EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0022(01)

Deċiżjoni (UE) 2019/1312 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Lulju 2019 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/22)

OJ L 204, 2.8.2019, p. 123–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1312/oj

2.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/123


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1312 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Lulju 2019

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/22)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida BĊE/2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-għodda, l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fit-28 ta' April 2016, fit-twettiq tal-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex tissaħħaħ it-trasmissjoni tal-politika monetarja billi jingħata inċentiv ulterjuri għat-tislif mill-banek lis-settur privat mhux finanzjarju, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/10) (2). Din id-Deċiżjoni pprovdiet għat-tieni sensiela ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs-II) li għandhom jitwettqu matul il-perijodu minn Ġunju 2016 sa Marzu 2017.

(3)

Fis-7 ta' Marzu 2019, sabiex jassisti fiż-żamma ta' kundizzjonijiet ta' tislif bankarju favorevoli u biex jappoġġja l-pożizzjoni aġevolanti tal-politika monetarja fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jmexxi sensiela ġdida ta' seba' operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTROs-III). Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-TLTROs-III ser jiġu stiplati f'deċiżjoni separata.

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-limiti tal-offerti għat-TLTROs-III, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe ħlasijiet lura bikrin u volontarji li jistgħu jsiru ta' ammonti mislufa taħt TLTROs-II, jeħtieġ li jiġi emendat il-perijodu ta' notifika għal dak il-ħlas lura bikri.

(5)

Sabiex istituzzjonijiet ta' kreditu jkollhom żmien biżżejjed biex jagħmlu preparamenti operazzjonali għall-ewwel TLTRO-III, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien żejjed.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) il-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Sabiex jibbenefika minn proċedura ta' ħlas lura bikri, parteċipant għandu jgħarraf lill-BĊN relevanti li biħsiebu jħallas lura bil-proċedura ta' ħlas lura bikri fid-data ta' ħlas lura bikri, tal-inqas ġimgħa qabel dik id-data ta' ħlas lura bikri.

4.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir vinkolanti fuq il-parteċipant kkonċernat ġimgħatejn qabel id-data tal-ħlas lura bikri li għalih tkun tirreferi. Nuqqas min-naħa tal-parteċipant li jħallas, bis-sħiħ jew b'mod parzjali, l-ammont dovut skont il-proċedura ta' ħlas lura bikri sad-data ta' ħlas lura jista' jirriżulta fl-impożizzjoni ta' penali finanzjarja. Il-penali finanzjarja applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u għandha tikkorrispondi mal-penali finanzjarja applikata għal nuqqasijiet ta' konformità mal-obbligi biex jiġi kkollateralizzat b'mod adegwat u mħallas l-ammont li l-kontroparti tkun ġiet assenjata fir-rigward ta' tranżazzjoni bil-maqlub għall-finijiet tal-politika monetarja. L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊN li jeżerċita r-rimedji stabbiliti għal meta jseħħ każ ta' inadempjenza kif stipulat fl-Artikolu 166 tal-Linja Gwida 2015/510 (BĊE/2014/60).”;

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-3 ta' Awwissu 2019.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60), (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati iktar fit-tul (BĊE/2016/10) (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 107).


Top