EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0023
Decision (EU) 2019/1376 of the European Central Bank of 23 July 2019 on delegation of the power to adopt decisions on passporting, acquisition of qualifying holdings and withdrawal of authorisations of credit institutions (ECB/2019/23)
Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)
Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)
OJ L 224, 28.8.2019, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/09/2021
28.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 224/1 |
DEĊIŻJONI (UE) 2019/1376 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-23 ta' Lulju 2019
dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a), (b), (c) u (d) u l-Artikoli 4(3), 6(4), 14(3), 14(5), 15(3), u 17(1) tiegħu,
Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
(1) |
Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq il-kompitu esklussiv ta' superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu bil-għan li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-istandards superviżorji, li jrawwem stabbiltà finanzjarja u li jiżgura kundizzjonijiet ugwali. |
(2) |
Skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex jirtira l-liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. |
(3) |
Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex jivvaluta notifiki ta' akkwiżizzjoni u ċessjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f'istituzzjoni ta' kreditu, ħlief fil-każ ta' riżoluzzjoni bankarja. |
(4) |
Skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li għandha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti għal istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, li jixtiequ jistabbilixxu fergħa jew jipprovdu servizzi transkonfinali fi Stat Membru mhux parteċipanti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3), kwalunkwe entità sinifikanti taħt superviżjoni li tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta' Stat Membru parteċipanti ieħor għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti fejn l-entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha l-uffiċċju prinċipali, bl-intenzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), meta ma tittieħed ebda deċiżjoni kuntrarja mill-BĊE fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, il-fergħa tista' tiġi stabbilita u tibda l-attivitajiet tagħha. |
(5) |
Skont l-Artikolu 4(1)(b) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 flimkien mal-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-BĊE għandu l-kompetenza esklużiva li jwettaq il-kompitu, li għandha l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-domiċilju taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti, li jagħti l-kunsens lil istituzzjoni ta' kreditu (sinifikanti) li ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi in solidum u individwalment l-impenji li tkun tat istituzzjoni finanzjarja sussidjarja, li għandha l-intenzjoni li twettaq dawk l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor, billi jew tistabbilixxi fergħa jew tipprovdi servizzi. |
(6) |
Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ li kull sena jadotta numru sostanzjali ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delega fir-rigward tal-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet li l-BĊE għandu jieħu regolarment u li jinkludu biss diskrezzjoni limitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet d-delega tal-awtorità bħala meħtieġa biex tippermetti lil istituzzjoni li hija meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq id-doveri tagħha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (5). |
(7) |
Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b'mod ċar. |
(8) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' delega dwar is-superviżjoni u l-persuni li jistgħu jiġu ddelegati setgħat deċiżjonali. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord ta' Sorveljanza li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv. |
(9) |
Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif huwa speċifikat iktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (6). Barra minn hekk, il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni għandha tintuża wkoll jekk il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol ikollhom tħassib rigward it-twettiq tal-kriterji ta' valutazzjoni minħabba l-kumplessità tal-valutazzjoni. |
(10) |
Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (7). Fil-każ ta' tali reviżjoni amministrattiva, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“deċiżjoni ta' passaportar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor ibbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, flimkien mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, deċiżjoni ta' passaportar tinkludi ukoll deċiżjoni tal-BĊE, skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE, li tagħti l-kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali li tiggarantixxi in solidum u individwalment l-impenji li tkun ħadet l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom li għandha l-intenzjoni li twettaq dawk l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor, billi jew tistabbilixxi fergħa jew tipprovdi servizzi; |
(2) |
“fergħa” tfisser fergħa kif iddefinita fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); |
(3) |
“parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f'entità taħt superviżjoni (l-entità fil-mira) skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
(4) |
“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(5) |
“deċiżjoni ta' rtirar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu bbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
(6) |
“deċiżjoni ta' delega” u “deċiżjoni ddelegata” għandhom l-istess tifsira bħal fil-punt (2) u l-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), rispettivament; |
(7) |
“kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar; |
(8) |
“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u speċifikata aktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2; |
(9) |
“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li ma tingħatax jew ma tingħatax kompletament l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-applikant, inklużi deċiżjonijiet negattivi skont l-Artikolu 34(1)(d) u l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari: (a) jiżguraw li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti msemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) u li ġew miftiehma bil-miktub; jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-applikant irid jikkonforma magħhom bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti. |
(10) |
“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(11) |
“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(12) |
“grupp” tfisser grupp ta' impriżi li jikkonsisti f'impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, jew impriżi marbuta ma' xulxin b'relazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), inkluż kull subgrupp tagħha; |
(13) |
“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
(14) |
“gwida tal-BĊE” tfisser dokument, adottat mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Superviżorju, li tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u li tagħti gwida dwar il-mod kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti legali. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċizjoni tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.
2. Id-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.
Artikolu 3
Delegazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar
1. Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv b'dan jiddelega lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol tal-BĊE, nominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, il-poter li jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.
2. Id-deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji rilevanti għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati, kif stabbilit fl-Artikoli 4, 5 u 6.
3. Id-deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni teħtieġ li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.
4. Kull delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tapplika kemm għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji kif ukoll għall-approvazzjoni ta' valutazzjonijiet pożittivi mill-BĊE fejn deċiżjoni superviżorja mhijiex meħtieġa.
5. Id-deċiżjonijiet negattivi ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata.
6. Fejn id-deċiżjoni ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew irtirar ma jistgħux jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.
Artikolu 4
Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti
1. Deċiżjonijiet ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta xi wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi sodisfatt:
(a) |
l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija riżultat taż-żjieda jew tneħħija ta' livell intermedjarju fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent; |
(b) |
l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija riżultat ta' bidla fis-sjieda tal- entità fil-mira minn entità azzjonarja waħda għal entità azzjonarja oħra fl-istess grupp; |
(c) |
l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija r-riżultat ta' żjieda f'parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti eżistenti, sakemm ma jkunx hemm bidliet materjali mill-aħħar valutazzjoni li jaffettwaw mill-inqas wieħed mill-kriterji ta' valutazzjoni jew l-akkwirent jakkwista kontroll tal-entità fil-mira. |
2. Il-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti għandha ssir skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE, kif ukoll Linji Gwida tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (10).
Artikolu 5
Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' rtirar
1. Deċiżjonijiet ta' rtirar jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:
(a) |
id-deċiżjoni tittieħed fuq talba ta' entità taħt superviżjoni jew minħabba fużjoni, bir-riżultat li l-entità taħt superviżjoni ma tibqax teżisti; |
(b) |
ma jibqgħux depożiti mill-pubbliku mal-entità taħt superviżjoni wara li l-irtirar ikun sar effettiv; |
(c) |
l-irtirar ikun marbut ma' riorganizzazzjoni fi ħdan grupp. |
2. Il-valutazzjoni tal-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għandha ssir skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.
Artikolu 6
Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' passaportar
1. Deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità taħt superviżjoni sinifikanti tista' tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk l-assi totali tal-fergħa kif stmati fil-programm tal-operat ma jkunux jaqbżu l-10 % tal-assi totali tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni.
2. Deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE li jagħtu kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali biex jiġu ggarantiti in solidum l-impenji li tkun tat l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-passiv ipprojjettat tal-intrapriża prinċipali taħt il-garanzija, skont il-pjan tan-negozju għall-attivitajiet imwettqa taħt id-deċiżjoni ta' passaportar, ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-assi totali tal-intrapriża prinċipali fuq livell individwali.
3. Il-valutazzjoni tat-talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.
4. Il-valutazzjoni ta' talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 34, 35 u 39 tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.
Artikolu 7
Dispożizzjoni tranżitorja
Din id-Deċizjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn abbozz ta' proposta għal parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta' rtirar ikun ġie sottomess mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE, jew meta n-notifika dwar l-intenzjoni tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li tistabbilixxi fergħa jew li tiggarantixxi l-impenji mogħtija mill-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom tkun ġiet sottomessa mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċizjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Lulju 2019.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.
(3) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(4) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(5) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.
(6) Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(7) Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).
(8) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(9) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(10) Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol, u Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq, Joint Guidelines on the prudential assessment of acquisitions and increases of qualifying holdings in the financial sector, (Linji Gwida konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet u żidiet f'parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fis-settur finanzjarju, JC/GL/2016/01.