EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0053(01)
2014/34/EU: Decision of the European Central Bank of 31 December 2013 on the paying-up of capital, transfer of foreign reserve assets and contributions by Latvijas Banka to the European Central Bank’s reserves and provisions (ECB/2013/53)
2014/34/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta’ Diċembru 2013 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżerva barranija u kontribuzzjonijiet minn Latvijas Banka lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/53)
2014/34/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta’ Diċembru 2013 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżerva barranija u kontribuzzjonijiet minn Latvijas Banka lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/53)
OJ L 16, 21.1.2014, p. 65–68
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 16/65 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-31 ta’ Diċembru 2013
dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżerva barranija u kontribuzzjonijiet minn Latvijas Banka lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew
(BĊE/2013/53)
(2014/34/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 30.1, 30.3, 48.1 u 48.2 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/UE tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 (1), skont l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga mogħtija lilha taħt l-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (2) ser tiġi rrevokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. |
(2) |
L-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jistipula illi l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jħallas sehmu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) daqs il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-ponderazzjoni ta’ Latvijas Banka fl-iskema tal-kapital tal-BĊE hija ta’ 0,2821 %, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/28 tad-29 ta’ Awwissu 2013 dwar l-ishma tal-persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (3). Latvijas Banka diġà ħallas parti minn sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skont Artikolu 1 ta’ Deċiżjoni BĊE/2013/20 tal-21 ta’ Ġunju 2013 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro (4). L-ammont pendenti huwa għalhekk ta’ EUR 29 424 263,59, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE (EUR 10 825 007 069,61) bil-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital ta’ Latvijas Banka (0,2821 %), bit-tnaqqis ta’ dik il-parti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġà tħallset bis-sħiħ. |
(3) |
L-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jittrasferixxi ukoll assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE. Skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma li għandha tiġi ttrasferita tiġi determinata billi l-valur f’euro bir-rati tal-kambju kurrenti tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, tiġi mmultiplikata bil-proporzjon bejn in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta jkunu qed jiġu determinati l-“assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1”, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovutalill-aġġustamenti preċedenti tal-iskema kapitali (5) skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali tal-BĊE skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ (6). Bħala riżultat ta’ dan, skont Deċiżjoni BĊE/2013/26 tad-29 ta’ Awwissu 2013 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin li ġew ittrasferiti (7), l-ekwivalenti f’euro tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa ta’ EUR 50 715 061 570,77. |
(4) |
L-assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti minn Latvijas Banka għandhom ikunu fi jew iddenominati f’Yen Ġappuniż u deheb. |
(5) |
L-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊE għandu jikkredita lil kull BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi klejm ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin illi ttrasferixxa lill-BĊE. Id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms li diġà ġew ikkreditati lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (8) għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms ta’ Latvijas Banka. |
(6) |
L-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi approprjat fir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ fil-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi t-tħassir tad-deroga. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni huwa ddeterminat skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. |
(7) |
B’analoġija mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (9), il-Gvernatur ta’ Latvijas Banka kellu l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
(a) |
“assi ta’ riżervi barranin” tfisser deheb jew flus kontanti; |
(b) |
“deheb” tfisser uqiji sħaħ ta’ deheb fin fil-forma ta’ ingotti tat-tip London Good Delivery, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association; |
(c) |
“flus kontanti” tfisser il-valuta legali tal-Ġappun (yen Ġappuniż). |
Artikolu 2
L-ammont u l-modalità tal-ħlas tal-kapital
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, Latvijas Banka għandu jħallas il-partijiet rimanenti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li jikkorrispondu għal EUR 29 424 263,59.
2. Latvijas Banka għandu jħallas l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2014 permezz ta’ trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2).
3. Permezz ta’ trasferiment separat ta’ TARGET2, fit-2 ta’ Jannar 2014, Latvijas Banka għandu jħallas lill-BĊE l-imgħax akkumulat fl-1 ta’ Jannar 2014 fuq l-ammont dovut lill-BĊE skont paragrafu 2. Dan l-imgħax għandu jkun ikkalkulat ta’ kuljum, billi jintuża l-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tiegħu.
Artikolu 3
Trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin
1. Latvijas Banka għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 u skont dan l-Artikolu u l-arranġamenti meħuda bis-saħħa tiegħu, ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin denominati f’yen Ġappuniż u deheb li huwa ekwivalenti għal EUR 205 272 581,13 kif ġej:
Ammont ta’ yen Ġappuniż fi flus kontanti ekwivalenti f’euro |
Ammont ta’ deheb ekwivalenti f’euro |
Ammont aggregat ekwivalenti f’euro |
174 481 693,96 |
30 790 887,17 |
205 272 581,13 |
2. L-ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin ekwivalenti f’euro li għandhom jiġu ttrasferiti minn Latvijas Banka skont paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tar-rati tal-kambju bejn l-euro u l-yen Ġappuniż stabbiliti bħala riżultat tal-proċedura ta’ konsultazzjoni f’24 siegħa tal-31 ta’ Diċembru 2013 bejn l-Eurosistema u Latvijas Banka u, fil-każ tad-deheb, fuq il-bażi tal-prezz ta’ kull uqija sħiħa ta’ deheb fin bid-dollaru Amerikan stabbilit fl-iffissar tal-prezz tad-deheb f’Londra fl 10.30 a.m., ħin ta’ Londra, fil-31 ta’ Diċembru 2013.
3. Il-BĊE għandu jikkonferma lil Latvijas Banka mill-aktar fis possibbli l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 2.
4. Latvijas Banka għandu jittrasferixxi lill-BĊE il-yen Ġappuniż fi flus kontanti.
5. It-trasferiment ta’ flus kontanti għandu jsir lil dawk il-kontijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data tas-saldu biex il-flus kontanti jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun is-6 ta’ Jannar 2014. Latvijas Banka għandu jagħti struzzjonijiet sabiex dan it-trasferiment isir lill-BĊE.
6. Il-valur tad-deheb li Latvijas Banka jittrasferixxi lill-BĊE skont paragrafu 1 għandu jkun kemm jista’ jkun viċin ta’, iżda mhux aktar minn, EUR 30 790 887,17.
7. Latvijas Banka għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f’forma mhux investita lill-kontijiet u l-postijiet kif speċifikat mill-BĊE. Id-data tas-saldu biex il-flus kontanti jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun it-3 ta’ Jannar 2014. Latvijas Banka għandu jagħti struzzjonijiet sabiex dan it-trasferiment isir lill-BĊE.
8. Jekk Latvijas Banka jittrasferixxi deheb lill-BĊE b’valur ta’ anqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, fis-6 ta’ Jannar 2014 huwa għandu mbagħad jittrasferixxi ammont ta’ yen Ġappuniż fi flus kontanti ekwivalenti għad-defiċit lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. Dawn il-yen Ġappuniżi fi flus kontanti m’għandhomx jifformaw parti mill-assi ta’ riżervi barranin iddenominati f‘yen Ġappuniż li Latvijas Banka jittrasferixxi lill-BĊE skont il-kolonna tax-xellug tat-tabella inkluża fil-paragrafu 1.
9. Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammonti totali ekwivalenti f’euro msemmija fil-paragrafi 1 u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandha tiġi ssaldata skont il-Ftehim tal-31 ta’ Diċembru 2013 bejn Latvijas Banka u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Latvijas Banka mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (10).
Artikolu 4
Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejm ekwivalenti għall-kontribuzzjoni
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, u bla ħsara għall-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 dwar id-dati tas-saldu tat-trasferimenti tal-assi ta’ riżervi barranin, il-BĊE għandu jikkredita lil Latvijas Banka bi klejm denominata f’euro, ekwivalenti għall-ammont aggregat f’euro tal-kontribuzzjoni tiegħu ta’ assi ta’ riżervi barranin. Din il-klejm tikkorrispondi għal EUR 163 479 892,24.
2. Il-klejm ikkreditata mill-BĊE għal Latvijas Banka għandha tiġi rremunerata sa mid-data tas-saldu. L-imgħax akkumulat għandu jinħadem ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.
3. L-imgħax akkumulat ikkalkulat skont il-paragrafu 2 għandu jitħallas lil Latvijas Banka fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja. Kull trimestru l-BĊE għandu jinforma lil Latvijas Banka bl-ammont kumulattiv.
4. Il-klejm ma tistax tiġi mifdija.
Artikolu 5
Kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvisti tal-BĊE
1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 u skont l-Artikolu 3(5) u (6), Latvijas Banka għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi assenjat lir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru 2013.
2. L-ammonti li għandhom jiġu kkontribwiti minn Latvijas Banka għandhom jiġu ddeterminati skont Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Ir-riferenzi fl-Artikolu 48.2 għal “in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat” u “in-numru ta’ ishma li diġa’ tħallsu mill-banek ċentrali l-oħra” għandhom jirreferu għall-ponderazzjoni ta’ Latvijas Banka u tal-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro fl-iskema tal-kapital tal-BĊE, skont Deċiżjoni BĊE/2013/26.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “ir-riżervi tal-BĊE” u “provvisti ekwivalenti għal riżervi” għandhom jinkludu l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE, bilanċi fuq kontijiet ta’ rivalutazzjoni u provvisti għar-rata tal-kambju barrani, rata ta’ imgħax, kreditu, prezz tas-suq u riskji tal-prezz tad-deheb.
4. Mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2013, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil Latvijas Banka l-ammont li għandu jiġi kkontribwit minn Latvijas Banka taħt il-paragrafu 1.
5. Fit-tieni jum tax-xogħol li jsegwi l-approvazzjoni mill-Kunsill Ġenerali tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2013, Latvijas Banka għandu, permezz ta’ TARGET2, iħallas lill-BĊE:
(a) |
l-ammont dovut lill-BĊE skont paragrafu 4, bit-tnaqqis ta’ kull ammont ittrasferit li jaqbeż il-klejm imsemmija fl-Artikolu 4(1) dwar id-dati tas-saldu stipulati fl-Artikolu 3(5) u 3(7) (kontribuzzjoni bil-quddiem), jekk hemm wieħed; u |
(b) |
l-imgħax akkumulat mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-data tal-ħlas fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt paragrafu 4, bit-tnaqqis ta’ kull kontribuzzjoni bil-quddiem. |
6. Kull imgħax li jakkumula skont il-paragrafu 5(b) għandu jiġi kkalkolat ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ta’ rifinanzjament ewlieni l-aktar riċenti tagħha.
Artikolu 6
Kompetenzi
1. Sa fejn huwa meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lil Latvijas Banka sabiex jispeċifika aktar u jdaħħal fis-seħħ kull dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jipprovdi għal rimedji xierqa sabiex jiġu indirizzati kull problemi li jistgħu jinqalgħu.
2. Kull struzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jimxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv f’dak ir-rigward.
Artikolu 7
Dispożizzjoni finali
Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Diċembru 2013.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 195, 18.7.2013, p. 24.
(2) Att dwar il-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti fit-Trattati li fuqhom hi msejsal-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33).
(3) Ara paġna 53 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) ĠU L 187, 6.7.2013, p. 25.
(5) Deċiżjoni BĊE/2008/23 tat-12 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 21, 24.1.2009, p. 66).
(6) Deċiżjoni BĊE/2013/17 tal-21 ta’ Ġunju 2013 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 187, 6.7.2013, p. 15).
(7) Ara paġna 47 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(8) Skont il-Linja Gwida BĊE/2000/15 tat-3 ta’ Novembru 1998 kif emendata mil-Linja Gwida tas-16 ta’ Novembru 2000 dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi ta’ valuta estera, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 114).
(9) Deċizjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(10) Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.