EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D0141
Decision (EU) 2020/141 of the European Central Bank of 22 January 2020 amending Decision ECB/2010/29 on the issue of euro banknotes (ECB/2020/7)
Deċiżjoni (UE) 2020/141 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2020/7)
Deċiżjoni (UE) 2020/141 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2020/7)
OJ L 27I, 1.2.2020, p. 21–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 27/21 |
DEĊIŻJONI (UE) 2020/141 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-22 ta’ Jannar 2020
li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2020/7)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) issottometta n-notifika tiegħu dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data ta’ wara d-data msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2019 (1). Mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Bank of England (BoE) ma jibqax ikun bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru u għalhekk tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/3) (2) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-kapital”) skont l-Artikolu 29.3 u l-Artikolu 29.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u tistabbilixxi b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, ponderazzjonijiet ġodda allokati lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar ’il quddiem il-“ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital”). |
(2) |
L-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 (3) jiddefinixxi l-“iskema ta’ distribuzzjoni ta’ karti tal-flus” u jirreferi għall-Anness I għal dik id-Deċiżjoni, li jispeċifika l-iskema għad-distribuzzjoni tal-karti tal-flus li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019. Peress li mill-1 ta’ Frar 2020 se jibdew japplikaw ponderazzjonijiet ġodda tal-iskema tal-kapital, id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 għandha tiġi emendata sabiex tiddetermina l-iskema ta’ distribuzzjoni tal-karti tal-flus li tapplika minn dik id-data, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi
1. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 hija ssostitwita b’dan li ġej:
“L-Anness I għal din id-Deċiżjoni jispeċifika l-iskema għad-distribuzzjoni tal-karti tal-flus li għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2020.”
2. L-Anness I għad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 huwa sostitwit mit-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 l, 30.10.2019, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3) (ara paġna 4 ta dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ tal-karti tal-flus euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26).
ANNESS
“ANNESS I
SKEMA TA’ DISTRIBUZZJONI TAL-KARTI TAL-FLUS MILL-1 TA’ FRAR 2020
% |
|
Il-Bank Ċentrali Ewropew |
8,0000 |
Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique |
3,3520 |
Deutsche Bundesbank |
24,2525 |
Eesti Pank |
0,2590 |
Central Bank of Ireland |
1,5580 |
Bank of Greece |
2,2755 |
Banco de España |
10,9705 |
Banque de France |
18,7905 |
Banca d’Italia |
15,6295 |
Central Bank of Cyprus |
0,1980 |
Latvijas Banka |
0,3585 |
Lietuvos bankas |
0,5325 |
Banque centrale du Lussemburgu |
0,3030 |
Bank Ċentrali ta’ Malta |
0,0965 |
De Nederlandsche Bank |
5,3915 |
Oesterreichische Nationalbank |
2,6925 |
Banco de Portugal |
2,1535 |
Banka Slovenije |
0,4430 |
Národná banka Slovenska |
1,0535 |
Suomen Pankki |
1,6900 |
TOTAL |
100,0000 |