EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020O0515

Linja gwida (UE) 2020/515 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ April 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21)

OJ L 110I, 8.4.2020, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2020/515/oj

8.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 110/26


LINJA GWIDA (UE) 2020/515 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ April 2020

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu, sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, iwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1).

(2)

Il-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19) ġiet ikkaratterizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala pandemija u hija l-kawża ta’ emerġenza kollettiva għas-saħħa pubblika mingħajr preċedent fl-istorja riċenti. Hija pproduċiet xokk ekonomiku estrem li jeħtieġ reazzjoni ambizzjuża, ikkoordinata u urġenti minn kull aspett ta’ politika biex jiġu appoġġjati n-negozji u l-ħaddiema f’riskju. Bħala konsegwenza tal-pandemija, l-attività ekonomika fiż-żona tal-euro qiegħda tonqos u inevitabbilment ser tbati minn reċessjoni konsiderevoli, speċjalment minħabba li aktar pajjiżi qed jiffaċċjaw il-ħtieġa li jintensifikaw il-miżuri ta’ trażżin. Dawn il-miżuri jpoġġu piż kbir fuq il-flussi tal-flus tan-negozji u tal-ħaddiema u jpoġġu s-sopravivenza tan-negozji u tal-impjiegi f’riskju. Huwa ċar ukoll li din is-sitwazzjoni tfixkel it-trażmissjoni tal-impulsi tal-politika monetarja u żżid riskji ta’ tnaqqis qawwi fil-prospetti ta’ inflazzjoni rilevanti.

(3)

Fis-7 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv adotta sett ta’ deċiżjonijiet bħala reazzjoni għall-pandemija tal-coronavirus, li tista’ tippreġudika l-objettiv ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu ta’ trasmissjoni għall-politika monetarja. Dawn jinkludu miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral biex jiffaċilitaw lill-kontropartijiet tal-Eurosistema fiż-żamma u l-mobilizzazzjoni ta’ kollateral suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-Eurosistema li jipprovdu likwidità. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni f’dawn l-operazzjonijiet se tkun ibbażata fuq kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollaterali u miżuri ta’ kontroll tar-riskju emendati. Dawn il-miżuri huma proporzjonati biex jilqgħu kontra r-riskji serji għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospett ekonomiku fiż-żona tal-euro maħluqa mit-tifrix u t-tixrid li qed jiżdied tal-COVID-19.

(4)

Bl-għan li jittaffa l-impatt negattiv fuq id-disponibbiltà ta’ kollateral tat-tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni potenzjali u serju li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kunsill Governattiv iqis li l-Eurosistema tista’ żżid temporanjament it-tolleranza tagħha tar-riskji sabiex tappoġġa l-aċċess tal-kontropartijiet għal-likwidità u, b’hekk, tappoġġa wkoll l-għoti ta’ kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, inkluż billi tnaqqas il-haircuts fil-valutazzjoni applikati għal ċerti assi kollaterali.

(5)

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll: (a) il-ħtieġa li jittaffew il-pressjonijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 li affettwaw serjament is-swieq finanzjarji Griegi; (b) l-impenji meħuda mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tas-sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; (c) il-fatt li miżuri ta’ ħelsien mid-dejn fuq perjodu ta’ żmien medju għar-Repubblika Ellenika mogħtija permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiddependu fuq l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dawn l-impenji; (d) l-informazzjoni disponibbli lill-BĊE rigward is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-involviment tal-BĊE fil-qafas ta’ sorveljanza msaħħa; u (e) il-fatt li r-Repubblika Ellenika kienet reġgħet kisbet aċċess għas-suq. Il-Kunsill Governattiv ivvaluta wkoll il-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni tal-kollateral aċċettat għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bl-għan li jitjieb il-funzjonament bla xkiel tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet, il-Kunsill Governattiv iqis li l-BĊNi għandhom jitħallew jaċċettaw bħala kollaterali eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema iżda jissodisfaw kull kriterju ieħor ta’ eliġibbiltà applikabbli għal assi negozjabbli, soġġetti għal skeda ta’ haircut speċifika.

(6)

Il-miżuri addizzjonali stabbiliti fl-emendi introdotti taħt din il-Linja Gwida għandhom japplikaw b’mod temporanju u l-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi estiża kwalunkwe waħda minn dawn il-miżuri temporanji qabel tmiem is-sena biex jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq. B’dan il-mod, il-Kunsill Governattiv ser iqis ukoll il-ħtiġijiet tal-kontropartijiet tal-Eurosistema li huma, jew li ser ikunu, parteċipanti f’operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal imwettqa skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (3) biex tinżamm id-disponibbiltà tal-kollateral għat-tul kollu ta’ dawn l-operazzjonijiet.

(7)

Sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront għas-sitwazzjoni pandemika attwali, din il-Linja Gwida għandha tiġi nnotifikata lill-BĊNi kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni.

(8)

Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2014/31 (4) għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi għal-Linja Gwida BĊE/2014/31

Il-Linja Gwida BĊE/2014/31 hija emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 8a li ġej huwa mdaħħal:

Artikolu 8a

Aċċettazzjoni ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika

1.   Il-BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għal assi negozjabbli stabbiliti fl-Artikoli 59 u 71 u l-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), sakemm dawn l-istrumenti jikkonformaw mal-kriterji l-oħra kollha ta’ eliġibbiltà applikabbli għal assi negozjabbli u stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

2.   It-titoli msemmija fil-paragrafu 1 li huma aċċettati mill-BĊNi bħala kollateral għandhom ikunu soġġetti għall-haircuts fil-valutazzjoni stipulati fl-Anness IIb għal din il-Linja Gwida.”;

2.

L-Anness IIa huwa ssostitwit b’li ġej:

“ANNESS IIa

Livelli ta’ valutazzjoni fil-haircut (f’%) applikati lil titoli ggarantiti b’assi (ABS) eliġibbli taħt l-Artikolu 3(2) ta’ din il-Linja Gwida

Ħajja Medja Ppeżata (WAL) (*1)

Haircut fil-valutazzjoni

[0,1)

4,8

[1,3)

7,2

[3,5)

10,4

[5,7)

12,0

[7,10)

14,4

[10, ∞)

24,0

”;

3.

L-Anness IIb li ġej huwa mdaħħal:

“ANNESS IIb

Livelli ta’ haircuts fil-valutazzjoni (f’%) applikati għal assi negozjabbli eliġibbli fil-kategorija ta’ haircut I għall-passi tal-kwalità tal-kreditu 4 u 5

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin) (*2)

Kategorija I

kupun fiss

kupun żero

kupun varjabbli

Pass 4

[0,1)

6,4

6,4

6,4

[1,3)

9,6

10,4

9,6

[3,5)

11,2

12

11,2

[5,7)

12,4

13,6

12,4

[7,10)

13,2

14,4

13,2

[10, ∞)

14,4

16,8

14,4

Pass 5

[0,1)

8

8

8

[1,3)

11,2

12

11,2

[3,5)

13,2

14

13,2

[5,7)

14,4

15,6

14,4

[7,10)

15,2

16,4

15,2

[10, ∞)

16,4

18,8

16,4

”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-20 ta’ April 2020, u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-14 ta’ April 2020.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).

(4)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).

(*1)  jiġifieri [0-1) maturità residwa/WAL ta’ inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta’ sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.

(*2)  jiġifieri [0-1) maturità residwa ta’ inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta’ sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.


Top