EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020O0497

Linja Gwida (UE) 2020/497 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ ċerta data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-Registru ta’ Data dwar Istituzzjonijiet u Affiljati (BĊE/2020/16)

OJ L 106, 6.4.2020, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2020/497/oj

6.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/3


LINJA GWIDA (UE) 2020/497 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Marzu 2020

dwar ir-reġistrazzjoni ta’ ċerta data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-Registru ta’ Data dwar Istituzzjonijiet u Affiljati (BĊE/2020/16)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iżomm ir-Reġistru ta’ Data dwar Istituzzjonijiet u Affiljati (RIAD). RIAD huwa s-sett ta’ data kondiviż ta’ data ta’ referenza dwar unitajiet istituzzjonali legali u statistiċi oħrajn, li l-ġbir tagħha tappoġġa l-proċessi ta’ negozju madwar l-Eurosistema u t-twettiq tal-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-kompiti speċifiċi relatati mas-superviżjoni prudenzjali mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, imwettqa fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li huwa kompost mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) (“kompiti superviżorji”). RIAD jiffaċilita l-integrazzjoni ta' varjetà ta' settijiet ta’ data, b'mod partikolari billi jipprovdi identifikaturi komuni.

(2)

RIAD fih firxa wiesgħa ta’ attributi fuq entitajiet individwali u relazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet li tippermetti d-derivazzjoni ta' strutturi tal-grupp. Dawn l-istrutturi jistgħu jkunu komposti b’mod differenti għall-finijiet ta’ kontabbiltà u konsolidazzjoni prudenzjali. Din l-informazzjoni tintuża biex tappoġġa għadd ta’ proċessi u oqsma tan-negozju, eż., il-ġestjoni tar-riskju u l-kollateral, l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni mikroprudenzjali.

(3)

Il-Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/16) (2) tistabbilixxi l-obbligi tal-BĊNi fir-rigward tar-rapportar ta’ data ta’ referenza lil, u l-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tad-data ta’ RIAD, għall-finijiet tal-kompiti tas-SEBĊ, u tistabbilixxi l-qafas ta’ governanza. L-għan ta’ din il-Linja Gwida huwa li tikkumplimentaha, billi tistabbilixxi r-responsabbiltajiet ta’ kull ANK biex tirreġistra, taġġorna u tivvalida d-data ta’ referenza rrapportata lill-BĊE għall-finijiet ta’ kompiti superviżorji, b’mod konformi mad-dmir ta’ kooperazzjoni in bona fede u l-obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u speċifikat ulterjorment fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3). Għal aktar effiċjenza u sabiex jiġi mminimizzat il-piż tar-rapportar, il-ġbir ta’ data fi ħdan l-MSU taħt dawn id-dispożizzjonijiet isegwi dak li huwa magħruf bħala “approċċ sekwenzjali”, jiġifieri kemm l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti kif ukoll dawk inqas sinifikanti jissottomettu d-data tagħhom lill-ANK, li mbagħad jirrapportaw lill-BĊE.

(4)

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16), kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) għandu jistabbilixxi ċentru lokali ta’ RIAD, li jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt għal kwistjonijiet ta’ data ta’ referenza relatati ma’ RIAD fl-Istat Membru u jikkoordina attività, inter alia, mal-ANK fil-livell nazzjonali biex jiġu żgurati l-preċiżjoni, il-puntwalità u l-konsistenza tad-data ta’ referenza u biex jiġi żgurat l-użu konsistenti tal-identifikaturi għall-entitajiet. Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2018/36 (4) tistieden lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munità tagħhom mhijiex l-euro biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16) indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munità tagħhom hija l-euro. Għalhekk, din il-Linja Gwida tistabbilixxi r-responsabbiltajiet ta’ kull ANK biex tikkomunika mal-BĊN fl-Istati Membru parteċipanti tagħha.

(5)

Id-data ta’ referenza rreġistrata f’RIAD tibqa’ soġġetta għad-dispożizzjonijiet legali speċifiċi relatati mal-kunfidenzjalità li japplikaw għaliha u għall-ġbir tagħha mill-entitajiet min-naħa tal-ANK. L-użu min-naħa tal-BĊE tal-informazzjoni kunfidenzjali miġbura għall-finijiet tal-kompiti tas-SEBĊ u kompiti superviżorji huwa soġġett għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-separazzjoni skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u d-Deċiżjoni BĊE/2014/39 (5).

(6)

Data ta’ referenza preċiża, f'waqtha u komprensiva dwar entitajiet u r-relazzjonijiet bejniethom hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti superviżorji. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu kkonsolidati r-rekwiżiti relatati mal-ġbir ta’ data, il-ġestjoni tal-kwalità u t-tixrid skont din il-Linja Gwida, indirizzata lill-ANK, fir-rigward tal-kompiti superviżorji, biex jiġu kkumplimentati dawk diġà kkonsolidati fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16) fir-rigward tal-kompiti tas-SEBĊ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Suġġett u skop

1.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi l-obbligi tal-ANK fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tad-data ta’ referenza f’RIAD għall-finijiet ta’ kompiti ta' superviżorji.

2.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tal-ANK li jikkomunikaw mal-BĊNi tal-Istati Membri parteċipanti tagħhom għar-reġistrazzjoni tad-data ta’ referenza u l-entitajiet f’RIAD.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

impriża inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konsolidazzjoni prudenzjali skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti 1 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew impriża li kienet tiġi inkluża f’dak il-kamp ta' applikazzjoni li kieku ma ngħatatx rinunzja f’konformità ma’ dak ir-Regolament;

(b)

impriża eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni prudenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

fergħa kif iddefinita fil-punt 17 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li hija stabbilita fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti ieħor;

(d)

fergħa kif iddefinita fil-punt 17 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li hija stabbilita fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti;

(2)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(3)

“Stat Membru mhux parteċipanti” tfisser kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex Stat Membru parteċipanti;

(4)

“awtorità nazzjonali kompetenti” jew “ANK” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(5)

data ta’ referenza” tfisser is-sett ta’ attributi ta’ entità individwali u r-relazzjonijiet tagħha ma’ entitajiet oħrajn, kif imniżżel fl-Annessi I u II, jew kull attribut/i jew relazzjoni/jiet f’dak is-sett;

(6)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(7)

“grupp” tfisser grupp kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(8)

“residenti” tfisser residenti kif iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (7);

(9)

“regola ta’ kompożizzjoni” tfisser regola ta’ kompożizzjoni kif iddefinita fil-punt 17 tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16);

(10)

“ċentru tar-RIAD” tfisser ċentru tar-RIAD kif iddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16);

(11)

“jum tax-xogħol” tfisser jum tax-xogħol kif iddefinit fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16);

(12)

“kontroll” tfisser kontroll kif iddefinit fil-punt 37 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(13)

“Identifikatur ta' Entità Ġuridika ” jew “LEI” tfisser kodiċi ta' referenza alfanumeriku skont l-istandard ISO 17442 (8).

Artikolu 3

Reġistrazzjoni ta’ data ta' referenza f’RIAD

1.   Kull ANK għandha tirreġistra f’RIAD id-data ta’ referenza speċifikata fl-Anness I għall-entitajiet li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti tagħha sakemm dik id-data ta’ referenza ma tkunx diġà ġiet irreġistrata f’RIAD skont il-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16).

2.   Kull ANK għandha tirreġistra f’RIAD id-data ta’ referenza speċifikata fl-Anness II għall-entitajiet li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu u li huma stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti tagħha sakemm dik id-data ta’ referenza ma tkunx diġà ġiet irreġistrata f’RIAD skont il-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16).

3.   ANK li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun stabbilita entità li hija istituzzjoni ta’ kreditu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti għandha tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tirreġistra b’mod preċiż f’RIAD id-data ta’ referenza għall-entitajiet stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew f’pajjiżi terzi u li huma parti mill-istess grupp bħal dik l-istituzzjoni ta’ kreditu sakemm id-data ta’ referenza rilevanti ma tkunx diġà ġiet irreġistrata f’RIAD skont il-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16). Għal dan il-għan, l-ANK għandhom jieħdu kull miżura possibbli biex jirreġistraw f’RIAD id-data ta’ referenza speċifikata fl-Anness I għall-entitajiet li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-data ta’ referenza speċifikata fl-Anness II għall-entitajiet li mhumiex istituzzjonijiet ta' kreditu.

4.   RIAD tippermetti l-ipproċessar ta’ data ta' referenza dwar l-entitajiet ipprovduta minn sors wieħed jew aktar. Jekk hemm żewġ sorsi kontradittorji jew aktar, ir-regola ta’ kompożizzjoni għandha tikklassifika s-sorsi ta’ data relevanti skont l-Artikolu 4(5) tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16).

5.   F’każ ta’ informazzjoni konfliġġenti dwar relazzjonijiet bejn entitajiet fi strutturi ta’ gruppi transkonfinali, l-ANK għandhom jikkomunikaw mal-ANK li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun stabbilita istituzzjoni ta’ kreditu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti.

6.   L-ANK ma għandhomx jinżammu responsabbli għall-użu ħażin tad-data ta’ referenza rreġistrata minnhom f’RIAD minn kwalunkwe ANK oħra, minn kwalunkwe BĊN, jew mill-BĊE.

7.   Bil-għan li tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din il-Linja Gwida, kull ANK għand ha tagħmel sforzi raġonevoli biex tikkoopera b'mod attiv maċ-ċentru lokali tar-RIAD stabbilit fil-BĊN fl-Istat Membru parteċipanti tagħha.

Artikolu 4

Politika ta’ manutenzjoni u reviżjoni

1.   L-ANK għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li d-data ta’ referenza kollha rreġistrata f’RIAD skont din il-Linja Gwida tinżamm aġġornata fuq bażi kontinwa.

2.   L-ANK għandhom jiżguraw li d-data ta’ referenza rreġistrata f’RIAD skont l-Artikolu 3(1) u (2) hija sħiħa, preċiża u aġġornata sa mhux aktar tard minn jum tax-xogħol qabel id-dati ta’ rimessa speċifikati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (9).

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ entitajiet ġodda

Biex tissodisfa l-obbligi tagħha taħt din il-Linja Gwida, kull ANK għandha tikkomunika mal-BĊN fl-Istat Membru parteċipanti tagħha jekk ikun hemm bżonn li tiġi rreġistrata entità ġdida f’RIAD.

Artikolu 6

Standards ta’ trażmissjoni

1.   Il-proċess għar-reġistrazzjoni tad-data ta’ referenza huwa deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet tal-iskambju tad-data, li l-ANK għandhom aċċess għalihom. Kull ANK għandha tirreġistra l-informazzjoni jew permezz tal-faċilità standard tas-SEBĊ, permezz ta’ aġġornamenti online, jew, skont l-arranġamenti nazzjonali, permezz tal-mezz ta’ tranżmissjoni li diġà jintuża mill-BĊN fl-Istat Membru parteċipanti tagħha. F’kull każ, l-ANK għandhom jirreġistraw id-data ta’ referenza meħtieġa għall-entitajiet residenti skont din il-Linja Gwida permezz tas-sors iddedikat “SUP” f’RIAD.

2.   Qabel ir-reġistrazzjoni tad-data ta’ referenza f’RIAD, l-ANK għandhom iwettqu kontrolli ta’ validazzjoni biex jiżguraw li d-data ta’ referenza rilevanti tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-iskambju tad-data. L-ANK għandhom iżommu sett adegwat ta’ kontrolli biex jimminimizzaw l-iżbalji operattivi u jiżguraw l-preċiżjoni u l-konsistenza tad-data ta’ referenza rreġistrata f’RIAD.

3.   Meta l-ANK ma jkunux jistgħu jaċċessaw RIAD minħabba ħsara teknika, huma għandhom jużaw il-faċilità ta’ kontinġenza prevista għal dik l-eventwalità jew jittrażmettu d-data ta’ referenza bil-posta elettronika kriptata fl-indirizz li ġej: RIAD-Support@ecb.europa.eu.

4.   Meta jirreġistraw id-data ta’ referenza, l-ANK jistgħu jużaw is-sett ta’ karattri nazzjonali tagħhom, sakemm jużaw l-alfabett Ruman. Dawn għandhom jużaw Unicode (UTF-8) biex juru b’mod korrett is-settijiet kollha ta’ karattri speċjali meta jirċievu informazzjoni mill-BĊE permezz ta’ RIAD.

5.   ANK tista’ tagħmel arranġamenti tekniċi mal-BĊN fl-Istat Membru parteċipanti tagħha għar-reġistrazzjoni tad-data ta’ referenza tar-RIAD skont din il-Linja Gwida. Madankollu, anke f’dan il-każ, l-ANK għandha tibqa’ responsabbli għall-preċiżjoni u l-kwalità tad-data ta' referenza.

Artikolu 7

Konfermi ta’ akkwist u żball

1.   Meta l-ANK jirreġistraw data ta’ referenza f’RIAD, isiru kontrolli awtomatiċi biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta abbażi tal-istandards miftiehma u r-regoli ta’ validazzjoni.

2.   Ladarba l-ANK ikunu rreġistraw id-data ta’ referenza, il-BĊE għandu jipprovdi fluss lura awtomatizzat li jinkludi:

(a)

konferma ta’ akkwist li jkun fiha informazzjoni sommarja dwar l-aġġornamenti li ġew ipproċessati u implimentati b'suċċess fis-sett ta’ data rilevanti; jew

(b)

konferma ta’ żball li fiha informazzjoni ddettaljata dwar l-aġġornamenti u l-kontrolli ta’ validazzjoni li fallew. Mar-riċevuta ta’ konferma ta’ żball, l-ANK għandha tieħu azzjoni fil-pront biex tikkoreġi d-data u tirreġistraha f’RIAD.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità tad-data ta’ referenza

1.   Id-data ta’ referenza rreġistrata f’RIAD hija soġġetta għal dispożizzjonijiet legali speċifiċi relatati mal-kunfidenzjalità li japplikaw għalihom u għall-ġbir tagħhom mill-entitajiet min-naħa tal-ANK. Id-data ta’ referenza identifikata bħala kunfidenzjali taħt dawk id-dispożizzjonijiet legali ma għandhiex tiġi ppubblikata. Informazzjoni minn sorsi li huma disponibbli għall-pubbliku skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex titqies bħala kunfidenzjali.

2.   L-ANK għandhom jiddikjaraw l-istatus ta’ kunfidenzjalità tad-data ta’ referenza skont l-Artikolu 10 tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16).

3.   Id-data ta’ referenza li ġejja għandha dejjem tkun kunfidenzjali, jiġifieri jkollha l-valur “C”:

(a)

rekwiżiti ta’ rapportar tal-MSU;

(b)

kodiċi ta’ sottogrupp ta' likwidità; u

(c)

kap tas-sottogrupp ta' likwidità.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-ANK.

2.   L-ANK għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-31 ta’ Marzu 2020.

Artikolu 10

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-ANK.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Marzu 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Il-Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2018 dwar id-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (BĊE/2018/16) (ĠU L 154, 18.6.2018, p. 3).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(4)  Rakkomandazzjoni BĊE/2018/36 tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar id-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (ĠU C 21, 17.1.2019, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/39 tas-17 ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).

(8)  Disponibbli fuq is-sit web tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (ISO, International Organisation for Standardisation) fuq www.iso.org.

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).


ANNESS I

DATA TA’ REFERENZA LI GĦANDHA TIĠI RREĠISTRATA GĦALL-ENTITAJIET LI HUMA ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU

Attribut jew relazzjoni

Deskrizzjoni

Kodiċi RIAD (RIAD code)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data ta' twelid (Birth date)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data tal-għeluq (Closure date)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

LEI

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Identifikatur nazzjonali (kif ikun disponibbli) (National identifier (as available))

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

SUBA ID

Identifikatur ta’ entità mhux pubblika użat għar-rapportar ta’ entitajiet mingħajr LEI

Kodiċi ta’ sottogrupp ta’ likwidità (Liquidity sub-group code)

Kodiċi tas-sottogrupp ta’ likwidità li l-entità tagħmel parti minnu (jekk applikabbli)

Isem (Name)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Pajjiż ta’ residenza (Country of Residence)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Indirizz (Address)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Belt (City)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kodiċi Postali (Postal Code)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Forma legali (Legal Form)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Settur istituzzjonali (Institutional sector)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Dettalji tas-settur istituzzjonali (Institutional sector details)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kontroll tas-settur istituzzjonali (Institutional sector control)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Marka Elenkata (Flag Listed)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Munita ta’ rapportar (Reporting currency)

Il-munita li biha l-entità tirrapporta lill-ANK

Qafas tal-Kontabbiltà għar-Rapportar Individwali (Accounting framework for Solo Reporting)

Qafas tal-kontabbiltà użat mill-entità meta tirrapporta fuq bażi individwali

Qafas tal-Kontabbiltà għal Rapportar Ikkonsolidat (Accounting framework for Consolidated Reporting)

Qafas tal-kontabbiltà użat mill-entità meta tirrapporta fuq bażi kkonsolidata

Tmiem ta’ sena kontabilistika (Accounting year end)

Ix-xahar u l-jum li fi tmiem tiegħu l-entità tagħlaq il-kontijiet annwali tagħha.

Azzjoni korporattiva (Corporate action)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data tal-azzjoni korporattiva (Date of corporate action)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Rekwiżiti ta’ rapportar tal-MSU (SSM reporting requirements)

Obbligi ta’ rapportar tal-MSU li entità hija soġġetta għalihom (huma possibbli valuri multipli għal entità waħda)

Kap tas-sottogrupp ta' likwidità (Head of the liquidity sub-group)

Marka li tidentifika l-entità li tirrappreżenta l-kap tal-sottogrupp ta’ likwidità

Tip ta’ entità tal-MSU (SSM entity type)

Tip ta’ entità għal finijiet ta’ superviżjoni

Pajjiż ta’ superviżjoni tal-MSU (SSM country of supervision)

Pajjiż fejn l-entità tinsab taħt superiżjoni

Rapportar tal-EBA tal-MSU (SSM EBA reporting)

Istituzzjonijiet li għandhom jiġu rrapportati lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) taħt l-approċċ sekwenzjali skont id-Deċiżjoni tal-EBA EBA/DC/2015/130

Lista tal-EBA għall-valutazzjoni komparattiva tal-portafoll (EBA list for benchmarking portfolio)

Dan l-attribut jindika l-istituzzjonijiet inklużi fil-lista tal-EBA għall-valutazzjoni komparattiva tal-portafoll, skont id-Deċiżjoni tal-EBA EBA/DC/2016/156

Rabta mal-entità omm kontrollanti diretta (Link to direct controlling parent)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Rabta mal-entità omm kontrollanti apikali (Link to ultimate controlling parent)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Rabta mal-antenata diretta taħt superviżjoni (Link to direct supervised ancestor)

Entità omm li hija entità taħt superviżjoni u li hija s-sid/tikkontrolla direttament jew indirettament lill-entità

Rabta mal-antenata aħħarija taħt superiżjoni fi ħdan l-MSU (Link to ultimate supervised ancestor within SSM)

Entità taħt superiżjoni li hija domiċiljata fi Stat Membru parteċipanti u hija l-ogħla entità taħt superviżjoni fi ħdan grupp taħt superviżjoni

Rabta mal-antenata aħħarija taħt superiżjoni barra l-MSU (Link to ultimate supervised ancestor outside SSM)

L-entità omm apikali tal-grupp li huwa domiċiljat fi Stat Membru mhux parteċipanti jew f’pajjiż mhux tal-UE. Entità omm apikali barra miż-żona tal-MSU għandha tiġi rrapportata biss jekk din l-entità omm hija istituzzjoni li hija ssorveljata minn superviżur ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-pajjiż rispettiv tagħha


ANNESS II

DATA TA’ REFERENZA LI GĦANDHA TIĠI RREĠISTRATA GĦAL ENTITAJIET LI MHUMIEX ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU

Attribut jew relazzjoni

Deskrizzjoni

Kodiċi RIAD (RIAD code)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data ta' twelid (Birth date)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data tal-għeluq (Closure date)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

LEI

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Identifikaturi nazzjonali (kif ikunu disponibbli) (National identifiers (as available))

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kodiċi ta’ sottogrupp ta’ likwidità (Liquidity sub-group code)

Kodiċi tas-sottogrupp ta’ likwidità li l-entità tagħmel parti minnu (jekk applikabbli)

Isem (Name)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Pajjiż ta’ residenza (Country of residence)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Indirizz (Address)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Belt (City)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kodiċi postali (Postal code)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Forma legali (Legal form)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Settur istituzzjonali (Institutional sector)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Dettalji tas-settur istituzzjonali (Institutional sector details)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kontroll tas-settur istituzzjonali (Institutional sector control)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Marka Elenkata (Flag listed)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Azzjoni korporattiva (Corporate action)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Data tal-azzjoni korporattiva (Date of corporate action)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Kap tas-sottogrupp ta' likwidità (Head of liquidity sub-group)

Marka li tidentifika l-entità li tirrappreżenta l-kap tal-sottogrupp ta’ likwidità (jekk applikabbli)

Tip ta’ entità tal-MSU (SSM entity type)

Tip ta’ entità għal finijiet ta’ superviżjoni

Pajjiż ta’ superviżjoni tal-MSU (SSM country of supervision)

Pajjiż fejn l-entità taqa’ taħt superiżjoni

Rabta mal-entità omm kontrollanti diretta (Link to direct controlling parent)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Rabta mal-entità omm kontrollanti apikali (Link to ultimate controlling parent)

Bħal fil-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16)

Rabta mal-antenata diretta taħt superviżjoni (Link to direct supervised ancestor)

Entità omm li hija entità taħt superviżjoni u li hija s-sid/tikkontrolla direttament jew indirettament l-entità

Rabta mal-antenata aħħarija taħt superviżjoni fi ħdan l-MSU (Link to ultimate supervised ancestor within SSM)

Entità taħt superviżjoni li hija domiċiljata fi Stat Membru parteċipanti u hija l-ogħla entità taħt superviżjoni fi ħdan grupp taħt superviżjoni

Rabta mal-antenata aħħarija taħt superviżjoni barra l-MSU (Link to ultimate supervised ancestor outside SSM)

L-entità omm apikali tal-grupp li huwa domiċiljat fi Stat Membru mhux parteċipanti jew f’pajjiż mhux tal-UE. Entità omm apikali barra miż-żona tal-MSU għandha tiġi rrapportata biss jekk dik l-entità omm hija istituzzjoni taħt is-superiżjoni ta’ superviżur ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-pajjiż rispettiv tagħha


Top