EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0407

Deċiżjoni (UE) 2020/407 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2020/13)

OJ L 80, 17.3.2020, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/407/oj

17.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/23


DEĊIŻJONI (UE) 2020/407 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Marzu 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2020/13)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-għodda, l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fit-22 ta’ Lulju 2019, fit-twettiq tal-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex jiġu ppreżervati kundizzjonijiet ta’ tislif bankarju favorevoli u biex jappoġġja l-pożizzjoni aġevolanti tal-politika monetarja fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (2). Din id-Deċiżjoni pprovdiet għat-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs-III) li għandhom jitwettqu matul il-perijodu minn Settembru 2019 sa Marzu 2021.

(3)

Fit-12 ta’ Marzu 2020, sabiex jappoġġja t-tislif lil dawk milquta l-aktar bit-tifrix tal-marda tal-coronavirus (COVID-19), b’mod partikolari impriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jbiddel tliet parametri ta’ TLTRO-III, jiġifieri li jżid il-limitu fuq is-self minn 30% għal 50%, li jimmodifika l-limitu massimu tal-offerta għal TLTROs-III individwali, u, minn Settembru 2021, 2021, li joffri opzjoni ta’ ħlas lura bikri għal ammonti mislufa taħt it-TLTROs-III 12-il xahar wara l- ħlas ta’ kull operazzjoni, minflok 24-il xahar.

(4)

Sabiex dawn il-parametri aġġustati jiġu applikati b’effett immedjat, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) hija emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 4 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Il-limitu fuq is-self ta’ kull parteċipant għandu jkun daqs 50 % tal-ammont pendenti totali ta’ referenza, wara li jitnaqqas kull ammont meħud b’self minn dak il-parteċipant tat-TLTRO-III taħt TLTROs-II skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) u li għadu pendenti fid-data tal-ħlas ta’ TLTRO-III wara li titqies kull notifika legalment vinkolanti għall-ħlas lura bikri sottomessa mill-partiċipant skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10). Il-kalkoli tekniċi rilevanti huma mfissra fl-Anness I.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘4.   Il-limitu tal-offerta ta’ kull parteċipant għal kull TLTRO-III għandu jkun daqs il-limitu ta’ self tiegħu mnaqqas bl-ammonti meħuda b’self taħt TLTROs-III preċedenti. Dan l-ammont għandu jitqies li jirrappreżenta limitu ta’ offerta massima għal kull parteċipant u r-regoli applikabbli għal offerti li jaqbżu dan l-limitu massimu tal-offerta, kif stipulat fl-Artikolu 36 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), għandhom japplikaw. Il-kalkoli tekniċi relevanti huma mfissra fl-Anness I.’;

2.

fl-Artikolu 5a, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

‘1.   Minn Settembru 2021, b’bidu minn 12-il xahar wara l-ħlas ta’ kull TLTRO-III, il-parteċipanti għandhom, fuq bażi trimestrali, ikollhom l-għażla li jtemmu jew inaqqsu l-ammont tat-TLTRO-III kkonċernati, qabel il-maturità.’;

3.

fl-Anness I, taqsima 1, it-tielet paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

’II-limitu fuq is-self huwa ta’ 50 % tal-ammont pendenti ta’ referenza relatat mal-parteċipant (*1) wara li jitnaqqsu l-ammonti meħuda b’self mill-parteċipant fl-operazzjoni mmirata ta’ rifinanzjament għal żmien itwal skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) (TLTROs-II) u li għadhom pendenti fid-data tal-ħlas tal-TLTRO-III rispettiv, jew żero jekk dak l-ammont huwa negattiv, jiġifieri:

Image 1 għal k = 1,…,7.

(*1)  Ir-referenzi għal ’parteċipant’ għandhom jinftiehmu bħala li japplikaw għal parteċipanti individwali jew gruppi TLTRO-III.’;"

4.

Fl-Anness I, taqsima 1, il-ħames paragrafu huwa mibdul b’li ġej:

’Il-limitu tal-offerta applikabbli għal kull parteċipant f’kull TLTRO-III huwa l-limitu ta’ tislif tiegħu BAk wara li jitnaqqsu l-ammonti meħuda b’self taħt TLTROs-III preċedenti. Fejn Image 2 ikun is-self ta’ parteċipant fit-TLTRO-III k, mela Image 3 fejn BLk ikun il-limitu tal-offerta għal dan il-parteċipant fl-operazzjoni k li hija ddefinita kif ġej:

Image 4

għal k = 2,…,7.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 2020.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).


Top