EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0026

Deċiżjoni (UE) 2019/1377 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta' Lulju 2019 li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/26)

OJ L 224, 28.8.2019, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2020; Imħassar b' 32020D1335

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1377/oj

28.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/6


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1377 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta' Lulju 2019

li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/26)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati speċifiċi biex tindirizza n-numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irid jadotta għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu.

(2)

Deċiżjoni ta' delega hija effettiva mal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina kap ta' unità tax-xogħol jew aktar biex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' deċiżjoni ta' delega.

(3)

L-importanza tad-deċiżjoni ta' delega u n-numru ta' destinatarji li lilhom iridu jintbagħtu d-deċiżjonijiet iddelegati għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord Eżekuttiv fin-nomina ta' kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol.

(4)

Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li lilhom għandha tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23).

Artikolu 2

Deċiżjonijiet iddelegati dwar parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

1.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) li jinvolvu entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju, jew f'każ li ma jkunux disponibbli mill-Kap tad-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, u minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

Jekk deċiżjoni ddelegata skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) tinvolvi iktar minn entità sinifikanti taħt superviżjoni waħda, l-entità taħt superviżjoni relevanti għandha tkun l-entità jew grupp taħt superviżjoni li fiha tiġi akkwistata l-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti.

2.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) li ma jinvolvux entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jkunu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali III.

Artikolu 3

Deċiżjonijiet iddelegati dwar irtirar

1.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) fir-rigward ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju, jew f'każ li ma jkunux disponibbli mill-Kap tad-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, u minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

2.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) fir-rigward ta' entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom ikunu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali III.

Artikolu 4

Deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar

Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) għandhom jiġu adottati minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Lulju 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(2)  Ara p. 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(4)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


Top