EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AB0045

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 8 ta' Ottubru 2008 dwar proposta għal żewġ Regolamenti tal-Kunsill dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (CON/2008/45)

OJ C 283, 7.11.2008, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta' Ottubru 2008

dwar proposta għal żewġ Regolamenti tal-Kunsill dwar midalji u towkins simili għal muniti euro

(CON/2008/45)

(2008/C 283/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta' Settembru 2008, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (minn issa 'l quddiem l-“ewwel regolament propost”) u dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2183/2004 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (minn issa 'l quddiem it-“tieni regolament propost”) (minn issa 'l quddiem imsemmija kollettivament bħala r-“regolamenti proposti”) (1).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-Artikolu 123(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' l-ewwel regolament propost, u skond l-Artikolu 105(4) tat-Trattat fir-rigward tat-tieni regolament propost, billi hija tittratta kwistjonijiet dwar il-valuta. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

Billi jiċċara l-elementi speċifiċi tad-disinji dwar muniti euro b'valuta legali li m'għandhomx ikunu riprodotti fuq midalji u towkins li huma simili għal muniti euro, u billi jistabbilixxi l-kriterji li l-Kummissjoni għandha tuża meta tipprepara opinjoni dwar il-konformita' mar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 (2), l-ewwel regolament propost isaħħaħ id-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 kontra l-konfużjoni u l-frodi fir-rigward ta' midalji u towkins li jistgħu jiġu żbaljati għal muniti euro. Itejjeb ukoll it-trasparenza fil-proċess tal-Kummissjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Billi l-muniti euro jistgħu jiċċirkolaw lil hinn mit-territorji ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro, li jkun hemm, fl-Istati Membri li jkunu għadhom m'adottax l-euro, ċertu livell ta' protezzjoni tal-muniti euro, huwa importanti fir-rigward ta' attivitajiet, bħall-iffalsifikar, li jistgħu jolqtu l-kredibbilta' tagħhom bħala valuta legali.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Xebh tad-disinn li jidher fuq il-wiċċ tal-midalji u t-towkins

Meta mqabbel ma' l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004, l-Artikolu l-ġdid 2(1)(c) ta' l-ewwel regolament propost jiddeskrivi f'aktar dettal id-disinji jew il-partijiet li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro li ma jistgħux ikunu riprodotti fuq midalji u towkins. Biex ittejjeb il-karattru protettiv ta' din id-dispożizzjoni, il-BĊE jirrikkmanda li tiddaħħal referenza ċara għas-simbolu euro u għat-termini “euro” u “ċenteżmu ta' l-euro” fl-Artikolu l-ġdid 2(1)(c)(i). Il-BĊE jirrikonoxxi li kif inhu abbozzat bħalissa, l-Artikolu 2(1)(c)(i) ma jeskludix dawn it-termini jew is-simbolu euro; madankollu, li wieħed isemmihom b'mod ċar ikun qed jikkontribwixxi biex jiċċara l-proposta tal-Kummissjoni u biex isaħħaħ id-dispożizzjonijiet protettivi. Tabilħaqq, il-pubbliku ġenerali jista' jitħawwad mhux biss b'riproduzzjoni tat-termini “euro”, “ċenteżmu ta' l-euro” jew is-simbolu ta' l-euro fuq il-midalji jew towkins, li huwa pprojbit skond l-Artikolu l-ġdid 2(1)(a), imma wkoll b'kull disinn li juża elementi li huma simili għal dawk it-termini u għal dak is-simbolu.

2.2.   Trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Skond il-memorandum spjegattiv għall-ewwel regolament propost, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma' l-esperti tal-muniti ffalsifikati msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u li tipprovdi għall-koordinament ta' azzjonijiet tekniċi biex jiġu protetti l-muniti euro kontra l-iffalsifikar (3), meta wieħed iqis il-konformita' mar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 u tqis li din il-konsultazzjoni għandha tkompli. Madankollu, l-ewwel regolament propost jirreferi biss għal “konsultazzjoni ma' l-Istati Membri” fit-tielet recital. B'riżultat, il-BĊE jirrikkmanda li tiddaħħal referenza ċara għall-esperti tal-muniti ffalsifikati fl-Artikolu l-ġdid 2(2), b'mod partikolari billi waħda mill-għanijiet prinċipali ta' l-ewwel regolament propost huwa li jagħmel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti.

2.3.   Derogi b'awtorizzazzjoni

L-Artikolu l-ġdid 4 dwar derogi b'awtorizzazzjoni ma jipprovdi għall-ebda proċedura li biha operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu deroga bħal din mid-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fl-Artikolu 2. Il-BĊE jikkunsidra li f'dan ir-rigward għandha tiżdied għażla xierqa ta' kliem.

Bl-istess mod, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun saħansitra aktar trasparenti jekk l-ewwel regolament propost inkluda l-kundizzjonijiet liema skond il-Kummissjoni tista' tawtorizza deroga. B'mod aktar speċifiku, l-Artikolu l-ġdid 4 huwa vag fir-rigward tal-'kundizzjonijiet ikkontrollati ta' utilizzazzjoni' liema skond midalji u towkins jistgħu jingħataw it-termini “euro” jew “ċenteżmu ta' l-euro” jew is-simbolu ta' l-euro u meta “ma jkun jeżisti l-ebda riskju ta' konfużjoni”. Sabiex itejjeb it-trasparenza u jtejjeb iċ-ċertezza legali, l-Artikolu 4 l-ġdid jibbenefika li kieku jkollu għażla ta' kliem aktar komprensiva u/jew għażla ta' kliem aktar illustrattiva dwar il-kriterji ġenerali li għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni meta tawtorizza deroga.

2.4.   Applikazzjoni ta' l-ewwel regolament propost għal Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan

Hemm diġa' fis-seħħ ftehim monetarji (i) bejn Franza, f'isem il-Komunita' Ewropea, u Monaco; u (ii) bejn l-Italja, f'isem il-Komunita' Ewropea, u San Marino u l-Belt tal-Vatikan. Skond dawn il-ftehim, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan huma intitolati joħorġu muniti euro li għandhom l-istatus ta' valuta legali u karatteristiċi artistiċi speċifiċi fuq in-naħa nazzjonali tagħhom. Minħabba li l-karatteristiċi viżwali ta' dawn il-muniti euro huma differenti mill-karatteristiċi viżwali tal-muniti euro maħruġa minn kull Stat Membru li adotta l-euro, il-muniti euro maħruġa minn Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan għandhom jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fl-ewwel regolament propost. Konsegwentament, il-ftehim monetarji rispettivi u/jew id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati skond dawn il-ftehim monteraji, għandhom jiġu emendati sabiex il-kontenut ta' l-ewwel regolament propost, ladarba adottat, japplika wkoll għal Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan.

2.5.   Konsultazzjoni tal-BĊE dwar it-tieni regolament propost

Bil-kuntrarju ta' l-ewwel regolament propost, il-preambolu għat-tieni regolament propost ma jirreferix għall-opinjoni ġdida tal-BĊE. Minħabba l-fatt li ż-żewġ regolamenti proposti jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE, il-preambolu għat-tieni regolament propost għandu jiġi emendat biex jirreferi għall-opinjoni tal-BĊE.

3.   Proposti t'abbozzar

Meta l-parir t'hawn fuq iwassal għal tibdiliet fir-regolamenti proposti, qed jiġu stabbiliti proposti ta' abbozzar fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-8 ta' Ottubru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2008) 514 finali, VOL I u VOL II.

(2)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


ANNESS

Proposti t'abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE  (1)

Emenda 1

L-Artikolu 2(1)(ċ)(i) imsemmi fl-Artikolu 1 ta' l-ewwel regolament propost

(i)

“kull disinn, jew partijiet, li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro, inklużi b'mod partikolari t-tnax il-stilla ta' l-Unjoni Ewropea, l-immaġni tar-rappreżentazzjoni ġeografika u n-numerali, bil-mod muri fuq il-muniti euro, jew”

(i)

“kull disinn, jew partijiet, li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro, inklużi b'mod partikolari t-termini ‘euro’, ‘ċenteżmu ta' l-euro’, is-simbolu euro, it-tnax il-stilla ta' l-Unjoni Ewropea, l-immaġni tar-rappreżentazzjoni ġeografika u n-numerali, bil-mod muri fuq il-muniti euro, jew”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.1 ta' l-opinjoni

Emenda 2

L-Artikolu 2(2) imsemmi fl-Artikolu 1 ta' l-ewwel regolament propost

“2.   Il-Kummissjoni għandha tkun kompetenti biex tagħti opinjoni sabiex:”

“2.   Il-Kummissjoni, wara li kkonsultat lill-esperti tal-muniti ffalsifikati msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u li tipprovdi għall-koordinament ta' azzjonijiet tekniċi biex jiġu protetti l-muniti ta' l-euro kontra l-iffalsifikar  (2), għandha tkun kompetenti biex tagħti opinjoni sabiex:”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.2 ta' l-opinjoni

Emenda 3

Preambolu għat-tieni regolament propost

“Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

“Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:”

Billi:”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.5 ta' l-opinjoni


(1)  It-tipa skura fil-qalba tat-test tindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid.

(2)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


Top