN kkonnettjat isofri telf bħala riżultat ta' ksur ta' dawn ir-regoli, u l-BĊN kkonnettjat għandu jissottometti kwalunkwe talba direttament lin-network service provider.

(f)

Informazzjoni lill-parteċipanti

Il-BĊNi kollha għandhom jinfurmaw lill-parteċipanti fis-sistemi RTGS tagħhom, li dikjarazzjoni ta' riċevuta pożittiva maħruġa minn BĊN li jipprovdi servizz fir-rigward ta' ħlasijiet internazzjonali lil parteċipanti f'sistema RTGS ta' BĊN kkonnettjat, tiċċertifika l-ikkreditar tal-kont tal-BĊN kkonnettjat mal-BĊN li jipprovdi servizz, imma ma tiċċertifikax l-ikkreditar tal-kont ta' parteċipant li jirċievi mal-BĊN kkonnettjat. Sa fejn ikun meħtieġ, il-BĊNi għandhom għalhekk jemendaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-RTGS.”

6.

L-Artiklu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1(b) huwa sostitwit b'li ġej:

“(b)

L-iSkema ta' Kumpens tat-TARGET għandha tapplika għas-sistemi RTGS nazzjonali kollha (irrispettivament jekk dawn is-sistemi RTGS huma kkonnettjati mat-TARGET permezz ta' l-interlinking jew permezz ta' link bilaterali) u għall-mekkaniżmu ta' ħlas tal-BĊE (EPM), u għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha tat-TARGET (inklużi l-parteċipanti tat-TARGET ta' sistemi RTGS nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti li mhumiex kontropartijiet għall-operat tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema, u parteċipanti tat-TARGET ta' sistemi RTGS nazzjonali ta' Stati Membri mhux parteċipanti) fir-rigward tal-ħlasijiet kollha tat-TARGET (mingħajr distinzjoni bejn ħlasijiet domestiċi u ħlasijiet internazzjonali). L-iSkema ta' Kumpens tat-TARGET m'għandhiex tapplika għal klijenti fl-EPM skond it-Termini u l-Kundizzjonijiet li jiggvernaw l-użu ta' l-EPM, li jinsabu fuq il-website tal-BĊE (www.ecb.int) u u huma aġġornati minn żmien għal żmien.”

(b)

Il-paragrafu 1(ċ)a li ġej huwa mdaħħal:

“(c)a Għall-iskopijiet ta' l-Artiklu 8(1)(ċ)(ii), BĊN li jipprovdi servizz m'għandux jitqies bħala terza parti.”

(c)

Il-paragrafu li ġej 1(f) huwa miżjud:

“(f)

Jekk BĊN kkonnettjat ma jistax jipproċessa ħlasijiet internazzjonali minħabba ħsara tas-sistema RTGS tal-BĊN li jipprovdi servizz, il-BĊN li jipprovdi servizz għandu jitqies bħala BĊN bil-ħsara fir-rigward ta' dawn il-ħlasijiet.”

7.

L-Artiklu 9 huwa sostitwit b' li ġej:

“Artiklu 9

Force majeure

Ma għandu jkun l-ebda responsabbilta` min-naħa tal-BĊNi/BĊE għal nuqqas ta' konformita` ma' din il-Linja ta' Gwida sal-qies, u sa kemm, ikun hemm inabbilta` li wieħed iwettaq l-obbligi msemmija skond il-Linja ta' Gwida, jew dawn l-obbligi huma suġġetti għal sospensjoni jew dewmien, minħabba li jseħħ xi inċident riżultat ta' kwalunkwe raġuni jew kawża barra mill-kuntroll raġonevoli (inklużi, imma mhux limitati għal, ħsarat fit-tagħmir jew ħsara ġenerali, diżastri naturali, strajkijiet jew kwistjonijiet ta' xogħol); bil-kundizzjoni li dan ta' hawn fuq ma jippreġudikax ir-responsabbilta` li wieħed ikollu lesti il-faċilitajiet ta' riżerva meħtieġa minn din il-Linja ta' Gwida, biex iwettaq il-proċeduri dwar it-trattament ta' l-iżbalji, imsemmija fl-Artikli 4(f) u 4a(d), kemm jista jkun possibbli minkejja l-inċident force majeure, u biex jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex jitnaqqsu l-effetti ta' kwalunkwe inċident bħal dan waqt li jkun qed iseħħ.”

8.

Fl-Artiklu 10, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.

Fil-każ ta' kwistjoni bħal din bejn il-BĊNi, jew bejn xi BĊN u l-BĊE, id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi rispettivi dwar ordnijiet ta' ħlas ipproċessati permezz tat-TARGET, u l-materja l-oħra kollha msemmija f'din il-Linja ta' Gwida għandhom ikunu ddeterminati: (i) bir-regoli u l-proċeduri msemmija f'din il-Linja ta' Gwida u l-Annessi tagħha; u (ii) bil-liġijiet ta' l-iStati Membri tas-sede tal-BĊN/BĊE li jirċievi, bħala sors supplimentari f'kwistjonijiet dwar ħlasijiet internazzjonali.”

9.

L-Anness IV huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ma' din il-Linja ta' Gwida.

Artiklu 2

Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-25 ta' Jannar, 2005.

Għandha tapplika mis-7 ta' Marzu, 2005.

Artiklu 3

Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri parteċipanti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fil-21 ta' Jannar, 2005.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 140, 24.5.2001, p. 72. Linja ta' Gwida kif l-aħħar emendata bil-Linja ta' Gwida BĊE/2004/4 (ĠU L 205, 9.6.2004, p. 1).


ANNESS

“ANNESS IV

L-ORARJI TA' L-OPERAT TAT-TARGET

It-TARGET u, għalhekk, il-BĊNi u s-sistemi RTGS nazzjonali parteċipanti fit- jew ikkonnettjati mat-TARGET, japplikaw ir-regoli segwenti fir-rigward ta' l-orarju ta' l-operat.

1.

Il-ħin ta' referenza għat-TARGET huwa ‘il-ħin tal-Bank Ċentrali Ewropew’, iddefinit bħala l-ħin lokali fis-sede tal-BĊE.

2.

It-TARGET għandha jkollha orarju ta' operat komuni mis-07: 00 sa 18: 00.

3.

Ftuħ kmieni, qabel is-07: 00, jista' jsir wara li notifikazzjoni minn qabel tkun intbagħtet lill-BĊE:

(i)

għal raġunijiet domestiċi (e.ż. biex jiġi ffaċilitat is-settlement ta' tranżazzjonijiet tat-titoli, jew biex isir is-settlement ta' bilanċi ta' sistemi ta' settlement nett, jew is-settlement ta' tranżazzjonijiet domestiċi oħra, bħal tranżazzjonijiet grupp grupp mgħoddija mill-BĊNi fis-sistemi RTGS matul il-lejl); jew

(ii)

għal raġunijiet relatati mas-SEBĊ (e.ż. fi ġranet meta volumi ta' ħlas eċċezzjonali huma mistennija, jew sabiex jitnaqqas ir-riskju tas-settlement tal-kambju fl-ipproċessar tal-parti euro tat-tranżazzjonijiet tal-kambju li jinvolvu valuti Asjatiċi).

4.

Għal ħlasijiet tal-klijenti (kemm domestiċi u internazzjonali (1) japplika cut-off time ta' siegħa qabel il-ħin ta' l-egħluq normali tat-TARGET; il-ħin li jifdal jintuża biss għal ħlasijiet ta' bejn il-banek (kemm domestiċi u dawk internazzjonali (2) biex tiġi ttrasferita l-likwidita ‘bejn il-parteċipanti. Il-ħlasijiet tal-klijenti huma ddefiniti bħala messaġġi ta' ħlas fil-format MT100, jew f'format ekwivalenti ta' messaġġ nazzjonali (li juża il-format MT100 għal trasmissjoni internazzjonali). L- implimentazzjoni tal-17: 00 bħala cut-off time għal ħlasijiet domestiċi għandha tiġi deċiża min kull BĊN f' kooperazzjoni mal-komunita’ bankarja tiegħu. Barra minn dan, il-BĊNi jkunu jistgħu jkomplu jipproċessaw ħlasijiet domestiċi tal-klijenti li kienu fi kju fil-17: 00.



Top