EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AB0012

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta' Marzu 2008 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fir-rigward tal-kummerċ estern ma' pajjiżi mhux membri u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (CON/2008/12)

OJ C 70, 15.3.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 70/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Marzu 2008

fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fir-rigward tal-kummerċ estern ma' pajjiżi mhux membri u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

(CON/2008/12)

(2008/C 70/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-7 ta' Frar 2008, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mil-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fir-rigward tal-kummerċ estern ma' pajjiżi mhux membri u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (1) (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

1.

Il-BĊE jilqa' r-Regolament propost, li għandu jtejjeb il-kwalità, il-komparabilità u l-puntwalità ta' l-istatistika tal-kummerċ Ewropew u joħloq rabta aħjar bejniethom u l-istatistika tan-negozju. Fl-Istati Membri, l-istatistika tal-kummerċ estern hija wżata wkoll bħala sors biex tiġi kkumpilata l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali, kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-bilanċ tal-pagamenti taż-żona ta' l-euro u l-kontijiet taż-żona ta' l-euro li għalihom il-BĊE huwa responsabbli.

2.

Il-BĊE jinnota li skond ir-Regolament propost, l-Istati Membri se jkollhom biss jikkumpilaw u jittrasmettu data, jekk din tkun disponibbli, dwar li ġej, lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f'dikjarazzjoni tad-dwana irreġistrata ma' l-awtoritajiet tad-Dwana tagħhom: (i) l-Istat Membru tad-destinazzjoni finali, għall-importazzjonijiet; (ii) l-Istat Membru ta' l-esportazzjoni attwali, għall-esportazzjonijiet; u (iii) in-natura tat-tranżazzjoni (2). Bl-istess mod, Stat Membru jkun obbligat biss biex jittrasmetti reġistri dwar l-esportazzjonijiet jew l-importazzjonijiet lil Stat Membru ieħor ladarba l-awtoritajiet tad-Dwana fiż-żewġ Stati Membri jkunu stabbilixxew mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data relevanti permezz ta' mezzi elettroniċi (3). Il-BĊE jinnota li d-data hawn fuq imsemmija hija importanti biex tiżġura l-kwalità għolja ta' l-istatistika taż-żona ta' l-euro imsemmija fil-paragrafu 1, u jirrikkmanda li għandhom jittieħdu passi mingħajr dewmien biex jiġu implimentati t-tibdiliet xierqa fil-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità (4) u fil-mekkaniżmu għall-iskambju tad-data fost l-awtoritajiet tad-Dwana ġewwa l-UE, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' deterjorazzjoni fil-kwalità tad-data.

3.

Kif imfisser f'opinjoni ta' qabel (5), il-BĊE jaqsam l-interess li wera l-Parlament Ewropew fl-osservazzjoni tar-rwol internazzjonali ta' l-euro. F'dan il-kuntest, il-BĊE jilqa' b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tar-Regolament propost, li jeħtieġ li jkun hemm kumpilazzjoni ta' l-istatistika dwar il-kummerċ ikkategorizzata skond il-fatturat tal-valutazzjoni ta' l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta' oġġetti lil u minn pajjiżi barra l-UE. Il-BĊE jissorvelja l-użu ta' l-euro barra ż-żona ta' l-euro u jippubblika stħarriġ annwali dwar ir-rwol internazzjonali ta' l-euro, inkluża sezzjoni speċifika dwar l-użu ta' l-euro fil-kummerċ internazzjonali. Ir-rwol internazzjonali ta' l-euro għandu dimensjoni reġjunali qawwija u dan jispikka l-aktar fl-UE. Id-data dwar il-kategorizzazzjoni tal-valuta tal-kummerċ estern hija wkoll sors prinċipali wżata fil-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-BĊE, li huma wżati biex janalizzaw l-istabbilta' fil-prezzijiet, billi jipprovdu informazzjoni dwar kemm tibdiliet fir-rati tar-kambju jinfluwenzaw iċ-ċaqliq fil-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet u oġġetti manifatturati domestikament.

4.

Il-BĊE jilqa' it-tnaqqis previst fil-piż tar-rappurtar statistiku fuq aġenti ekonomiċi u l-użu mtejjeb ta' data amministrattiva li għandhom jintlaħqu bir-Regolament propost.

5.

Il-BĊE jifhem li r-Regolament propost jista' jimplika emendi għar-rappurtar Intrastat, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-istatistika tal-Komunità dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (6), u jirrikkmanda li dawn l-emendi jitqiesu mingħajr dewmien.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 3 ta' Marzu 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2007) 653 finali.

(2)  Ara l-Artikolu 6(5) tar-Regolament propost.

(3)  Ara l-Artikolu 7(3) tar-Regolament propost.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(5)  Opinjoni tal-BĊE CON/2003/26 ta' l-1 ta' Diċembru 2003 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali f'servizzi u l-investiment barrani dirett (COM(2003) 507 final) (ĠU C 296, 6.12.2003, p. 5).

(6)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.


Top