EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AB0005

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 8 ta’ Jannar 2010 dwar tliet proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (CON/2010/5)

OJ C 13, 20.1.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta’ Jannar 2010

dwar tliet proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq

(CON/2010/5)

2010/C 13/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-6 t’Ottubru 2009, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar: (1) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (1) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost tal-ABE”); (2) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (2) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost tal-AEAPX”); u (3) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (3) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost tal-AETS”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar kull wieħed minn dawn ir-regolamenti (minn hawn “il quddiem ir-regolamenti proposti”) hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress illi r-regolamenti proposti fihom disposizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla ostakoli tal-politika dwar is-sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dik dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Peress illi t-tliet testi jirrigwardaw it-twaqqif tat-tliet awtoritajiet Ewropej ġodda ta’ sorveljanza (AESi) li se jiffurmaw parti mis-Sistema Ewropea ta Sorveljanza Finanzjarja (SESF), il-BĊE adotta, għal finijiet ta’ sempliċità, opinjoni waħda dwar ir-regolamenti proposti.

L-osservazzjonijiet f’din l-opinjoni għandhom jinqraw flimkien mal-Opinjoni tal-BĊE CON/2009/88 tas-26 t’Ottubru 2009 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza makro-prudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li twaqqaf Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku u proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tafda lill-Bank Ċentrali Ewropew bi dmirijiet speċifiċì li jikkonċernaw il-funzjonament tal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (minn hawn “il quddiem imsejħin ir-regolament propost tal-BERS” u d-“deċiżjoni proposta tal-BERS” rispettivament); dawn iż-żewġ proposti jiffurmaw parti mill-pakkett leġislattiv adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Settembru 2009 minħabba r-riforma tas-sorveljanza finanzjarja Ewropea (4).

Barra minn hekk, dawn l-osservazzjonijiet huma mingħajr preġudzzju għall-opinjoni futura tal-BĊE dwar l-emendi proposti mill-Kummissjoni għal-leġislazzjoni Komunitarja tas-settur finanzjarju bħala kumpliment neċessarju għall-fuq imsemmi pakkett leġislattiv (minn hawn “il quddiem imsejjaħ id-direttiva proposta Omnibus”) (5) u opinjonijiet oħrajn possibbli tal-BĊE dwar kull abbozz ta’ liġi ieħor adottat fil-kuntest ta’ dan il-pakkett.

Il-kwistjonijiet koperti fl-opinjoni preżenti huma limitati għal dawk li jikkonċernaw it-twaqqif u l-funzjonament tal-AES li huma ta’ relevanza diretta għall-BĊE/SEBĊ u għall-BERS.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-proposta tal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea għas-sorveljanza

1.

Ir-regolamenti proposti huma parti minn reviżjoni komprensiva tal-qafas istituzzjonali tal-UE għas-sorveljanza, li jinkludi kemm it-tisħiħ tas-sorveljanza mikro-prudenzjali permezz tat-twaqqif tal-AESi, kif ukoll l-indikazzjoni tal-BERS bħala korp indipendenti ġdid, responsabbli għall-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja permezz tat-tmexxija tas-sorveljanza mikro-prudenzjali fil-livell Ewropew, bl-assenjazzjoni ta’ dmirijiet speċifiċi relatati lill-BĊE abbażi tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Il-BĊE bejn wieħed u ieħor jilqa’ l-qafas istituzzjonali propost. Il-BĊE jinnota f’dan ir-rigward illi kien hemm ftehim fil-Kunsill ECOFIN dwar mod ġenerali li biex għandu jiġi ttrattat il-qafas propost fit-2 ta’ Diċembru 2009 (6).

L-AES u l-approssimazzjoni tal-liġijiet fis-settur finanzjarju

2.

Fit-18-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew għamel sejħa għat-twaqqif ta’ ktieb wieħed għar-regoli Ewropej applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq waħdieni (7). Ir-regolamenti proposti jirriflettu l-ħtieġa li jiġi introdott strument effettiv li jistabbilixxi standards tekniċi armonizzati fis-servizzi finanzjarji sabiex jiġi żgurat, permezz ta' ktieb tar-regoli wieħed, li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u protezzjoni xierqa għad-depożitanti, l-investituri u l-konsumaturi fl-Ewropa (8). Il-BĊE jilqa’ dan it-trattament minħabba is-sostenn li dejjem ta għall-iżvilupp ta’ ktieb tar-regoli wieħed għas-servizzi finanzjarji tal-UE. Barra minn hekk, l-AESi, bħala korpi b’ħiliet speċjalizzati ħafna, qegħdin f’posizzjoni tajba biex jassistu fil-proċess ta’ armonizzazzjoni fis-settur finanzjarju billi jikkontribwixxu għat-twaqqif ta’ prattiċi regolatorji u ta’ sorveljanza komuni u ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari billi jagħtu opinjonijiet lill-istituzzjonijiet Ewropej u billi jiżviluppaw linji gwida, rakkomandazzjonijiet u abbozzi ta’ standards tekniċi (9).

Osservazzjonijiet speċifiċi

Relazzjoni bejn l-AESi u l-BERS

3.

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-arranġamenti istituzzjonali effiċjenti għall-kooperazzjoni bejn l-AESi u l-BERS. Dan jeħtieġ proċeduri effettivi għall-qsim ta’ informazzjoni, sabiex tiġi żgurata interazzjoni mingħajr xkiel tas-sorveljanza fil-livelli makro-prudenzjali u mikro-prudenzjali u l-aċċess f’waqtu tal-BERS għall-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu, inkluża l-informazzjoni mikro-prudenzjali relevanti għall-analizi makro-prudenzjali (10). F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota illi wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-AESi ser jikkonċerna l-kooperazzjoni mal-BERS, partikolarment billi jforni lil dan tal-aħħar bl-informazzjoni meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu (11). F’dan il-kuntest, filwaqt illi l-BĊE jilqa’ l-fatt illi r-regolamenti proposti jipprovdu għall-involviment mill-qrib tal-BERS fil-qafas istituzzjonali mikro-prudenzjali ġdid, jissuġġerixxi emenda sabiex jiżgura illi jitneħħa kull ostaklu għall-fluss bla xkiel tal-informazzjoni bejn il-BERS u s-SESF (ara f’dan ir-rigward l-proposta tal-emenda 7). Dawn ir-regoli proposti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali taħt ir-regolamenti proposti jikkumplimentaw ir-regoli relevanti l-oħra tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluż il-propost regolament tal-BERS.

Relazzjoni bejn l-AESi ul-BERS

4.

Skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tas-SEBĊ huma involuti mill-qrib, minħabba l-kompetenzi u l-ħiliet tekniċi tagħhom, fl-istruttura finanzjarja preżenti. Ir-regolamenti proposti għandhom ukoll jiżguraw l-involviment istituzzjonali adegwat u l-parteċipazzjoni tal-BĊE u, fejn xieraq, tal-BĊNi tas-SEBĊ, fir-rigward tal-AESi u ta’ kumitati ġodda li jitwaqqfu.

5.

Aktar speċifikament, l-involviment tas-SEBĊ fis-sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu jirrifletti d-dmir assenjat lilu minn Artikolu 127(2) tat-Trattat li jippromwovi “l-operat bla xkiel ta’ sistemi ta’ pagament”. Infrastrutturi sikuri u effiċjenti għas-swieq tat-titoli wara li jsir in-negozju huma komponent kruċjali għas-sistema finanzjarja u kull ħsara fis-sistemi ta’ kklerjar u saldu ta’ titoli jista’ jkollu riperkussjonijiet sistemiċi serji fuq il-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament, kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja. Fid-dawl tad-dmirijiet ta’ sorveljanza tal-banek ċentrali li jikkonċernaw is-sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu, hija meħtieġa kooperazzjoni effettiva bejn il-banek ċentrali fil-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza (12).

6.

Avvenimenti riċenti kkonfermaw illi l-banek ċentrali jistgħu jkunu involuti b'mod estensiv fil-kuntest ta' sitwazzjoni ta' kriżi bħala fornituri ta' likwidità lis-sistema bankarja. Dan huwa l-każ partikolarment meta timmaterjalizza kriżi permezz ta' avveniment marbut mal-kundizzjonijiet tal-likwidità fis-swieq tal-flus u/jew mal-funzjonament ta’ sistemi ta’ pagament u saldu ta’ titoli (13).

F’dan l-isfond, l-aċċess tal-bank ċentrali għal informazzjoni ta’ sorveljanza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jista’ jkun relevanti għat-tmexxija ta’ monitoraġġ makro-prudenzjali, is-sorveljanza ta’ sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu, u l-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja in ġenerali (14). Filwaqt ili l-possibbilitajiet għall-qsim tal-informazzjoni diġà jeżistu bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-banek ċentrali fil-kuntest tal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-settur finanzjarju (15), għandu jkun żgurat għal raġunijiet kemm ta’ sostanza kif ukoll ta’ konsistenza illi r-regolamenti proposti jipprovdu għal arranġamenti ekwivalenti fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AES u s-SEBĊ fil-ġestjoni tad-dmirijiet rispettivi tagħhom.

L-AES u l-konformità mal-projbizzjoni dwar il-finanzjament monetarju

7.

Fejn BĊN huwa awtorità kompetenti għas-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u/jew finanzjarji taħt il-liġi nazzjonali, it-twettiq ta' dan id-dmir mill-BĊN m’għandux jikkostitwixxi finanzjament monetarju pprojbit taħt l-Artikolu 123 tat-Trattat. Sakemm il-finanzjament ta’ kull AES jikkostitwixxi, partikolarment, f’kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu u/jew finanzjarji (16), m'huwiex kontra l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju jekk BĊN jikkontribwixxi għad-dħul tal-AES li, f'ċirkostanzi bħal dawn, jinvolvi biss il-finanzjament mill-BĊN tad-dmirijiet ta' sorveljanza tiegħu stess.

Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolamenti proposti jiġu emendati, proposta għall-abbozzar speċifika (ibbażata fuq it-test tar-regolament propost tal-ABE (17)) hija mniżżla fl-Anness akkumpanjata minn test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Jannar 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2009) 0501 finali.

(2)  KUMM(2009) 0502 finali.

(3)  KUMM(2009) 0503 finali.

(4)  Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-bażi legali ġdida għar-regolamenti proposti u għar-regolament propost tal-BERS huwa l-Artikolu 114 TFUE (ex Artikolu 95 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“TKE”)). Il-bażi legali ġdida għad-deċiżjoni proposta tal-BERS huwa l-Artikolu 127(6) TFUE (ex Artikolu 105(6) TKE), li jimplika li d-deċiżjoni proposta tal-BERS ser tinbidel f'regolament.

(5)  Fil-25 ta’ Novembru 2009 il-BĊE ġie kkonsultat formalment mill-Kunsill dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, KUMM(2009) 0576 finali.

(6)  Ara l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) – kompromess tal-Presidenza bil-qbil tal-Kunsill Ecofin (2009/0142(COD) – 16748/1/09 REV1), il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), kompromess tal-Presidenza (2009/0143(COD) – 16749/1/09 REV1), u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), kompromess tal-Presidenza (2009/0144(COD) – 16751/1/09 REV1).

(7)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta’ Ġunju 2009, p. 8 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tad-9 ta’ Ġunju 2009, li jinsabu http://www.europa.eu

(8)  Ara l-premessa 14 tar-regolament proposta tal-ABE, il-premessa 14 tar-regolament propost tal-BERS u l-premessa 13 tar-regolament propost tal-AEAPX.

(9)  Ara l-Artikolu 6(1)(a) tar-regolamenti proposti.

(10)  F’dan ir-rigward ara r-rapport ta’ Frar 2009 tal-Grupp ta’ Livell Għoli de Larosière dwar is-sorveljanza finanzjarja fl-UE, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2009 dwar is-sorveljanza finanzjarja Ewropea (KUMM(2009) 0252 finali), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009 u r-regolamenti proposti (paragrafi 6.2.2 u 6.3 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta tar-regolament BERS u l-paragrafi korrispondenti fil-memorandum spjegattiv fil-proposti taż-żewġ regolamenti l-oħra).

(11)  Ara, per eżempju, l-Artikolu 6(1)(d) tar-regolamenti proposti.

(12)  Ara r-Rapport ta’ Sorveljanza tal-Eurosistema 2009, Novembru 2009, li jinsab: http://www.ecb.europa.eu

(13)  Ara f’dan ir-rigward il-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja, il-banek ċentrali u l-ministeri tal-finanzi tal-UE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja transkonfini, Ġunju 2008, li jinsab http://www.ecb.europa.eu

(14)  Ara f’dan ir-rigward il-paragrafi 2.1 sa 2.4 tal-Opinjoni BĊE CON/2006/15 tad-9 ta’ Marzu 2006 fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk dwar abbozz ta’ liġi dwar is-sorveljanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Ara wkoll il-paragrafi 13 sa 15 tal-Opinjoni BĊE CON/2009/17 tal-5 ta’ Marzu 2009 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE fir-rigward ta’ banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti ta’ sorveljanza, u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

(15)  Ara, per eżempju, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-sorveljanza supplimentari tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni u ditti ta’ investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1), l-Artikolu 58(5) tad-Direttiva 2004/39 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’April 2004 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji li temenda d-d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1), l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (abbozzata mill-ġdid) (ĠU L 177, 30.6.2006 p. 1), u l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u t-tkomplija tan-negozju tal-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid (Solvibilità II) (abbozzata mill-ġdid). (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(16)  Ara l-Artikolu 48(1)(a) tar-regolamenti proposti.

(17)  Ħlief għall-aħħar tliet emendi peress illi l-Emendi 11 u 12 jirrigwardaw ir-regolament propost tal-AETS u l-Emenda 13 tirrigwarda kemm ir-regolament propost tal-AETS kif ukoll dak dwar l-AEAPX. L-Emendi 9 u 10 jirrigwardaw biss ir-regolament propost tal-ABE.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar  (1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (2)

Emenda 1

Premessa 21 tar-regolamenti proposti tal-ABE u tal-AETS u l-premessa 20 tar-regolament propost tal-AEAPX.

Premessa 21

“(21)

Theddid serju għall-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fil-Komunità jeħtieġ reazzjoni bla dewmien u maqbula f’livell Komunitarju. L-Awtorità għandha għalhekk tkun tista’ titlob lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jieħdu azzjonijiet speċifiċi sabiex isibu rimedju għal sitwazzjoni ta' emerġenza. Peress illi d-determinazzjoni ta’ sitwazzjoni t’emerġenza tinvolvi grad sinifikanti ta’ diskrezzjoni, din is-setgħa għandha tingħata lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata reazzjoni effettiva għas-sitwazzjoni t’emerġenza, f’każ ta’ nuqqas t’azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti, l-Awtorità għandha jkollha s-setgħa li tadotta, bħala l-aħħar miżura, deċiżjonijiet indirizzati direttament lil istituzzjonijiet finanzjarji f’oqsma ta’ liġi Komunitarja applikabbli direttament lilhom u li għandha l-għan li tnaqqas l-effetti tal-kriżi u terġa’ trawwem il-kunfidenza fis-swieq.”

Premessa 21

“(21)

Theddid serju għall-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fil-Komunità jeħtieġ reazzjoni bla dewmien u maqbula f’livell Komunitarju. L-Awtorità għandha għalhekk tkun tista’ titlob lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jieħdu azzjonijiet speċifiċi sabiex isibu rimedju għal sitwazzjoni ta' emerġenza. Peress illi d-determinazzjoni ta’ sitwazzjoni t’emerġenza tinvolvi grad sinifikanti ta’ diskrezzjoni, din is-setgħa għandha tingħata lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata reazzjoni effettiva għas-sitwazzjoni t’emerġenza, f’każ ta’ nuqqas t’azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti, l-Awtorità għandha jkollha s-setgħa li tadotta, bħala l-aħħar miżura, deċiżjonijiet indirizzati direttament lil istituzzjonijiet finanzjarji f’oqsma ta’ liġi Komunitarja applikabbli direttament lilhom u li għandha l-għan li tnaqqas l-effetti tal-kriżi u terġa’ trawwem il-kunfidenza fis-swieq. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-banek ċentrali tas-SEBĊ fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jipprovdu assistenza ta' likwidità t'emerġenza lil istituzzjonijiet finanzjarji individwali skont il-mandat tal-banek ċentrali li jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”

Spjegazzjoni

Deċiżjonijiet adottati mill-AESi u indirizzati lil awtoritajiet kompetenti u/jew istituzzjonijiet finanzjarji individwali fil-kuntest ta’ sitwazzjonijeit t’emerġenza għandhom iqisu r-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali tas-SEBĊ fir-rigward tal-provvediment ta’ assistenza ta’ likwidità t’emerġenza.

Emenda 2

Premessa 31a tar-regolamenti proposti tal-ABE u tal-AETS u l-premessa 30a tar-regolament propost tal-AEAPX (ġdid).

L-ebda test

Permessa 31a/30a

(31a)/(30a)

Hemm ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorità u l-BĊE u l-banek ċentrali tal-UE u l-aċċess tal-banek ċentrali għal informazzjoni prudenzjali jista’ jkun essenzjali, partikolarment f’sitwazzjonijiet t’emerġenza. Għaldaqstant l-Awtorità m’għandhiex tinżamm milli taqsam kull informazzjoni relevanti mal-BĊE u mal-BĊNi tas-SEBĊ, meta din l-informazzjoni hija relevanti biex jeżerċitaw id-dmirijiet rispettivi tagħhom, inkluż il-ġestjoni tal-politka monetarja u l-provvista ta’ likwidità relatata, is-sorveljanza tas-sistemi ta' pagament, ikklerjar u saldu u l-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din l-opinjoni u skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-settur finanzjarju, ir-regolamenti proposti għandhom jirreferu espliċitament għad-dmir tal-AESi li jikkooperaw mal-BĊE u l-BĊNi tas-SEBĊ u għall-ħtieġa għal possibilitajiet adattati għall-qsim tal-informazzjoni.

Emenda 3

Artikolu 6(1) tad-direttivi proposti

Artikolu 6

“1.   L-Awtorità għandha d-dmirijiet segwenti:

[…]

(d)

li tikkoopera mill-qrib mal-BERS, partikolarment billi tipprovdi lill-BERS bl-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ dmirijietu u billi tiżgura segwitu propizju għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS;”

Artikolu 6

“1.   L-Awtorità għandha d-dmirijiet segwenti:

[…]

(d)

li tikkoopera mill-qrib mal-BĊE u, fejn meħtieġ, mal-BĊNi tas-SEBĊ, partikolarment billi tipprovdihom bl-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE;

(e)

li tikkoopera mill-qrib mal-BERS, partikolarment billi tipprovdi lill-BERS bl-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ dmirijietu u billi tiżgura segwitu propizju għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS;”

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din l-opinjoni u skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-settur finanzjarju, ir-regolamenti proposti għandhom jirreferu espliċitament għad-dmir tal-Awtorità li tikkoopera fil-qrib mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-BĊNi tas-SEBĊ u tipprovdilhom kull informazzjoni relevanti f’każ li tali informazzjoni tkun neċessarja għat-twettiq ta’ dmirijiethom.

Emenda 4

Artikolu 10(1) tad-direttivi proposti

Artikolu 10

“1.   F’każ ta’ żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Komunità jew parti minnha, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-Awtorità, tal-Kunsill, jew tal-BERS, tista’ tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Awtorità, li tiddetermina l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.”

Artikolu 10

“1.   F’każ ta’ żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Komunità jew parti minnha, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-Awtorità, tal-Kunsill, tal-BĊE jew tal-BERS, tista’ tadotta, wara li tikkonsulta lill-Kunsill, lill-BĊE, lill-BERS u, fejn xieraq, lill-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza, deċiżjoni indirizzata lill-Awtorità, li tiddetermina l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.”

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din l-opinjoni, il-BĊE għandu jkun inkluż fil-lista tal-awtoritajiet intitolati li jifformulaw talbiet lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni t’emerġenza, u l-lista tal-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn. Il-premessa 21 tar-regolamenti proposti tal-ABE u tal-AETS u l-premessa 20 tar-regolament propost tal-AEAPX għandhom għalhekk jiġu emendati.

Emenda 5

Artikolu 16 tar-regolamenti proposti

Artikolu 16

Funzjoni ta’ koordinament

“L-Awtorità għandha twettaq rwol ta’ koordinament ġenerali bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fejn żviluppi negattivi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fil-Komunità.

L-Awtorità għandha tippromwovi reazzjoni kkoordinata Komunitarja, inter alia billi:

[…]

(4)

tinnotifika lill-BERS b’kull sitwazzjoni ta’ emerġenza potenzjali mingħajr dewmien.”

Artikolu 16

Funzjoni ta’ Koordinament

“L-Awtorità għandha twettaq rwol ta’ koordinament ġenerali bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fejn żviluppi negattivi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament bl-ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fil-Komunità.

L-Awtorità għandha tippromwovi reazzjoni kkoordinata Komunitarja, inter alia billi:

[…]

(4)

tinnotifika lill-BĊE u lill-BERS b’kull sitwazzjoni ta’ emerġenza potenzjali mingħajr dewmien, inklużi deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u mill-Awtorità taħt l-Artikolu 10.

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din l-opinjoni, il-BĊE għandu jkun infurmat mill-AESi b’kull sitwazzjoni ta’ emerġenza potenzjali mingħajr dewmien (inklużi deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u mill-AESi taħt l-Artikolu 10 tar-regolamenti proposti).

Emenda 6

Artikolu 41(2) tar-regolamenti proposti

Artikolu 41

“2.   Id-Direttur Eżekuttiv, il-Kummissjoni u l-BERS għandhom jiġu mistednin bħala osservaturi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Ewropej kif ukoll għas-Sottokumitati msemmijin fl-Artikolu 43.”

Artikolu 41

“2.   Id-Direttur Eżekuttiv, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-BERS għandhom jiġu mistednin bħala osservaturi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Ewropej kif ukoll għas-Sottokumitati msemmija fl-Artikolu 43.”

Spjegazzjoni

Il-Kumitat Konġunt ser jittratta kwistjonijiet ta’ interess komuni għall-awtoritajiet kollha. Jista’ jservi ta’ pjattaforma għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet li huma ta' interess kemm għall-banek ċentrali kif ukoll għal AESi, bħal dawk li jirrigwardaw l-infrastrutturi tas-suq u l-konglomerati finanzjarji. Huwa għalhekk rakkomandabbli li l-BĊE jiġi inkluż bħala osservatur fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-BĊE fis-Sottokumitat dwar il-konglomerati finanzjarji hija skont l-arranġamenti istituzzjonali eżistenti li skont huma l-BĊE jattendi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt dwar il-Konglomerati Finanzjarji u l-Kumitat ta’ Ħidma Temporanju dwar il-Konglomerati Finanzjarji.

Emenda 7

Artikolu 56(3) tar-regolamenti proposti

Artikolu 56

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja l-informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali skont dan ir-Regolament u leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tapplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ segretezza professjonali indikati fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli ta' proċedura interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità li għalihom hemm referenza fil-paragrafi 1 u 2.”

Artikolu 56

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja l-informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, is-SEBĊ u l-BERS skont dan ir-Regolament u leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tapplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ segretezza professjonali indikati fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli ta' proċedura interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità li għalihom hemm referenza fil-paragrafi 1 u 2.”

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 3 sa 6 ta’ din l-opinjoni, il-BERS u l-SEBĊ m’għandhomx jinżammu milli jkunu involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni prudenzjali.

Emenda 8

Artikolu 66(1) tar-regolamenti proposti

Artikolu 66

“1.   Fi żmien tliet snin mid-data stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 67 u kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament.”

Artikolu 66

“1.   Fi żmien tliet snin mid-data stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 67 u kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem, wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza, tal-BERS u tal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament. […]”

Spjegazzjoni

Klawżola ta’ reviżjoni simili hija inkluża fir-Regolament propost tal-BERS, kif miftiehem mill-Kunsill Ecofin fl-20 ta’ Ottubru 2009 (Artikolu 20)  (3).

Emenda 9

Artikolu 25 tar-regolament propost tal-ABE

Artikolu 25

“Komposizzjoni

1.   Il-Bord tas-Sorveljanti ser ikun kompost minn:

(a)

il-President, li ma jivvutax;

(b)

Il-Kap tal-awtorità pubblika nazzjonali li għandha l-kompetenza li tissorvelja l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’kull Stat Membru;

(ċ)

rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jivvutax;

(d)

rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew li ma jivvutax;

(e)

rappreżentant tal-BERS li ma jivvutax;

(f)

rappreżentant ta’ kull waħda miż-żewġ Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza l-oħra li ma jivvutax;

2.   Kull awtorità kompetenti ser tkun responsabbli sabiex tinnomina sostitut ta’ livell għoli mill-awtorità tagħha, li jista’ jieħu post il-membru tal-Bord ta’ Sorveljanti msemmi f’paragrafu 1(b), f’każ li din il-persuna ma tkunx tista’ tattendi.

3.   Fejn l-awtorità msemmija f’paragrafu 1(b) ma tkunx bank ċentrali, il-membru tal-Bord ta' Sorveljanti msemmi f'paragrafu 1(b) jista' jkun akkumpanjat minn rappreżentant mill-bank ċentrali tal-Istati Membri, li ma jivvutax.

4.   Sabiex jaġixxi skont l-iskop tad-Direttiva 94/19/KE il-membru tal-Bord ta’ Sorveljanti msemmi fil-paragrafu 1(b) jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn rappreżentant mill-korpi relevanti li jamministra l-iskemi ta’ depożitu-garanzija f’kull Stat Membru, li ma jivvutax.

5.   Il-Bord ta’ Sorveljanti jista’ jiddeċiedi li jaċċetta l-osservaturi.

Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta’ Sorveljanti mingħajr id-dritt għall-vot.”

Artikolu 25

“Komposizzjoni

1.   Il-Bord tas-Sorveljanti ser ikun kompost minn:

(a)

il-President, li ma jivvutax;

(b)

Il-Kap tal-awtorità pubblika nazzjonali li għandha l-kompetenza li tissorvelja l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’kull Stat Membru;

(ċ)

jekk awtorità li għaliha ssir referenza f’(b) ma tkunx bank ċentrali, rappreżentant tal-bank ċentrali tal-Istat Membru, li ma jivvutax;

(d)

rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jivvutax;

(e)

rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew li ma jivvutax;

(f)

rappreżentant tal-BERS li ma jivvutax;

(g)

rappreżentant ta’ kull waħda miż-żewġ Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza l-oħra li ma jivvutax;

2.   Kull awtorità kompetenti ser tkun responsabbli sabiex tinnomina sostitut ta’ livell għoli mill-awtorità tagħha, li jista’ jieħu post il-membru tal-Bord ta’ Sorveljanti msemmi f’paragrafu 1(b), f’każ li din il-persuna ma tkunx tista’ tattendi.

   .

3.   Sabiex jaġixxi skont l-iskop tad-Direttiva 94/19/KE il-membru tal-Bord ta’ Sorveljanti msemmi fil-paragrafu 1(b) jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn rappreżentant mill-korpi relevanti li jamministra l-iskemi ta’ depożitu-garanzija f’kull Stat Membru, li ma jivvutax.

4.   Il-Bord ta’ Sorveljanti jista’ jiddeċiedi li jaċċetta l-osservaturi.

Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta’ Sorveljanti mingħajr id-dritt għall-vot.”

Spjegazzjoni

Għandu jkun żgurat illi r-rappreżentanti tal-BĊNi jibbenefikaw minn dritt ta’ parteċipazzjoni indipendenti fil-Bord ta’ Sorveljanti tal-ABE bħala membri li ma jivvutawx.

Emenda 10

Artikolu 29(4) tar-regolamenti proposti

Artikolu 29(4)

“4.   Ir-regoli tal-proċedura għandhom jistabbilixxu fid-dettal l-arranġamenti dwar il-votazzjoni, inkluż, fejn xieraq, ir-regoli dwar il-kworum. Il-membri li ma jivvutawx u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tal-President u d-Direttur Eżekuttiv, m’għandhom jattendu għal ebda laqgħa tal-Bord ta' Sorveljanti li tirrigwarda istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 61 jew fil-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).”

Artikolu 29(4)

“4.   Ir-regoli tal-proċedura għandhom jistabbilixxu fid-dettal l-arranġamenti dwar il-votazzjoni, inkluż, fejn xieraq, ir-regoli dwar il-kworum. Il-membri li ma jivvutawx u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tal-President, id-Direttur Eżekuttiv u r-rappreżentanti tal-banek ċentrali tal-Istati Membri f’każ ta’ involviment sostanzjali fil-qasam tas-sorveljanza bankarja, m’għandhom jattendu għal ebda laqgħa tal-Bord ta' Sorveljanti li tirrigwarda istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 61 jew fil-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).”

Spjegazzjoni

Din l-emenda għandha tippermetti li rappreżentanti tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li ma jivvutawx u li huma involuti sostanzjalment fil-qasam tas-sorveljanza bankarja jipparteċipaw f’diskussjonijiet kunfidenzjali li jirrigwardaw istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

Emenda 11

Premessa 31a tar-regolament propost tal-AETS (ġdid)

L-ebda test

Premessa 31a

(31a)

Infrastrutturi sikuri u effiċjenti għas-swieq tat-titoli wara li jsir in-negozju huma komponent kruċjali għas-sistema finanzjarja u kull ħsara fis-sistemi ta’ kklerjar u saldu ta’ titoli jista’ jkollu riperkussjonijiet sistemiċi serji fuq il-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament, kif ukoll fuq l-istabbiltà finanzjarja. Fid-dawl tad-dmirijiet ta’ sorveljanza tal-banek ċentrali li jikkonċernaw is-sistemi ta’ pagament, ikklerjar u saldu, kooperazzjoni effettiva hija meħtieġa bejn il-banek ċentrali fil-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom u l-Awtorità fi kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Spjegazzjoni

Il-BĊE huwa tal-fehma illi l-kooperazzjoni eżistenti bejn il-Kumitat dwar ir-Regolaturi tat-Titoli Ewropej u l-banek ċentrali għandha titkompla bejn l-AETS u l-banek ċentrali fi kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Emenda 12

Artikolu 1(2a) tar-regolament propost tal-AETS (ġdid)

L-ebda test

Artikolu 1

(2a)   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi relevanti tas-SEBĊ, l-Awtorità għandha tieħu l-azzjoni xierqa fil-kuntest tal-ikklerjar u s-saldu u l-funzjonament tas-swieq tad-derivati.

Spjegazzjoni

Kull kompitu mogħti lill-AETS taħt ir-regolament propost tal-AETS li jirrigwarda l-kwistjonijiet fuq imsemmija għandu jqis il-kompetenzi eżistenti tal-BĊE u tal-BĊNi tas-SEBĊ fil-qasam tal-ikklerjar u s-saldu.

Emenda 13

Artikolu 25(1) tar-regolamenti propost tal-AETS u tal-AEAPX

Artikolu 25

“1.   Il-Bord tas-Sorveljanti ser ikun kompost minn:

[…]

(d)

rappreżentant tal-BERS li ma jivvutax; […]”

Artikolu 25

“1.   Il-Bord tas-Sorveljanti ser ikun kompost minn:

[…]

(d)

rappreżentant tal-BĊE li ma jivvutax;’

(e)

rappreżentant tal-BERS li ma jivvutax; […]”

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet imfissrin fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din l-opinjoni, huwa rakkomandabbli li l-BĊE jiġi inkluż bħala rappreżentant li ma jivvutax fil-Bord tas-Sorveljanti tal-AETS u tal-AEAPX. Il-BĊE jinnota illi dan diġa huwa l-każ fir-regolamenti proposti tal-ABE u tal-AEAPX, kif miftiehem mill-Kunsill Ecofin fit-2 ta’ Diċembru 2009  (4).


(1)  Ir-regolamenti proposti ġew adottati fit-23 ta’ Settembru 2009, i.e. qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ċitazzjonijiet tat-Trattat fit-testi proposti mill-Kummissjoni iridu jiġu adattati.

(2)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar test.

(3)  2009/0140(COD) – 14491/1/09 REV1.

(4)  Ara 2009/09142(COD) – 16748/1/09 REV1 u 2009/0143(COD) – 16749/1/09.


Top