EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0020(01)
Decision (EU) 2019/1348 of the European Central Bank of 18 July 2019 on the procedure for recognising non-euro area Member States as reporting Member States under Regulation (EU) 2016/867 on the collection of granular credit and credit risk data (ECB/2019/20)
Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent ta' Stati Membri li mhumiex taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2019/20)
Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent ta' Stati Membri li mhumiex taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2019/20)
OJ L 214, 16.8.2019, p. 3–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 214/3 |
DEĊIŻJONI (UE) 2019/1348 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-18 ta' Lulju 2019
dwar il-proċedura għar-rikonoxximent ta' Stati Membri li mhumiex taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2019/20)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127(2) u (5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (1), u b'mod partikolari il-punt (1) tal-Artikolu 1 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (iktar 'l quddiem “dejta tal-kreditu”) Jissemma f'dak ir-Regolament li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro (iktar 'il quddiem “Stati Membri mhux taż-żona tal-euro”), jistgħu jiddeċiedu li jsiru Stat Membru li jirrapporta billi jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom jewinkella jimponu rekwiżiti rilevanti ta' rapportar skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Dan jista' jinkludi, b'mod partikolari, Stati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2). |
(2) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jimplika li hemm obbligu biex jitfasslu u jiġu implimentati f'livell nazzjonali l-miżuri kollha illi l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro jqisu xierqa sabiex tinġabar l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' rapportar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u jsiru t-tħejjijiet f'waqthom fil-qasam tal-Istatistika sabiex huma jsiru Stati Membri taż-żona tal-euro (iktar 'il quddiem “l-Istati Membri taż-żona tal-euro”). |
(3) |
Kif hu rikonoxxut fil-premessa 7 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-bażi ta' mikrodejta analitika komuni (iktar 'il quddiem “AnaCredit”) kondiviża bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandha tkun miftuħa, fuq bażi volontarja, għal Stati Membri mhux taż-żona tal-euro, b'mod partikolari dawk li jipparteċipaw fl-MSU, sabiex iwessgħu l-ambitu ġeografiku u tad-dejta tiegħu, u jżidu l-armonizzazzjoni madwar l-Unjoni. Bosta banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta' Stati Membri mhux taż-żona tal-euro (minn hawn 'il quddiem imsejħa “BĊNi mhux taż-żona tal-euro”) diġà qegħdin jikkooperaw mal-BĊE u BĊNi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (minn hawn 'il quddiem “BĊNi taż-żona tal-euro”) abbażi tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 (3), li japplika l-miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/6 (4). |
(4) |
Stati Membri mhux taż-żona tal-euro li jiddeċiedu li jsiru Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu hekk lill-BĊE. Il-BĊE għandu jivverifika li huma inkorporaw id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom jew li huma imponew rekwiżiti ta' rapportar rilevanti skont il-liġi nazzjonali tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. |
(5) |
Kif imsemmi fil-premessa 4 tal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/38) (5), l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro jistgħu jinkorporaw ukoll id-dispożizzjonijiet ta' dik il-Linja Gwida fil-liġi nazzjonali jewinkella jimplimentaw miżuri skont il-liġi nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li jissodisfaw obbligi ekwivalenti għat-trażmissjoni tad-dejta lill-BĊE b'mod armonizzat, inklużi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tal-kontropartijiet fid-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD) skont il-Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/16) (6). B'dan il-mod, f'konformità mal-premessa 9 tal-Linja Gwida (UE) 2018/876 (BĊE/2018/16), l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro jistgħu jikkontribwixxu għar-rapportar u l-validazzjoni tad-dejta fir-RIAD u, fuq bażi reċiproka, jaqsmu dejta dwar l-entitajiet domestiċi tagħhom u jkollhom aċċess għas-sett tad-dejta taż-żona tal-euro abbażi tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2018/36 (7). |
(6) |
Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-BĊE fir-rigward ta' (a) espressjonijiet ta' interess minn Stati Membri mhux taż-żona tal-euro biex isiru Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), (b) il-valutazzjoni tiegħu ta' dawn l-espressjonijiet ta' interess, u (c) ir-rikonoxximent tiegħu ta' Stat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu pprovduti proċeduri relatati mas-sospensjoni u t-terminazzjoni potenzjali ta' tali rikonoxximent ta' Stat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta. |
(7) |
Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu ta' dejta ta' kreditu miġbura mill-BĊE, BĊNi taż-żona tal-euro u Stati Membri li jirrapportaw mhux taż-żona tal-euro minn BĊNi mhux taż-żona tal-euro, u l-aċċess għal u użu mill-BĊE, BĊNi taż-żona tal-euro u BĊNi ta' Stati Membri li jirrapportaw mhux taż-żona tal-euro tad-dejta miġbura minn Stati Membri li jirrapportaw li mhumiex taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, jeħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim separat legalment vinkolanti. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (8). |
(8) |
Għalhekk, id-deċiżjoni li Stat Membru mhux taż-żona tal-euro jiġi rikonoxxut bħala Stat Membru li jirrapporta tkun tiddependi fuq l-eżistenza ta' ftehim li jorbot legalment li jirregola l-interazzjoni bejn il-BĊNi mhux taż-żona tal-euro, il-BĊE u l-BĊNi taż-żona tal-euro għall-kondiviżjoni tad-dejta tal-kreditu u kwistjonijiet rilevanti oħra, inkluża l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq l-użu jew it-trażmissjoni tad-dejta tal-kreditu, bħal fil-kuntest ta' kwalunkwe ċirkwit ta' feedback stabbilit skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u objettivi
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-BĊE biex jirrikonoxxi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
It-termini użati f'din id-Deċiżjoni għandhom l-istess tifsira bħal dawk fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), sakemm ma jiġix pprovdut mod ieħor.
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “aġent li jirrapporta” tfisser jew entità legali jew fergħa barranija li hija residenti fl-Istat Membru relevanti mhux taż-żona tal-euro u li hija suġġetta għal rekwiżiti ta' rapportar li huma l-istess bħal jew rilevanti għar-rekwiżiti tar-rapportar tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).
Artikolu 3
Kriterji biex jikkwalifika bħala Stat Membru li jirrapporta
1. Il-BĊE jista' jirrikonoxxi biss Stat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) jekk ikun sodisfatt li l-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro inkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38) fil-liġi nazzjonali tiegħu jew impona mod ieħor rekwiżiti ta' rapportar rilevanti skont il-liġi nazzjonali tiegħu.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BĊE għandu jikkunsidra jekk il-BĊN tal-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro, f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra fejn meħtieġ taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, ingħatax is-setgħa, bħala minimu:
(a) |
li jidentifika u jirrevedi l-popolazzjoni attwali li tirrapporta kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); |
(b) |
li jiġbor dejta ta' kreditu miġjuba mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta kif definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) u (5) ta' dak ir-Regolament jew ta' dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-liġi nazzjonali tiegħu; |
(c) |
li jidentifika kontropartijiet bil-mod deskritt fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); |
(d) |
li jimponi fuq l-aġenti li jrrapportaw identifikati fil-punt (a) rekwiżiti ta' rapportar statistiku li huma l-istess jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8, u 13 sa 15 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); |
(e) |
li jagħti derogi lil aġenti li jirrapportaw żgħar kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); |
(f) |
li jivverifka u jwettaq il-ġbir obbligatorju tal-informazzjoni meta aġent li jirrapporta ma jissodisfax l-istandards minimi għat-trażmissjoni, l-eżattezza, il-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u |
(g) |
li jimponi sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw kif stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). |
Sabiex jiġi evitat id-dubju, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-istadji tal-implimentazzjoni u l-ewwel rapportar kif speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) m'għandhomx għalfejn jiġu inkorporati fil-liġi nazzjonali.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BĊE għandu wkoll jikkunsidra jekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-liġijiet nazzjonali fihomx dispożizzjonijiet li jinkorporaw l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.
Artikolu 4
Espressjoni ta' interess
1. Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jixtieq isir Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) jista' jissottometti lill-BĊE espressjoni ta' interess uffiċjali biex isir Stat Membru li jirrapporta (iktar 'il quddiem “Stat Membru interessat”), bl-użu tal-mudell ipprovdut fl-Anness I.
2. Sabiex il-BĊE jikkunsidra l-espressjoni ta' interess imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun akkumpanjata mid-dokumentazzjoni ta' implimentazzjoni għall-finijiet tal-verifika msemmija fl-Artikolu 5(3), inklużi, iżda mhux limitati għal dan li ġej:
(a) |
tabella ta' korrelazzjoni mimlija, bl-użu tal-mudell ipprovdut fl-Appendiċi tal-Anness I; |
(b) |
kopja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti flimkien ma' traduzzjoni bl-Ingliż tagħha; |
(c) |
opinjoni legali, maħruġa minn parti terza indipendenti esterna jew is-servizzi legali tal-awtorità nazzjonali relevanti, sodisfaċenti għall-BĊE li tikkonferma li:
|
3. Tali espressjoni ta' interess għandha tiġi irċevuta mill-BĊE mill-inqas [disa'] xhur qabel id-data tal-ewwel trażmissjoni ta' dejta dwar il-kreditu, kif stabbilit fl-Artikolu 6, kif indikat mill-Istat Membru interessat fl-espressjoni ta' interess tiegħu, u għandu jispeċifika d-dati ta' referenza tar-rapportar u l-perjodi ta' referenza li għandhom ikunu koperti mill-ewwel trażmissjoni.
Artikolu 5
Proċedura ta' verifika
1. Il-BĊE għandu jirrikonoxxi bil-miktub li rċieva espressjoni ta' interess minn Stat Membru interessat lil dak l-Istat Membru fi żmien 20 jum.
2. Il-BĊE jista' jitlob informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għal dik speċifikata fl-Artikolu 4(2) li huwa jqis xieraq għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-espressjoni ta' interess tal-Istat Membru interessat. Il-BĊE għandu jgħarraf minnufih bil-miktub li rċieva kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali bħal din lill-Istat Membru interessat.
3. Il-BĊE għandu jivverifika li l-Istat Membru interessat inkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38) fil-liġi nazzjonali tiegħu, jew impona mod ieħor rekwiżiti ta' rapportar relevanti skont il-liġi nazzjonali tiegħu.
4. Għall-fini tal-verifika msemmija fil-paragrafu 3, il-BĊE għandu jagħti mandat lill-Kumitat tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (STC) biex jikkoordina l-proċess u biex jagħti mandat lill-Kumitat Legali (LEGCO) biex iħejji rapport ta' verifika. Ir-rapport ta' verifika għandu jivvaluta:
(a) |
sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) speċifikati fl-Artikolu 3(2) ġew implimentati fil-liġi nazzjonali u, |
(b) |
fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) ma ġewx implimentati, ir-raġuni għal tali nuqqas ta' implimentazzjoni. |
5. Fejn, fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni kompluta sottomessa mill-Istat Membru interessat il-BĊE huwa sodisfatt li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 ġew sodisfatti, għandu jiddeċiedi li jirrikonoxxi li l-Istat Membru interessat jikkwalifika bħala Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li minnha japplika r-rikonoxximent, id-dati ta' referenza ta' rapportar u l-perjodi ta' referenza li għandhom ikunu koperti mill-ewwel trażmissjoni, u d-data relevanti għall-ewwel rapportar, li m'għandhiex tkun qabel id-data indikata mill-Istat Membru interessat fl-espressjoni ta' interess tiegħu.
6. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun suġġetta għall-BĊN tal-Istat Membru interessat li jidħol fi ftehim fil-forma stabbilita fl-Anness II, li jirregola l-interazzjoni tiegħu mal-BĊE, il-BĊN taż-żona tal-euro u BĊNi ta' Stati Membri mhux taż-żona tal-euro li ġew rikonoxxuti bħala Stati Membri li jirrappurtaw dwar il-kondiviżjoni tad-dejta tal-kreditu u kwistjonijiet relatati.
Inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, dan il-ftehim għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal: (a) I-aċċess għal u l-użu ta' dejta ta' kreditu miġbura mill-BĊE, BĊNi taż-żona tal-euro u Stati Membri li jirrapportaw mhux taż-żona tal-euro minn BĊNi mhux taż-żona tal-euro, u (b) l-aċċess għal u użu mill-BĊE, mill-BĊNi taż-żona tal-euro u mill-BĊNi ta' Stati Membri li jirrapurtaw li mhumiex fiż-żona tal-euro tad-dejta miġbura minn Stati Membri li jirrapportaw li mhumiex fiż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.
Kwalunkwe ftehim bħal dan konkluż mill-BĊN ta' Stat Membru interessat ma jistax jiġi emendat b'mod li jkun inkonsistenti mal-formola stabbilita fl-Anness II.
7. Il-BĊE għandu jiddeċiedi li l-Istat Membru interessat ma jikkwalifikax bħala Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
(a) |
fejn, fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni kompluta sottomessa mill-Istat Membru interessat, il-BĊE jikkonkludi li ma jissodisfax il-kriterji biex jikkwalifika bħala Stat Membru li jirrapporta skont l-Artikolu 3; |
(b) |
fejn il-BĊE ma jirċevix l-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni tiegħu fi żmien [sena] minn meta jirċievi espressjoni ta' interess mill-Istat Membru interessat; |
(c) |
fejn il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 6 ma jkunx ġie konkluż. |
8. Mhux aktar tard minn [sitt xhur] wara d-data tar-rikonoxximent tal-BĊE li rċieva d-dokumentazzjoni skont il-paragrafu 1, jew, fejn applikabbli, il-paragrafu 2, il-BĊE għandu jinnotifika lill-Istat Membru interessat bid-deċiżjoni tiegħu kif imsemmi fil-paragrafi 5 u 7. Din in-notifika għandha tinkludi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni. Madankollu, il-BĊE u l-Istat Membru interessat jistgħu jaqblu li jestendu l-perjodu li matulu l-BĊE għandu jinnotifika lill-Istat Membru interessat bid-deċiżjoni tiegħu.
9. Il-BĊE għandu jikkunsidra talba għar-reviżjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 7 mill-Istat Membru interessat sakemm:
(a) |
tiġi riċevuta fi żmien [30] jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni; |
(b) |
tispeċifika r-raġunijiet għat-talba għal reviżjoni; u |
(c) |
tinkludi l-informazzjoni kollha ta' appoġġ. |
Malli jirċievi talba għal reviżjoni, il-BĊE għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jista' jipprovdi lill-Istat Membru interessat bl-opportunità li jdaħħal fis-seħħ l-arranġamenti meħtieġa li jippermettulu li jkun rikonoxxut bħala Stat Membru li jirrapporta. Il-BĊE jirriżerva d-dritt li jitlob is-sottomissjoni ta' opinjoni legali ġdida, maħruġa minn parti terza indipendenti esterna jew is-servizzi legali tal-awtorità nazzjonali relevanti, li tikkonferma l-validità u l-applikabilità ta' dawn l-arranġamenti.
Artikolu 6
Trażmissjoni finali tad-dejta ta' kreditu
1. Wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-BĊE li tirrikonoxxi li Stat Membru interessat jikkwalifika bħala Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u bla ħsara għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 5(6), il-BĊE għandu jitlob lill-BĊN tal-Istat Membru interessat biex jidentifika u jirrevedi l-popolazzjoni attwali li tirrapporta skont l-Artikolu 5 tal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38).
2. Jekk l-Istat Membru interessat ġie rikonoxxut bħala Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u tali rikonoxximent japplika minn data li jipprevjeni lill-BĊN ta' dak l-Istat Membru milli jidentifika u jirrevedi l-popolazzjoni attwali li tirrapporta fl-ewwel trimestru tal-ewwel sena li fiha għandha tibda tirrapporta, allura l-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandha tkun identifikata mill-Istati Membri l-oħra li jirrappurtaw, skont l-Artikolu 5 tal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 (BĊE/2017/38) f'dik is-sena.
3. L-ewwel trażmissjoni tad-dejta ta' kreditu tista' ssir biss wara li l-BĊE stabbilixxa li l-BĊN tal-Istat Membru interessat żviluppa sistema tal-IT interoperabbli mal-infrastruttura teknika tal-BĊE.
4. L-ewwel trażmissjoni ta' kull xahar u ta' kull trimestru għandha tibda fid-data indikata mill-BĊE fid-deċiżjoni tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5(5).
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jissospendi jew jittermina r-rikonoxximent tiegħu ta' Stat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta jekk ikollu raġunijiet biex jemmen li l-Istat Membru relevanti m'għadux jissodisfa l-kriterji biex jikkwalifika bħala Stat Membru li jirrapporta skont l-Artikolu 3. Fil-każ ta' terminazzjoni tar-rikonoxximent ta' Stat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta, il-ftehim milħuq skont l-Artikolu 5(6) għandu jiġi tterminat awtomatikament.
2. Fi kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-BĊE għandu jiddikjara r-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-terminazzjoni, jispeċifika l-effett tad-deċiżjoni u jindika d-data minn meta għandhom japplikaw is-sospensjoni jew it-terminazzjoni u t-tul tal-perjodu ta' sospensjoni. Sospensjoni għandha tkun għal perjodu massimu ta' sitt xhur. Il-BĊE jista' jestendi l-perjodu tas-sospensjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali, imma darba biss. Fejn ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jiġux irrimedjati fil-perjodu preskritt, il-BĊE għandu jtemm ir-rikonoxximent tal-Istat Membru relevanti mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta.
3. Il-BĊE u l-BĊN ta' Stat Membru li jirrapporta mhux taż-żona tal-euro jistgħu jtemmu l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 5(6) skont id-dispożizzjonijiet tiegħu. F'każ bħal dan, ir-rikonoxximent tal-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta għandu jiġi tterminat awtomatikament u ma jibqax ikollu effett.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Lulju 2019.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44.
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(3) Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU C 103, 8.4.2014, p. 1).
(4) Deċiżjoni BĊE/2014/6 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-Istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU L 104, 8.4.2014, p. 72).
(5) Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Novembru 2017 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38) (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 66).
(6) Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar id-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (BĊE/2018/16) (ĠU L 154, 18.6.2018, p. 3).
(7) Rakkomandazzjoni BĊE/2018/36 tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar id-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (ĠU C 21, 17.1.2019, p. 1).
(8) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).
ANNESS I
MUDELL
ESPRESSJONI TA' INTERESS BIS-SAĦĦA TAL-ARTIKOLU 4 TAD-DEĊIŻJONI (UE) 2019/1348 (BĊE/2019/20)
ta'
[Bank ċentrali nazzjonali jew awtorità nazzjonali relevanti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba]
Notifika lill-Bank Ċentrali Ewropew ta' espressjoni ta' interess skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1348 (BĊE/2019/20)
1. |
L-[Istat Membru li jagħmel it-talba] b'dan jesprimi l-interess tiegħu li jsir Stat Membru li jirrapporta skont ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (1). |
2. |
L-[Istat Membru li jagħmel it-talba] hawnhekk jikkonferma li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/20) (2). B'mod partikolari, l-[Istat Membru li jagħmel it-talba] jikkonferma li inkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/38) (3) fil-liġi nazzjonali tiegħu jew li impona rekwiżiti ta' rapportar rilevanti skont il-liġi nazzjonali tiegħu, u li żviluppa sistema tal-IT interoperattiva mal-infrastruttura teknika tal-BĊE. |
3. |
L-[Istat Membru li jagħmel it-talba] hawnhekk jissottometti lill-BĊE d-dokumentazzjoni li turi l-impriża msemmija hawn fuq, inkluż dan li ġej:
|
4. |
L-[Istat Membru li jagħmel it-talba] b'dan jiddikjara li se jkun jista' jittrażmetti l-ewwel sett ta' dejta ta' kreditu, kif definit fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), minn [niżżel id-data]. |
[Bank ċentrali nazzjonali jew awtorità nazzjonali relevanti]
Għall-[Istat Membru]
[firma]
[data]
(1) Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).
(2) Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent tal-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2019/20) (ĠU L 214, 16.8.2019, p. 3).
(3) Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Novembru 2017 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38) (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 66).
Appendiċi
Verifika tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13)
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
[isem tal-bank ċentrali nazzjonali jew tal-awtorità nazzjonali relevanti]
Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) |
Mod ta' implimentazzjoni |
Jekk mhux implimentat, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' implimentazzjoni |
Artikolu 3 |
|
|
Artikolu 4 |
|
|
Artikolu 5 |
|
|
Artikolu 6 |
|
|
Artikolu 7 |
|
|
Artikolu 8 |
|
|
Artikolu 9 |
|
|
Artikolu 10 |
|
|
Artikolu 12 |
|
|
Artikolu 13 |
|
|
Artikolu 14 |
|
|
Artikolu 15 |
|
|
Artikolu 16 |
|
|
Artikolu 17 |
|
|
Artikolu 18 |
|
|
ANNESS II
MUDELL
FTEHIM
TA' [JUM XAHAR SENA]
BEJN IL-[NIŻŻEL L-ISEM TA' BĊN MHUX TAL-EUROSISTEMA] U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW DWAR IT-TRAŻMISSJONI TA' MIKRODEJTA DWAR IL-KREDITU U R-RISKJU TAL-KREDITU
[Daħħal il-BĊE u l-indirizz],
(iktar 'il quddiem imsejjaħ il-“BĊE”)
u
[Daħħal l-isem u l-indirizz tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema]
(iktar 'il quddiem imsejjaħ il-“BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema”)
Il-partijiet f'dan il-Ftehim huma kollettivament imsejħin il-“Partijiet” jew individwalment bħala “Parti”.
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (1) jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (iktar 'il quddiem “mikrodejta”) Ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) jispeċifika li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro (iktar 'il quddiem “Stati Membri mhux taż-żona tal-euro”), jistgħu jiddeċiedu li jsiru Stati Membri li jirrapportaw billi jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) fil-liġi nazzjonali tagħhom jewinkella jimponu rekwiżiti rilevanti ta' rapportar skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Dan jista' jinkludi, b'mod partikolari, Stati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2). |
(2) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jimplika li hemm obbligu biex jitfasslu u jiġu implimentati f'livell nazzjonali l-miżuri kollha illi l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro jqisu xierqa sabiex tinġabar l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' rapportar statistiku tal-BĊE u jsiru t-tħejjijiet f'waqthom fil-qasam tal-istatistika sabiex huma jsiru Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem “l-Istati Membri taż-żona tal-euro”). |
(3) |
L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (3) jeħtieġ li l-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) jieħdu l-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali u jeħtieġ li l-BĊE jiddefinixxi regoli komuni u jimplimenta standards minimi biex jipprevjeni l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali. |
(4) |
Il-Linja Gwida BĊE/1998/NP28 (4) (iktar 'il quddiem il-“Linja Gwida dwar il-Kunfidenzjalità”) tistabbilixxi r-regoli komuni u l-istandards minimi meħtieġa biex jiġi żgurat livell bażiku ta' protezzjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mill-BĊE megħjun mill-BĊNi tal-Eurosistema. |
(5) |
Il-Kunsill Governattiv irrakkomanda (5) lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi mhux tal-Eurosistema”) biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida dwar il-Kunfidenzjalità fir-rigward ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali irċevuta mill-BĊE megħjun mill-BĊNi u biex jikkonfermaw dan permezz ta' ftehim konkluż mal-BĊE u l-BĊNi. B'riżultat ta' dan, il-BĊNi mhux tal-Eurosistema kkonfermaw bi ftehim li huma josservaw il-Linja Gwida dwar il-Kunfidenzjalità fir-rigward ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali irċevuta mill-BĊE megħjun mill-BĊNi. |
(6) |
Id-Deċiżjoni BĊE/2014/6 (6) tistabbilixxi l-proċedura għall-iżvilupp ta' qafas fit-tul għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu bbażat fuq rekwiżiti ta' rapportar statistiku armonizzat tal-BĊE. Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 (7) tħeġġeġ lill-BĊNi mhux tal-Eurosistema, imma li qed jippreparaw biex jingħaqdu fil-qafas fit-tul, biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2014/6. Diversi BĊNi mhux tal-Eurosistema jikkooperaw mal-BĊNi tal-Eurosistema f'konformità mar-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7. |
(7) |
Stati Membri mhux taż-żona tal-euro jistgħu jixtiequ jsiru Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/20) (8) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”) tistabbilixxi l-proċeduri relatati ma' (a) espressjonijiet ta' interess minn Stati Membri mhux taż-żona tal-euro sabiex isiru Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), (b) il-valutazzjoni ta' dawn l-espressjonijiet ta' interess mill-BĊE u (c) ir-rikonoxximent mill-BĊE ta' Stat Membru mhux taż-żona tal-euro speċifiku bħala Stat Membru li jirrapporta. |
(8) |
Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu ta' dejta ta' kreditu miġbura mill-BĊE, BĊNi tal-Eurosistema u Stati Membri li jirrapportaw li mhumiex taż-żona tal-euro minn BĊNi li mhumiex taż-żona tal-euro, u l-aċċess għal u użu mill-BĊE, BĊNi tal-Eurosistema u BĊNi ta' Stati Membri li jirrapportaw mhux taż-żona tal-euro bid-dejta miġbura minn Stati Membri li jirrapportaw mhux taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. |
(9) |
Dan il-Ftehim għandu għalhekk jinqara flimkien mad-Deċiżjoni, |
QABLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Aċċess għal u l-użu tas-sett ta' dejta tal-AnaCredit
1. Mal-eżekuzzjoni ta' dan il-Ftehim, il-BĊE għandu jagħti lill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema aċċess għad-dejta tal-kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti (imsejħa flimkien bħala “sett ta' dejta tal-AnaCredit”) miġbur skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016)/13), skont id-dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/38) (9) u ta' dan il-Ftehim.
2. Dejta ta' kreditu miġbura mill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandha tkun aċċessata permezz tal-pjattaforma tal-IT kondiviża u tista' tkun aċċessata mill-BĊE, BĊNi tal-Eurosistema u BĊNi ta' Stati Membri li jirrapportaw li mhumiex taż-żona tal-euro skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u ta' dan il-Ftehim. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema hawnhekk jikkonferma li l-kondiviżjoni ta' dejta ta' kreditu miġbura minnu mal-BĊE, il-BĊNi tal-Eurosistema u l-BĊNi ta' Stati Membri li jirrapportaw li mhumiex taż-żona tal-euro hija permessa mir-reġim nazzjonali applikabbli.
3. Il-Partijiet jaqblu li s-sett tad-dejta tal-AnaCredit, inkluża dejta tal-kreditu miġbura minn BĊNi mhux tal-Eurosistema, għandu jintuża biss sal-punt u għall-għanijiet definiti fir-Regolament (KE) Nru 2533/98. Id-dejta tal-kreditu ma tistax tintuża għall-finijiet tal-kompiti tal-politika monetarja tal-BĊNi mhux tal-Eurosistema. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-użu minn BĊN mhux tal-Eurosistema ta' dejta tal-kreditu li jkun ġabar skont il-liġi nazzjonali għall-finijiet tal-kompiti tal-politika monetarja tiegħu.
4. Il-Partijiet jaqblu wkoll li l-aċċess għas-sett tad-dejta AnaCredit mill-utenti individwali jew mill-unitajiet organizzattivi tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għal skopijiet mhux statistiċi għandu jkun permess biss wara approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv, jew mill-Bord Eżekuttiv b'delega mill-Kunsill Governattiv. Għal dan il-għan, il-BĊN mhux tal-Eurosistema jaqbel li jissottometti talba, li għandha tispeċifika b'mod ċar:
(a) |
id-dejta mitluba; |
(b) |
ir-raġunijiet għalfejn l-aċċess għal din id-dejta hija meħtieġa għall-utenti individwali jew għall-unitajiet organizzattivi għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi tagħhom; u |
(c) |
il-miżuri li se jiġu implimentati biex jiżguraw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dejta kif deskritt fl-Artikolu 2(1). |
It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kumitat tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (STC) għall-valutazzjoni preliminari tagħha u għal trażmissjoni ulterjuri għall-approvazzjoni lill-Kunsill Governattiv, jew fejn applikabbli, lill-Bord Eżekuttiv.
5. Wara l-valutazzjoni tal-STC tat-talba għal aċċess u bla ħsara għall-approvazzjoni tiegħu tal-Kunsill Governattiv, jew, fejn applikabbli, tal-Bord Eżekuttiv, il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandu jimplimenta proċedura ta' awtorizzazzjoni qabel ma jagħti aċċess lil utent individwali jew unità organizzattiva tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema. Dan għandu jiżgura li:
(a) |
utenti individwali u unitajiet organizzattivi tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandhom jissottomettu talba permezz tal-maniġer tal-linja tagħhom lill-BĊE li għandu jivverifika l-konformità ta' tali talbiet mad-Deċiżjoni; u |
(b) |
it-talbiet għall-aċċess għandhom jiġu approvati wkoll mill-“proprjetarju tas-sistema”, jiġifieri l-maniġers tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema li l-unità tagħha topera jew tamministra s-sistema li fiha s-sett tad-dejta tal-AnaCredit. |
6. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandu jiżgura li l-proċess ġenerali għall-għoti tal-aċċess jiġi stabbilit skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu u li l-membru STC tiegħu għandu jinforma lill-STC, għall-inqas fuq bażi annwali, bl-aċċess mogħti għas-sett tad-dejta tal-AnaCredit, kif ukoll ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-miżuri ta' protezzjoni tal-kunfidenzjalità stabbiliti fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 2(2). Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema jaqbel ukoll li informazzjoni dettaljata dwar l-aċċess mogħti u kwalunkwe kwistjoni oħra ta' aċċess għandha tkun disponibbli fuq talba lill-BĊE.
7. Kwalunkwe trażmissjoni oħra tas-sett tad-dejta tal-AnaCredit għandha tkun awtorizzata espliċitament minn qabel mill-membru tas-SEBĊ li ġabar id-dejta rilevanti, u tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli.
8. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema hawnhekk jawtorizza t-trażmissjoni ulterjuri ta' dejta li jkun ġabar lil BĊNi oħra mhux tal-Eurosistema tal-Istati Membri rikonoxxuti bħala Stati Membri li jirrappurtaw, sakemm l-aċċess jingħata skont it-termini stabbiliti f'dan il-Ftehim u l-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli.
9. Il-Partijiet jaqblu wkoll li l-ġabra ta' dejta AnaCredit mhijiex meħtieġa u ma tistax tintuża minn kwalunkwe BĊN mhux tal-Eurosistema għall-iskopijiet li tiġi stabbilita u miżmuma ċirkwiti ta' feedback skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) sakemm tali l-użu ġie rregolat f'qafas legali vinkolanti stabbilit mill-BĊE.
10. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema jintrabat li, fil-każ li l-BĊE jemenda l-qafas li jirregola l-AnaCredit, huwa għandu jew jimplimenta l-emendi fil-liġi nazzjonali tiegħu jew jibda l-irtirar mill-proġett skont l-Artikolu 6(4).
Artikolu 2
Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità
1. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema jintrabat li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida dwar il-Kunfidenzjalità fir-rigward tas-sett tad-dejta tal-AnaCredit irċevut mill-BĊE. B'mod partikolari, għandu jdaħħal fis-seħħ il-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni loġika u fiżika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali.
2. Skont l-Artikolu 7 tal-Linja Gwida dwar il-Kunfidenzjalità, il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandu jinforma lill-BĊE mill-inqas darba fis-sena bi kwalunkwe problema li jkollu fl-aħħar perjodu, l-azzjonijiet meħuda bi tweġiba għalihom u t-titjib ippjanat fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dejta tal-kreditu. L-STC għandu jħejji r-rapport korrispondenti. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għandu jinnotifika lill-BĊE fil-każ ta' emenda tal-liġijiet nazzjonali tiegħu li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità mogħtija lis-sett tad-dejta tal-AnaCredit f'dan l-Artikolu.
3. Il-BĊE jista' jitlob lill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema biex jieħu miżuri addizzjonali, jew jimponi aktar kundizzjonijiet wara li jinnotifika debitament lill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema, fir-rigward tal-aċċess tiegħu u l-użu tas-sett tad-dejta AnaCredit.
Artikolu 3
Rapportar ta' ksur u sospensjoni ta' aċċess
1. Jekk is-sett tad-dejta tal-AnaCredit inkluża dejta tal-kreditu miġbura minn BĊNi mhux tal-Eurosistema jiġi ttrattat bi ksur tal-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-dejta jew rekwiżiti oħra imposti mil-liġi tal-Unjoni, fil-każ ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u/jew mil-liġi nazzjonali, fil-każ tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirrimedjaw dan il-ksur u jipprevjenu li jerġa' jseħħ. Il-Partijiet għandhom jikkonformaw ma' kwalunkwe obbligu impost mil-liġi applikabbli, inklużi r-rekwiżiti ta' notifika fejn applikabbli.
2. Il-BĊE jista' jissospendi l-aċċess tal-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema għas-sett tad-dejta tal-AnaCredit u jitlob lill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema biex iħassar kull sett ta' dejta bħal din maħżuna internament b'effett immedjat jekk il-BĊE jiddetermina li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi evitat ksur materjali ta' dan il-Ftehim jew biex tiġi żgurata konformità ma' kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi applikabbli għall-Partijiet, jew fil-każ ta' sospensjoni tar-rikonoxximent tal-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni. It-tħassir tad-dejta għandu jseħħ skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-liġi nazzjonali.
Artikolu 4
Soluzzjoni ta' tilwim
Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-prerogattivi tal-Kunsill Governattiv, kwalunkwe tilwim operattiv jew tekniku li jinqala' bejn il-Partijiet b'konnessjoni ma' dan il-Ftehim li ma jistax jiġi solvut bi ftehim għandu jiġi riżolt skont il-Memorandum ta' Ftehim dwar Proċedura ta' Soluzzjoni ta' Tilwim Intra-SEBĊ tas-26 April 2007, jew kwalunkwe reviżjoni sussegwenti jew sostituzzjoni tiegħu.
Artikolu 5
Ċessjoni mhux permessa
La dan il-Ftehim, u lanqas kwalunkwe interess jew obbligu fih jew taħtu, ma jistgħu jiġu trasferiti mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-BĊE.
Artikolu 6
Data effettiva, emenda u terminazzjoni
1. Il-BĊE u l-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema jsiru Partijiet f'dan il-Ftehim biss meta jiffirmaw u jeżegwixxu l-Ftehim kif xieraq. Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ mid-data speċifikata mill-Kunsill Governattiv, u wara komunikazzjoni minn qabel lill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-prerogattivi tal-Kunsill Governattiv, dan il-Ftehim għandu jibqa' effettiv sakemm il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema jkun Parti f'dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat biss bil-miktub b'mod li jkun konsistenti mal-forma tal-ftehim mudell stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni.
3. Dan il-Ftehim għandu jiġi terminat awtomatikament jekk il-BĊE jiddeċiedi li jittermina r-rikonoxximent tiegħu tal-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni.
4. Il-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema u l-BĊE jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim f'mhux inqas minn [tletin/sittin] jum avviż bil-miktub minn qabel lil xulxin. Kwalunkwe terminazzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandhiex tippreġudika l-kontinwazzjoni u s-sopravivenza ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u l-obbligi ta' kull waħda mill-Partijiet li jeżistu fid-data jew qabel id-data li fiha din it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 1(3), (4) u (5) u fl-Artikolu 2(1) u (3) dwar il-kundizzjonijiet għall-użu u t-trażmissjoni ta' dejta tal-kreditu u protezzjoni ta' kunfidenzjalità għandhom ikomplu japplikaw wara t-tmiem ta' dan il-Ftehim fir-rigward ta' kwalunkwe dejta tal-kreditu, inkluża dejta tal-kreditu miġbura mill-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema, li kienu disponibbli qabel id-data tat-tmiem.
Artikolu 7
Kontropartijiet
Dan il-Ftehim jista' jitwettaq f'kontropartijiet fil-lingwa Ingliża, imma l-istrument oriġinali għandu jitqies bħala dak iddepożitat fil-BĊE. Kull Parti tirċievi kopja ċċertifikata tagħha.
[Dan il-Ftehim huwa ffirmat u esegwit mir-rappreżentanti debitament awtorizzati tal-Partijiet.]
Magħmul fi Frankfurt am Main, [data Xahar SSSS].
[Daħħal il-paġni tal-firma għall-BĊE u l-BĊN li mhuwiex tal-Eurosistema]
(1) Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 23).
(4) Linja Gwida BĊE/1998/NP28 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar regoli komuni u standards minimi biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE megħjun mill-BĊNi, kif ippubblikata fl-Anness III tad-Deċiżjoni BĊE/2000/12 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-pubblikazzjoni ta' ċerti atti u strumenti legali tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 55, 24.2.2001, p. 72).
(5) Rakkomandazzjoni BĊE/2014/14 tas-27 ta' Marzu 2014 dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU C 186, 18.6.2014, p. 1).
(6) Deċiżjoni BĊE/2014/6 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-Istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU L 104, 8.4.2014, p. 72).
(7) Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU C 103, 8.4.2014, p. 1).
(8) Deċiżjoni (UE) 2019/1348 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent tal-Istati Membri li mhumiex taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2019/20) (ĠU L 214, 16.8.2019, p. 3).
(9) Linja gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Novembru 2017 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38) (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 66).