EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019O0019
Guideline (EU) 2019/1265 of the European Central Bank of 10 July 2019 on the euro short-term rate (€STR) (ECB/2019/19)
Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19)
Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19)
OJ L 199, 26.7.2019, p. 8–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/01/2024
26.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/8 |
LINJA GWIDA (UE) 2019/1265 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-10 ta' Lulju 2019
dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(2) u (5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,
Billi:
(1) |
Parametri referenzjali tar-rati tal-imgħax huma importanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u t-trażmissjoni tal-politika monetarja. L-ewwel nett, is-swieq finanzjarji jiddependu ħafna fuq dawn il-parametri referenzjali bħala referenza f'kuntratti finanzjarji, pereżempju ipoteki, kuntratti tas-suq monetarju, titoli ta' rata varjabbli u strumenti derivattivi. It-tieni nett, dawn il-parametri referenzjali huma l-bażi għall-valutazzjoni ta' kuljum ta' għadd ta' strumenti finanzjarji. It-tielet nett, it-trażmissjoni tal-politika monetarja tibda b'tibdiliet fil-parametri referenzjali fis-swieq monetarji bħala rispons għal tibdiliet fir-rati tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). In-nuqqas ta' parametri referenzjali robusti u kredibbli jista' għalhekk jagħti lok għal tħarbit fis-suq finanzjarju b'possibbiltà ta' impatt negattiv sinifikanti fuq it-trażmissjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar il-politika monetarja u l-abbiltà tal-Eurosistema li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kompiti li ngħataw lill-Eurosistema skont l-Artikolu 127(2) u (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-medja tal-indiċi ta' matul il-lejl tal-euro (EONIA), waħda mill-parametri referenzjali ta' matul il-lejl użata ħafna fl-Unjoni, tista' ma tkunx rikonoxxuta bħala konformi mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Konsegwentement, hemm riskju li l-użu ta' dan il-parametru referenzjali fi strumenti finanzjarji jew kuntratti ġodda ma jkunx permess fil-futur. Sabiex l-Eurosistema twettaq dawn il-kompiti, huwa importanti li l-Eurosistema tipprovdi rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) għaż-żona tal-euro, li tista' tikkumplimenta parametri referenzjali eżistenti u sservi ta' rata ta' referenza bħala lqugħ fil-każ li ma titkompliex l-EONIA. |
(2) |
Sabiex twettaq il-kompiti tagħha, l-Eurosistema tuża informazzjoni statistika granulari tas-suq monetarju miġbura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (2). Dan ir-Regolament jirrikjedi li aġenti li jirrapportaw jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti ta' rapportar statistiku u jimponi obbligi fuq il-BĊNi dwar il-ġbir ta' informazzjoni statistika u assigurazzjoni tal-kwalità. Barra minn hekk, aġenti li jirrapportaw huma soġġetti għall-qafas tan-nonkonformità statistika tal-Eurosistema. L-informazzjoni statistika hija rrappurtata fil-jum ta' negozju li jmiss tat-TARGET2 wara d-data tan-negozju minn ġabra ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ddefiniti mill-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48). |
(3) |
Il-BĊE u l-BĊNi huma responsabbli għall-ġbir u l-proċessar tal-kwalità tal-informazzjoni statistika meħtieġa għad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-BĊNi li għandhom responsabbiltajiet u kompiti fir-rigward tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jiddependu fuq aġenti li jirrapportaw biex jissodisfaw l-istandards minimi sabiex jilħqu r-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku tal-BĊE fir-rigward ta' informazzjoni statistika miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) u identifikat għal użu fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
(4) |
Fir-rigward tal-ġbir ta' informazzjoni statistika taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), l-Artikolu 3(3) ta' dak ir-Regolament jippermetti l-BĊNi jiddeċiedu li jitrasferixxu r-responsabbiltajiet tagħhom lill-BĊE. Għal dik ir-raġuni, il-BĊNi li jieħdu tali deċiżjoni mhumiex se joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali taħt din il-Linja Gwida. B'mod partikolari, tali deċiżjoni meħuda minn BĊN m'għandhiex teħles lil dak il-BĊN mir-responsabbiltà għall-affidabbiltà u l-integrità tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal li tiġi sottomessa kif ipprovdut f'din il-Linja Gwida, peress li l-aġent jew aġenti li jirrapportaw xorta jkunu residenti fl-Istat Membru tiegħu. Għaldaqstant ir-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolaw il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Eurosistema. |
(5) |
Linja Gwida hija neċessarja biex tirregola r-rata tal-euro fuq terminu qasir u biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-BĊE għall-amministrazzjoni tagħha u s-sorveljanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-Linja Gwida għandha ukoll tistabbilixxi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri ta' negozju oħra. |
(6) |
Qafas legali ċar, sod u komprensiv dwar id-determinazzjoni, l-amministrazzjoni u s-sorveljanza tar-rata tal-euro fuq terminu qasir itejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika miġbura mill-aġenti li jirrapportaw. |
(7) |
Huwa rikonoxxut li l-banek ċentrali diġà jissodisfaw il-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw li huma jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'integrità u b'mod indipendenti. Madankollu, huwa xieraq li, fejn possibbli, dan il-qafas legali jkun konformi mal-aħjar prattika internazzjonali għall-provvista ta' standards minimi finanzjarji u trasparenza, b'mod partikolari l-prinċipji IOSCO għal parametri referenzjali finanzjarji (3) (iktar 'il quddiem il-“Prinċipji IOSCO”). Ghalhekk, għalkemm la l-prinċipji IOSCO u lanqas ir-Regolament (UE) 2016/1011 ma japplikaw għal banek ċentrali, fid-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont din il-Linja Gwida, il-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ser jagħmel ħiltu biex jittrasponi l-intenzjoni tal-Principji IOSCO, fejn rilevanti u xieraq. Il-miżuri li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu proporzjonati għar-riskji maħluqa għar-rata tal-euro fuq terminu qasir u għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
(8) |
Il-BĊE għandu jiżgura li qafas ta' kontroll xieraq u trasparenti b'mod konformi mal-aħjar prattika internazzjonali, huwa fis-seħħ sabiex tiġi protetta l-integrità u l-indipendenza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u sabiex jiġi indirizzat kull kunflitt ta' interess, eżistenti jew potenzjali, identifikat. Il-qafas ta' kontroll jinkludi aderenza mal-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (4) li tistabbilixxi l-prinċipji etiċi li għandhom jiġu osservati fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema. Il-qafas ta' kontroll jista' jiddependi wkoll fuq politiki u proċeduri eżistenti tal-BĊE u tal-BĊNi sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-persunal bil-livelli rilevanti ta' għarfien ikunu involuti fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u li jingħataw taħriġ xieraq u l-kompetenza tagħhom tiġi riveduta. |
(9) |
Minħabba l-kritikalità għolja ħafna tas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) meħtieġa għas-sostenn tal-provvista tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandhom jipprovdu dawn is-servizzi skont rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u livell tas-servizz tal-IT li għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma mill-BĊE. |
ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:
Artikolu 1
Suġġett
Din il-Linja Gwida tirregola r-rata tal-euro fuq terminu qasir u tistabbilixxi r-responsabbilitajiet tal-BĊE għall-amministrazzjoni tagħha u s-sorveljanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-Linja Gwida tistabbilixxi wkoll il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tal-kontribut tagħhom ghall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri ta' negozju oħrajn.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; |
(2) |
“rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser ir-rata tal-imgħax li tirrappreżenta l-ispejjeż ta' self ta' matul il-lejl bl-ingrossa f'euro mhux iggarantiti ta' banek li jinsabu fiż-żona tal-euro. |
(3) |
“sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser is-sistema żviluppata u proprjetà tal-BĊE għar-riċeviment ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal, it-twettiq ta' validazzjonijiet tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, ir-rapportar dwar il-kwalità tagħha u l-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(4) |
“pjattaforma ta' ġbir lokali” tfisser sistema ta' BĊN b'aġent jew aġenti li jirrapportaw residenti fl-Istat Membru tiegħu li ma jkunx iddeċieda li jittrasferixxi r-responsabbiltajiet tiegħu lill-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), jew tal-BĊE, użata għall-ġbir ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal, għat-twettiq ta' validazzjonijiet tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, għar-rapportar dwar il-kwalità tagħha u għas-sottomissjoni ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(5) |
“informazzjoni statistika li tiddaħħal” tfisser l-informazzjoni statistika tas-segment tas-suq mhux iggarantita li hija rrappurtata minn aġenti li jirrapportaw lill-BĊNi jew lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48); |
(6) |
“proċessar tal-kwalità” tfisser l-eżekuzzjoni ta' firxa ta' spezzjonijiet tal-kwalità u analiżijiet tal- informazzjoni statistika li tiddaħħal, li huma meħtieġa għad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, u għandhom l-għan li jiġu żgurati l-kompletezza, il-validità, il-preċiżjoni, il-konsistenza, id-disponibbiltà u t-tempesitività tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal sottomessa lil u riċevuta fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(7) |
“tranżazzjoni eligibbli” tifsser tranżazzjoni li tilqa' l-kriterji tal-eliġibbiltà ddefiniti bħala parti mill-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u li tintgħażel biex tintuża fil-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(8) |
“tranżazzjoni” tfisser tranżazzjoni li tifforma parti mill-informazzjoni statistika li tiddaħħal; |
(9) |
“jum tan-negozju tat-TARGET2” tfisser jum ta' negozju tat-TARGET2 kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Anness I għad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (5); |
(10) |
“proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser il-proċess b'liema r-rata tal-euro fuq terminu qasir hija determinata u tinkludi l-azzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1); |
(11) |
“metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser il-metodoloġija sabiex tiġi ddeterminata r-rata tal-euro fuq terminu qasir definita mill-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(12) |
“ħtiġijiet tal-utent” tfisser dawk il-kapaċitajiet, restrizzjonijiet u karatteristiċi ta' negozju, tekniċi, operattivi u tranżitorji li għandhom jiġu pprovduti mis-sistemi tal-IT tal-BĊNi rispettivi jew tal-BĊE u li jistgħu jinġabru taħt żewġ kategoriji ewlenin, jiġifieri rekwiżiti funzjonali (utent, legali u regolatorji) u rekwiżiti mhux funzjonali (arkitettura, sigurtà, operattivi u tekniċi); |
(13) |
“arkitettura tas-sistema” tfisser deskrizzjoni tal-arkitettura tas-sistema ġenerali għar-rata tal-euro fuq terminu qasir f'termini ta' komponenti ta' ħardwer u softwer, ir-relazzjonijiet tagħhom kif ukoll l-interfaċċi ma' sistemi oħrajn; |
(14) |
“aġent li jirrapporta” tfisser aġent li jirrapporta li huwa identifikat bħali tali mill-Kunsill Governattiv u li jifforma parti mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014) (BĊE/2014/48); |
(15) |
“partijiet interessati” tfisser aġenti li jirrapportaw u utenti tar-rata tal-euro fuq żmien qasir; |
(16) |
“b'mod distakkat” tfisser tranżazzjoni bejn żewġ partijiet li mhijiex tranżazzjoni intragrupp u li tiġi konkluża fuq termini li mhumiex influwenzati minn kunflitt ta' interess ta' xi waħda mill-partijiet (eż. kunflitti ta' interess li jinħolqu minn relazzjoni bħal pereżempju tranżazzjoni bejn affiljati); |
(17) |
“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema” tfisser il-prinċipji stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11); |
(18) |
“kunflitt ta' interess” tfisser sitwazzjoni fejn membru ta' korp jew tal-persunal tal-BĊE jew ta' BĊN ikollu interess personali li jista' jinfluwenza jew jidher li jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiethom; |
(19) |
“proċedura ta' kontinġenza” tfisser il-proċedura li għandha tiġi implimentata biex jiġi żgurat li r-rata tal-euro fuq terminu qasir tista' tiġi ppubblikata f'każ ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal insuffiċjenti, li tista' tkun ikkawżata minn fatturi li jinkludu stress tas-suq jew tħarbit, nuqqas ta' infrastruttura kritika jew fatturi rilevanti oħra; |
(20) |
“membru tal-persunal” tfisser persuna li għandha relazzjoni ta' impjieg mal-BĊE jew ma BĊN tal-Eurosistema, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma fdati biss b'kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema; |
(21) |
“membri ta' korpi” tfisser il-membri ta' korpi li jieħdu deċiżjonijiet u korpi oħrajn interni tal-BĊE jew BĊN minbarra membri tal-persunal; |
(22) |
“Maħżen tad-Dejta Statistika tal-BĊE” tfisser is-servizz tal-BĊE ta' twassil ta' dejta online għall-istatistika; |
(23) |
“Pjattaforma ta' Tixrid ta' Informazzjoni tas-Suq” tfisser sistema mfassla biex tkun miftuħa u li tintuża mill-BĊE sabiex jippubblika informazzjoni u dejta li jkunu strutturati u adatti għall-ipproċessar awtomatiku; |
(24) |
“bidla materjali” tfisser bidla fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li jista' jkollha impatt fuq l-interessi tal-partijiet ikkonċernati; |
(25) |
il-“qafas tan-nonkonformità statistika” tfisser il-qafas tan-nonkonformità statistika tal-Eurosistema li jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (6), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (7), ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) (8) u d-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (9); |
(26) |
“ESA 2010” tfisser is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); |
(27) |
“proċeduri ta' wara l-produzzjoni” tfisser l-azzjonijiet meħuda wara l-pubblikazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għall-fini ta' monitoraġġ tal-eżattezza u tal-kompletezza tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal u ta' tħejjija għall-azzjonijiet li jkunu jridu jittieħdu fil-jum tan-negozju tat-TARGET2 sussegwenti. Tali azzjonijiet u proċeduri ma jinkludux l-azzjonijiet inklużi fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
Artikolu 3
Interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir
Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tirrifletti l-ispejjeż ta' self ta' matul il-lejl bl-ingrossa f'euro mhux garantiti ta' banek li jinsabu fiż-żona euro. Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tkun ippubblikata għal kull jum ta' negozju TARGET2 u bbażata fuq tranżazzjonijiet li twettqu u ġew saldati fil-jum ta' negozju TARGET2 preċedenti (data ta' rapportar “T”) b'data ta' maturità ta' T+1 u li huma meqjusa li twettqu b'mod distakkat u b'hekk jirriflettu r-rati tas-suq b'mod imparzjali.
Artikolu 4
Kompiti u responsabbilitajiet tal-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir
1. Il-BĊE għandu jkun responsabbli għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, li għandu jinkludi l-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-istabbiliment u ż-żamma ta' arranġamenti għas-sottomissjoni u għar-riċezzjoni ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(b) |
proċessar tal-kwalità, inkluż l-iffiltrar tad-dejta, l-arrikkiment tad-dejta u l-għażla ta' tranżazzjonijiet eliġibbli; |
(c) |
il-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
2. Bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jkollu l-kompiti u r-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a) |
id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(b) |
l-implimentazzjoni tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż l-iżgurar ta' dan li ġej:
|
(c) |
il-governanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż tal-qafas ta' kontroll u tal-funzjoni ta' sorveljanza interna stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, kif ukoll tal-ilmenti u tal-proċeduri tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12; |
(d) |
il-pubblikazzjoni u, jekk ikun meħtieġ skont il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, ir-reviżjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
Minkejja dak li ntqal, il-BĊE u, safejn jikkontribwixxu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊNi m'għandhomx ikunu responsabbli għall-użu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew għad-dipendenza fuqha minn parti kkonċernata jew parti terza oħra fi kwalunkwe strument finanzjarju, kuntratt, negozju jew kwalunkwe attività kummerċjali oħra jew deċiżjoni ta' investiment.
3. Il-BĊE għandu jippubblika r-rata tal-euro fuq terminu qasir sa tliet punti deċimali fis-sit web tiegħu sa mhux aktar tard mid-9.00 Ħin tal-Ewropa Ċentrali (CET) (11) f'kull jum ta' negozju TARGET2, mit-2 ta' Ottubru 2019. Jekk jinstab xi żball jew żbalji wara l-pubblikazzjoni li jaffettwaw ir-rata tal-euro fuq terminu qasir ippubblikata b'aktar minn ċertu livell limitu ta' punti bażi stabbilit fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jirrevedi r-rata tal-euro fuq terminu qasir u jippubblikaha mill-ġdid fl-istess jum sal-11.00 CET. M'għandu jsir ebda tibdil fir-rata tal-euro fuq terminu qasir wara dak il-ħin. Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tiġi ppubblikata flimkien mal-informazzjoni relatata kif speċifikat fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.
4. Il-BĊE għandu jippubblika ċaħda ta' responsabbiltà fuq is-sit web tiegħu fir-rigward tal-użu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew tad-dipendenza minnha minn parti kkonċernata jew parti terza oħra fi kwalunkwe strument finanzjarju, kuntratt, negozju jew kwalunkwe attività kummerċjali oħra jew deċiżjoni ta' investiment. Iċ-ċaħda tar-responsabbiltà għandha tkopri lill-BĊE u lill-BĊNi safejn dawn jikkontribwixxu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.
5. Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tkun magħmula disponibbli wkoll permezz tal-pjattaforma ta' Tixrid tal-Informazzjoni tas-Suq u tal-Maħżen tad-Dejta Statistika tal-BĊE.
6. Minkejja l-ewwel paragrafu, ir-responsabbiltà għall-kwalità u għall-integrità tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal u t-trażmissjoni f'waqtha tagħha għandha tkun kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) u l-qafas tan-nonkonformità statistika.
Artikolu 5
Il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE, tal-BĊNi li joperaw il-pjattaforma ta' ġbir lokali, u l-BĊNi b'aġent jew b'diversi aġenti li jirrapportaw residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom
1. Il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandu jkollhom il-kompiti u r-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a) |
li jiżguraw li l-informazzjoni statistika li tiddaħħal tiġi sottomessa fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir sas-7.00 CET ta' kull jum ta' negozju TARGET2; |
(b) |
li jkollhom membri tal-persunal disponibbli għal perjodu li jibda mhux aktar tard mis-6.30 CET sal-11.00 CET sabiex jindirizzaw kwistjonijiet potenzjali li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-proċess tal-ġbir u s-sottomissjoni tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u jwettqu proċessar tal-kwalità. |
2. Il-BĊE, il-BNĊi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali u l-BĊNi li għandhom aġent li jirrapporta wieħed jew aktar residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom għandhom iwettqu l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċeduri ta' wara l-produzzjoni skont il-proċeduri tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(3). Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom membri tal-persunal disponibbli kuljum għal perjodu li jibda mhux aktar tard mis-7.00 CET sal-11.00 CET sabiex jinteraġixxu mal-aġenti li jirrapportaw u jwettqu proċessar tal-kwalità.
3. Il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandhom jikkonformaw ukoll ma' ċerti rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u ta' livell ta' servizz tal-IT fir-rigward tal-pjattaformi ta' ġbir lokali. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti u miżmuma mill-BĊE.
Artikolu 6
Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir
1. Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tinkludi r-raġunament għall-adozzjoni tagħha, id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir, is-sorsi tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, il-metodu ta' kalkolu, l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, politika ta' trasparenza li tirrigwarda l-pubblikazzjoni perjodika tal-iżbalji, il-kundizzjonijiet għall-iskattar tal-proċedura ta' kontinġenza u l-kalkolu tar-rata ta' kontinġenza.
2. Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u kwalunkwe tibdil magħmul fiha għandu jkun ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.
3. Minbarra l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm ċerti proċeduri ta' negozju li jiddeskrivu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-BĊE u minn BĊNi biex iwettqu l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kif ukoll il-proċeduri ta' wara l-produzzjoni.
Artikolu 7
L-esternalizzazzjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet
1. Il-kompiti u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 m'għandhomx ikunu esternalizzati lil xi parti terza.
2. Il-BĊE u l-BĊNi jistgħu jesternalizzaw lil fornitur ta' servizz terz iż-żamma u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT jew servizzi oħrajn li huma anċillari jew preparatorji għat-twettiq tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
jiġi stabbilit qafas ta' sorveljanza permanenti u effettiv fuq tali parti terza; |
(b) |
il-bank ċentrali li jesternalizza jżomm ir-responsabbiltà legali u l-kontroll fuq l-attivitajiet rilevanti skont il-ftehim ta' esternalizzazzjoni; |
(c) |
ir-regoli dwar il-protezzjoni u l-użu ta' informazzjoni kunfidenzjali statistika stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jiġu osservati; |
(d) |
il-Kunsill Governattiv japprova l-arranġamenti kuntrattwali bil-miktub għall-esternalizzazzjoni ta' tali kompiti. |
3. Il-BĊE u kull BĊN għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mill-kuntratturi tagħhom mal-ftehimiet ta' esternalizzazzjoni u għandhom jiżguraw li l-BĊE u l-BĊNi jinżammu mgħarrfa kif dovut dwar dan.
Artikolu 8
Qafas ta' kontroll
1. Il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jkun soġġett għal qafas ta' kontroll.
2. Minbarra l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (12), il-qafas ta' kontroll għandu jinkludi:
(a) |
proċeduri ta' negozju, kif imsemmija fl-Artikolu 6(3), biex tiġi żgurata l-integrità u l-kwalità tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(b) |
arranġamenti biex jiġi żgurat li l-ilmenti u l-proċeduri tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 huma effettivi għall-ġestjoni tar-riskji għar-rata tal-euro fuq terminu qasir u għall-proċess tad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
3. Rigward il-kunflitti ta' interess li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-involviment ta' membru ta' korp jew ta' membru tal-persunal fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE u l-BĊNi għandhom jirrispettaw il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema jew, fejn rilevanti, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew.
4. Rigward l-integrità u l-kwalità tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jiżgura li l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikolu 6(3) jinkludu l-passi għall-ipproċessar tal-kwalità kif deskritti fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir sabiex jiddetermina liema tranżazzjonijiet huma tranżazzjonijiet eliġibbli. L-ipproċessar tal-kwalità fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jinkludi l-kontrolli tal-kwalità fuq livelli multipli fuq l-informazzjoni statistika li tiddaħħal:
(a) |
it-twettiq ta' kontrolli ta' validazzjoni li jiżguraw li l-fajls sottomessi fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ikunu konformi mal-istandards tekniċi meħtieġa sabiex jiġu identifikati tranżazzjonijiet b'informazzjoni statistika nieqsa u/jew possibbilment żbaljata; |
(b) |
it-twettiq ta' kontrolli tal-kwalità mmirati tal-informazzjoni statistika skont algoritmi definiti minn qabel sabiex jinstabu tranżazzjonijiet periferiċi jew mhux tas-soltu; |
(c) |
it-talba għall-konferma tal-eżattezza tat-tranżazzjonijiet mill-aġenti li jirrapportaw sabiex jiġi ddeterminat liema tranżazzjonijiet huma tranżazzjonijiet eliġibbli. |
5. L-informazzjoni statistika li tiddaħħal għandha tkun arrikkita mill-BĊE fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir permezz ta' dejta ta' referenza li tiddeskrivi entità individwali u l-klassifikazzjoni tas-settur istituzzjonali tagħha tal-ESA 2010.
Artikolu 9
Sorveljanza interna
1. Il-BĊE għandu jistabbilixxi Kumitat ta' Sorveljanza intern sabiex jirrevedi, jikkontesta u jirrapporta dwar l-aspetti kollha tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inklużi r-rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u tal-livell ta' servizz tal-IT u l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikoli 5(3) u 6(3). Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jaġixxi bħala korp konsultattiv għall-Bord Eżekuttiv u għall-Kunsill Governattiv.
2. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jinkludi ħames membri, li minnhom (a) tliet membri, inkluż il-President, għandhom jinħatru fuq bażi ta' nomina mill-BĊE u (b) żewġ membri għandhom jinħatru fuq bażi ta' nomina mill-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali, f'kull każ fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv approvata b'deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fir-rigward tal-membri msemmija fil-punt (b) hawn fuq, għandu jkun hemm rotazzjoni kull sentejn fost il-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali. Il-President għandu jkun membru tal-Bord Eżekuttiv. Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkollhom taħlita xierqa ta' ħiliet tekniċi, għarfien u esperjenza professjonali kemm fil-produzzjoni ta' punti ta' riferiment ta' rati tal-imgħax u fis-suq finanzjarju inġenerali sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw bis-sħiħ ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-membri tal-persunal involuti fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir m'għandhomx ikunu membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza; madankollu, jistgħu jappoġġaw il-ħidma tal-Kumitat ta' Sorveljanza u jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Sorveljanza bħala osservaturi.
3. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiltaqa' skont u meta l-President iqis li huwa meħtieġ jew xieraq, iżda tal-anqas darba kull erba' xhur. Qabel il-laqgħa inawgurali tal-Kumitat ta' Sorveljanza, il-Kunsill Governattiv għandu japprova l-lista tal-membri u l-kriterji għall-għażla u s-sostituzzjoni futuri tal-membri. Il-membri għandhom ikunu meħtieġa jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi kemm mal-ħatra tagħhom kif ukoll fi kwalunkwe avveniment li fil-fehma tagħhom jista' joħloq kunflitt ta' interessi. Dawn id-dokumenti, kif ukoll sommarju ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Sorveljanza, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE.
4. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkun stabbilit fi żmien xahar mid-data li fiha tidħol fis-seħħ din il-Linja Gwida.
5. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkollu dawn ir-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a) |
jirrevedi minn żmien għal żmien id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(b) |
iżomm lilu nnifsu informat kif xieraq dwar kwalunkwe riskju għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, permezz ta' attivitajiet bħall-ikkummissjonar ta' rieżamijiet esterni; |
(c) |
jissorvelja kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż billi jevalwa jekk jibqax ikejjel kif xieraq l-interess sottostanti kif iddikjarat fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; |
(d) |
jirrevedi bidliet materjali proposti u implimentati u politiki u proċeduri proposti dwar il-waqfien possibbli tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, u jitlob lill-BĊE sabiex jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati qabel ma jimplimenta tali bidliet materjali jew jadotta tali politiki jew proċeduri skont l-Artikolu 14; |
(e) |
jevalwa l-ħtieġa għal salvagwardji addizzjonali fir-rigward ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess lil hinn mis-salvagwardji meħtieġa taħt l-Artikolu 8(3); |
(f) |
jekk ikun meħtieġ, jinvestiga lmenti magħmula skont l-Artikolu 11; |
(g) |
jipproponi emendi għall-qafas ta' kontroll lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv; |
(h) |
jissorvelja l-integrità tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-qafas ta' kontroll permezz ta' attivitajiet bħas-sorveljanza tal-amministrazzjoni u t-tħaddim tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; l-ikkunsidrar tar-riżultati ta' awditi interni u esterni; is-segwitu tal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet korrettivi enfasizzati mill-awditi mwettqa skont l-Artikolu 12; u l-iżgurar li l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ġiet segwita; |
(i) |
jinvestiga u jirrapporta ksur allegat ta' obbligi taħt ir-rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u ta' livell ta' servizz tal-IT u l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikoli 5(3) u 6(3) lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv; |
(j) |
jipproponi kwalunkwe miżura, meta jqis meħtieġ, sabiex jipproteġi l-integrità, ir-robustezza u l-eżattezza tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. |
6. Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom ikunu soġġetti għall-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u għar-regoli interni stabbiliti mill-BĊNi rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni ta' dak il-qafas.
7. Il-kworum għandu jkun tliet membri, preżenti jew bil-vidjo/telekonferenza, inkluż tal-anqas membru wieħed ta' BĊN.
8. Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom jieħdu deċiżjonijiet permezz ta' kunsens. Il-minuti għandhom jinkludu kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv li tirriżulta mit-twettiq mill-Kumitat tar-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-paragrafu (5). Meta ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens, il-minuti għandhom jinkludu l-opinjonijiet differenti tal-membri.
Artikolu 10
Il-waqfien tar-rata tal-euro fuq terminu qasir
Il-BĊE għandu jadotta politiki u proċeduri ċari bil-miktub dwar il-possibbiltà li r-rata tal-euro fuq terminu qasir titwaqqaf minħabba xi sitwazzjoni, jew kundizzjoni oħra, li twaqqaf lir-rata tal-euro fuq terminu qasir milli tibqa' rappreżentattiva tal-interess sottostanti. Il-politiki u l-proċeduri għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE.
Artikolu 11
Proċeduri dwar ilmenti
1. Kwalunkwe persuna tista' tressaq ilment bil-miktub lill-BĊE dwar kwalunkwe aspett tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li hija raġonevolment tqis li affettwa l-interessi tagħha b'mod sinifikanti. L-ilment jista' jintbagħat bil-posta lil Bank Ċentrali Ewropew, 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja.
2. Il-BĊE huwa impenjat li jwieġeb b'mod ġust, konsistenti u f'waqtu għall-ilmenti raġonevoli kollha mressqa skont l-ewwel paragrafu. Meta jiddeċiedi jekk jinvestigax ilment, il-BĊE għandu jqis is-serjetà u s-sinifikat tiegħu skont l-informazzjoni pprovduta fl-ilment bil-miktub, inkluż kull informazzjoni addizjonali li l-BĊE jista' jsaqsi lill-ilmentatur biex jipprovdi. Jekk il-BĊE iqis li huwa meħtieġ, il-BĊE jista' jitlob lill-Kumitat ta' Sorveljanza sabiex jinvestiga l-ilment. Il-valutazzjoni inizjali u l-investigazzjoni tal-ilment għandha ssir b'mod indipendenti mill-membri tal-persunal involuti fis-suġġett tal-ilment. Deċiżjoni li jiġi investigat ilment jew l-eżitu ta' tali investigazzjoni bl-ebda mod ma jimplika xi assigurazzjoni mill-BĊE dwar l-eżattezza tar-rata ppubblikata.
3. Jekk l-ilment ikun jirrigwarda l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta' BĊN fir-rigward tal-kontribut tiegħu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont din il-Linja Gwida, il-BĊE għandu jikkollabora mal-BĊN sabiex isolvi l-kwistjonijiet li jinqalgħu waqt l-investigazzjoni tal-ilment. Għal dan il-għan, il-BĊE għandu jinforma lill-BĊN dwar l-ilment fi żmien xieraq u jitlob lill-BĊN jipprovdi l-informazzjoni li l-BĊE jqis neċessarja għall-investigazzjoni tal-ilment.
4. Jekk BĊN isir jaf li sar ilment orali jew bil-miktub, dan għandu jitlob lill-persuna li għamlet l-ilment biex tgħaddih bil-miktub u mingħajr dewmien lill-BĊE. BĊN għandu jikkoopera mal-investigazzjoni tal-ilment billi jiżgura li l-membri tal-persunal li m'għandhomx x'jaqsmu ma' dawk involuti fil-kwistjoni tal-ilment jipprovdu tweġibiet f'waqthom u ġusti għat-talbiet ta' informazzjoni tal-BĊE.
5. Il-BĊE għandu jirreġistra u jirrikonoxxi li rċieva l-ilmenti kollha u għandu jinforma lill-ilmentatur jekk l-ilment huwiex ser jiġi investigat. Il-BĊE għandu jżomm ir-rekords dwar ilment, inklużi dawk ippreżentati mill-ilmentatur u r-rekords tal-BĊE stess, għal minimu ta' ħames snin mid-data ta' meta jkun wasal l-ilment. Il-BĊE għandu jinforma bil-miktub lill-ilmentatur u lil kwalunkwe parti direttament ikkonċernata bl-ilment, dwar l-eżitu tal-investigazzjoni tiegħu.
6. Il-paragrafi 1 sa 4 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi jew regolament nazzjonali li jistgħu japplikaw għal ilment u għal komunikazzjonijiet dwar ilment.
Artikolu 12
Awditi u rendikont tal-awditjar
1. Il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jkun awditjat skont il-karta rilevanti tal-awditjar, jiġifieri l-Karta tal-Verifika tal-BĊE jew il-Karta tal-Verifika għall-Eurosistema/għas-SEBĊ u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.
2. Il-BĊE għandu jaħtar awditur estern sabiex jevalwa b'mod indipendenti l-qafas użat mill-BĊE biex jamministra r-rata tal-euro fuq terminu qasir f'konformità mal-Prinċipji IOSCO. Ir-rapport tal-awditur estern għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.
3. Il-BĊE u l-BĊNi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni, informazzjoni statistika, rapporti, informazzjoni oħra (inkluża informazzjoni rigward kwalunkwe esklużjoni ta' tranżazzjonijiet), analiżijiet u lmenti rilevanti għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, kif ukoll l-identitajiet tal-aġenti li jirrapportaw, għal mill-anqas ħames snin.
Artikolu 13
Dikjarazzjoni ta' konformità
1. Il-BĊE għandu jippubblika dikjarazzjoni li tevalwa l-konformità tal-qafas użat mill-BĊE biex jamministra r-rata tal-euro fuq terminu qasir mal-Prinċipji IOSCO (minn hawn 'il quddiem id-“dikjarazzjoni ta' konformità”) fi żmien tnax-il xahar mill-ewwel data ta' pubblikazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.
2. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tiġi riveduta minn żmien għal żmien mill-BĊE u minn awditur estern maħtur skont l-Artikolu 12(2).
Artikolu 14
Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
1. Qabel l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe bidla materjali, jew l-adozzjoni ta' politiki jew proċeduri dwar il-possibbiltà tal-waqfien tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont l-Artikolu 10, u wara rieżami tagħhom mill-Kumitat ta' Sorveljanza skont l-Artikolu 9(5)(d), il-BĊE għandu jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati safejn ikun possibbli u prattiku.
2. Il-BĊE għandu jippubblika t-tnedija ta' proċedura ta' konsultazzjoni u jagħmilha raġonevolment qabel l-implimentazzjoni tal-bidla materjali, jew l-adozzjoni ta' tali politiki jew proċeduri.
Artikolu 15
Rapportar u rieżami perjodiċi
1. Il-BĊNi li għandhom aġent li jirrapporta wieħed jew aktar residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom għandhom jirrapportaw lill-BĊE dwar il-prestazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom skont din il-Linja Gwida tnax-il xahar wara li l-Linja Gwida tidħol fis-seħħ u kull sena wara dan.
2. Il-BĊE għandu jeżamina mill-ġdid, tal-anqas darba fis-sena, jekk bidliet fis-suq sottostanti għar-rata tal-euro fuq terminu qasir jeħtiġux bidliet fir-rata tal-euro fuq terminu qasir u fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.
Artikolu 16
Effettività u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lill-BĊNi.
2. Il-BĊNi għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2019.
Artikolu 17
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Lulju 2019.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(2) Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).
(3) OICV-IOSCO Principles for Financial Benchmarks, Final Report (Rapport Finali, Prinċipji għal Parametri Referenzjali Finanzjarji), Lulju 2013.
(4) Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riżervi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).
(5) Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-24 ta' Lulju 2007 dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 71).
(6) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 23).
(7) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 19-22).
(8) Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta' Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).
(9) Deċiżjoni BĊE/2010/10 tad-19 ta' Awwissu 2010 dwar nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti għar-rapportar tal-istatistika (ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48).
(10) Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
(11) Is-CET jieħu inkunsiderazzjoni l-bidla għas-Central European Summer Time.
(12) Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).